Deċiżjoni tal-Kunsill tat-22 ta’ Diċembru 2004 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Prinċipalità ta' Monako li jipprevedi miżuri ekwivalenti għal dawk stabbiliti fid-Direttiva tal-Kunsill 2003/48/KE dwar it-tassazzjoni fuq id-dħul mit-tfaddil fil-forma ta' ħlasijiet ta' interessi (2005/347/KE)
Grade B
mapped from publisher markup. A grade says how a document's structure was obtained, not how reliable the law is.
Address https://gelex.eu/eli/EU/act/2005/347@2005-04-30/mt
Contents
IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 94 flimkien ma’ l-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 2, l-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 3 u l-paragrafu 4 ta' l-Artikolu 300 tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,
Wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Parlament Ewropew,
Billi:
(1) Fis-16 ta' Ottubru 2001, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni biex tinnegozja mal-Prinċipalità ta' Monako ftehim biex tiġi assigurata l-adozzjoni minn dak l-Istat ta' miżuri ekwivalenti għal dawk li għandhom jiġu applikati fil-Komunità biex tkun żgurata tassazzjoni effettiva fuq id-dħul mit-tfaddil fil-forma ta' ħlasijiet ta' interessi.
(2) It-test tal-Ftehim li huwa r-riżultat ta' dawn in-negozjati jirrifletti kif suppost id-direttivi ta' negozjati maħruġa mill-Kunsill. Huwa akkumpanjat minn Memorandum ta' Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Prinċipalità ta' Monako. Iż-żewġ testi huma mehmuża mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/35/KE.
(3) L-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/48/KE tiddependi mill-applikazzjoni, mill-Prinċipalità ta' Monako, ta' miżuri ekwivalenti għal dawk li jinsabu f'dik id-Direttiva, skond ftehim konkluż minn dak l-Istat mal-Komunità Ewropea.
(4) Skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/35/KE, u soġġett għall-adozzjoni f'data aktar tard ta' Deċiżjoni dwar il-konklużjoni tal-Ftehim, il-Ftehim kien iffirmat f'isem il-Komunità Ewropea fis-7 ta’ Diċembru 2004.
(5) Il-Ftehim kif ukoll il-Memorandum ta' Ftehim li jakkumpanjah għandhom ikunu approvati f'isem il-Komunità.
(6) Jeħtieġ li tkun prevista proċedura sempliċi u rapida għal adattamenti possibbli ta' l-Annessi I u II għall-Ftehim,
IDDECIEDA KIF GEJ:
Artikolu 1 Il-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Prinċipalità ta' Monako li jipprevedi miżuri ekwivalenti għal dawk stabbiliti fid-Direttiva tal-Kunsill 2003/48/KE dwar it-tassazzjoni fuq id-dħul mit-tfaddil fil-forma ta' ħlasijiet ta' interessi kif ukoll il-Memorandum ta' Ftehim li jakkumpanjaha huma b'dan approvati f'isem il-Komunità Ewropea. It-test tal-Ftehim kif ukoll il-Memorandum ta' Ftehim li jakkumpanjah huma mehumuża ma' din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2 Il-Kummissjoni hija b'dan awtorizzata tapprova, f'isem il-Komunità, l-emendi għall-Annessi għall-Ftehim li huma meħtieġa biex ikun żgurat li jikkorrispondu ma' l-informazzjoni relatata ma' l-awtoritajiet kompetenti notifikati skond l-Artikolu 5(a) tad-Direttiva 2003/48/KE u ma' l-informazzjoni fl-Anness għaliha.
Artikolu 3 Il-President tal-Kunsill għandu jagħti n-notifika prevista fl-Artikolu 16(1) tal-Ftehim f'isem il-Komunità.
Artikolu 4 Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussell, 22 ta’ Diċembru 2004. Għall-Kunsill Il-President C. Veerman