Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-28 ta' Ġunju 2004 fuq it-talba tal-Burkina Faso sabiex taderixxi mal-Protokoll fuq iz-Zokkor mill-ACP (2004/527/KE)
Grade B
mapped from publisher markup. A grade says how a document's structure was obtained, not how reliable the law is.
Address https://gelex.eu/eli/EU/act/2004/527@2004-07-01/mt
Contents
IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u partikolarment l-Artikolu 133, flimkien ma' l-ewwel sentenza ta' l-Artikolu 300(2) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,
Billi:
(1) Id-Dikjarazzjoni Konġunta dwar il-Protokoll 3 dwar iz-Zokkor mill-ACP tal-Ftehim ta' Sħubija ACP-KE tipprovdi li kull talba minn Parti Kontraenti għall-Konvenzjoni mill-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku (ACP) li mhix imsemmija speċifikament f'dak il-Protokoll sabiex tieħu sehem fid-disposizzjonijiet tiegħu għandha tkun eżaminata.
(2) Il-Burkina Faso hija Stat ACP li huwa Parti Kontraenti għall-Ftehim ta' Sħubija ACP-KE u talbet f'Novembru 2000 sabiex tieħu sehem fid-disposizzjonijiet tal-Protokoll imsemmi.
(3) F'ittra tat-30 ta' Settembru 2002, l-Istati ACP urew il-kunsens tagħhom għall-adeżjoni tal-Burkina Faso mal-Protokoll imsemmi.
(4) Eżami tat-talba tal-Burkina Faso wera li l-pajjiż mhux pajjiż esportatur nett taz-zokkor u mhux kapaċi jesporta z-zokkor fuq bażi permanenti.
(5) Huwa xieraq li din il-konklużjoni tintbagħat lill-Burkina Faso permezz ta' ittra,
IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:
Artikolu Uniku
It-talba tal-Burkina Faso sabiex taderixxi mal-Protokoll 3 dwar iz-zokkor mill-ACP-KE tal-Ftehim ta' Sħubija ACP-KE mhix aċċettata. L-ittra mehmuża għandha tinbagħat lill-Burkina Faso.
Magħmula fil-Lussemburgu, nhar it-28 ta' Ġunju 2004. Għall-Kunsill Il-President M. Cullen
ANNEX
ANNESS
Brussell, Eċċellenza, Għandi l-unur li nirreferi għall-ittra tiegħek li ġġib id-data tat-8 ta' Novembru 2000 li titlob l-adeżjoni mal-Protokoll dwar iz-zokkor mill-ACP. F'konformità mad-Dikjarazzjoni Konġunta annessa mal-Protokoll dwar iz-zokkor mill-ACP, il-Komunità Ewropea eżaminat it-talba tiegħek u waslet għall-konklużjoni li fil-preżent il-Burkina Faso mhix f'pożizzjoni li tissodisfa fuq bażi permanenti l-obbligi tal-Protokoll. F'każijiet preċedenti, il-kapaċità li dawn l-obbligi jiġu sodisfatti kienet definita mill-fatt li l-pajjiż in kwistjoni kien esportatur nett taz-zokkor. Għalhekk jisgħobbija li l-Komunità ma tistax taċċetta t-talba tal-Burkina Faso sabiex tingħaqad mal-Protokoll taz-Zokkor. Kopja ta' din l-ittra intbagħtet lis-Segretarju Ġenerali ta' l-Istati ACP. Jekk jogħġbok aċċetta, Eċċellenza, l-assigurazzjoni tal-kunsiderazzjoni mill-aktar għolja tiegħi. Għan-nom tal-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea