Gelex

Deċiżjoni tal-Kunsill tas-17 ta' Frar 2005 li tavża lill-Greċja, skondl-Artikolu 104(9) tat-Trattat KE, biex tieħu miżuri għat-tnaqqis tad-defiċit meqjusa meħtieġa biex tiġi rimedjata s-sitwazzjoni ta' defiċit eċċessiv (2005/441/KE)

In forceVersion 2005-06-16
Grade B

mapped from publisher markup. A grade says how a document's structure was obtained, not how reliable the law is.

Ask Gelex about this law

Address https://gelex.eu/eli/EU/act/2005/441@2005-06-16/mt

Contents
  1. Preamble
  2. Artikolu 1
  3. 1.
  4. Artikolu 2

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 104(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni,

Billi:

(1) Skond l-Artikolu 104(1) tat-Trattat, l-Istati Membri għandhom jevitaw defiċit eċċessiv tal-gvern.

(2) Il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir hu bbażat fuq l-objettiv ta' finanzi tal-gvern sodi bħala mezz ta’ tisħiħ tal-kondizzjonijiet ta’ l-istabbiltà tal-prezzijiet u għal tkabbir sostenibbli b’saħħtu li jwasslu għall-ħolqien ta' impjiegi. Il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir jinkludi r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar li titħaffef u tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta' defiċit eċċessiv.

(3) Ir-Risoluzzjoni ta’ Amsterdam tal-Kunsill Ewropew tas-17 ta’ Ġunju 1997 dwar il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir tistieden solennement lill-partijiet kollha, jiġifieri l-Istati Membri, il-Kunsill u l-Kummissjoni biex jimplimentaw it-Trattat u l-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir b’mod strett u fil-ħin.

(4) Bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/917/KE, fil-5 ta’ Lulju 2004, ġie deċiż, skond l-Artikolu 104(6) tat-Trattat, li jeżisti defiċit eċċessiv fil-Greċja.

(5) Skond l-Artikolu 104(7) tat-Trattat u l-Artikolu 3(4) tar-Regolament (KE) Nru 1467/97, il-Kunsill indirizza Rakkomandazzjoni lill-Greċja fil-5 ta’ Lulju 2004 li tistabbilixxi t-terminu perentorju tal-5 ta’ Novembru 2004 biex il-Greċja tieħu miżuri li jġibu fit-tmiem l-eżistenza ta’ defiċit eċċessiv sa mhux aktar tard mill-2005.

(6) Wara l-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2004/917/KE, id-data tal-gvern Grieg notifikata fl-4 ta’ Mejju 2004 kienet riveduta b’mod sinifikanti f’Settembru 2004. Iċ-ċifra tad-defiċit għall-2003 telgħet għal 4,6 % tal-GDP (mit-3,2.% notifikata fl-4 ta’ Mejju), filwaqt li skond it-tbassir tal-ħarifa ta’ l-2004 tal-Kummissjoni, id-defiċit tal-gvern ġenerali probabilment kien se jilħaq il-5,5 % tal-GDP fl-2004, meta mqabbel mat-3.2 % projettat fir-rebbiegħa. Barra minn hekk, il-miżuri approvati mill-Parlament Grieg fil-budget ta’ l-2005 jistgħu ma jiżgurawx li d-defiċit tal-gvern ġenerali jitniżżel taħt it-3 % tal-GDP fl-2005. Skond it-tbassir tal-ħarifa ta’ l-2004 tal-Kummissjoni, li projetta rata ta’ tkabbir ta’ 3.3 % fl-2005, il-miżuri inklużi fil-budget Grieg għall-2005 huma projettati li jwasslu għal defiċit nominali ta' 3,6 % tal-GDP, li hu iktar għoli mil-livell massimu ta' 3 %.

(7) Permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/334/KE, kien stabbilit, skond l-Artikolu 104(8) tat-Trattat, li l-Greċja ma ħadet l-ebda azzjoni effettiva bħala tweġiba għar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill skond l-Artikolu 104(7) tal-5 ta’ Lulju 2004.

(8) Skond l-Artikolu 104(9), jekk Stat Membru jippersisti li jonqos milli jimplimenta r-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill, il-Kunsill jista’ jiddeċiedi li javża lill-Istat Membru sabiex jieħu miżuri għat-tnaqqis tad-defiċit fi żmien speċifiku stipulat. Il-Kunsill jikkunsidra li t-terminu perentorju mniżżel fir-Rakkomadazzjoni tal-Kunsill tal-5 ta' Lulju 2004 skond l-Artikolu 104(7) ibbażat fuq it-tbassir preżenti tal-Kummissjoni mhux ser jintlaħaq. L-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1467/97 jindika li kwalunkwe deċiżjoni tal-Kunsill biex tagħti tali notifika għandha tittieħed fi żmien xahar mid-deċiżjoni tal-Kunsill li tistabbilixxi li l-Istat Membru in kwistjoni ma ħax azzjoni effettiva skond l-Artikolu 104(8).

(9) Il-fatturi li ġejjin għandhom ikunu kkunsidrati fid-determinazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet li għandhom ikunu inklużi fl-avviż. L-ewwel, ir-riżultat tad-defiċit stmat għall-2004 ser ikun sostanzjalment ogħla milli kien mistenni meta ġiet adottata r-Rakkomandazzjoni skond l-Artikolu 104(7), u n-nuqqasijiet imorru oltre l-miżuri restrittivi implimentati għall-2004. Bħala riżultat, l-isforz fiskali kollu li jrid isir biex ikun korreġut id-defiċit eċċessiv sa mhux aktar tard mill-2005, kif mitlub mir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill skond l-Artikolu 104(7) tat-Trattat tal-5 ta' Lulju 2004, għandu jitwettaq fis-sena attwali. It-tieni, skond it-tbassir tal-ħarifa ta’ l-2004 tal-Kummissjoni, jekk implimentat b'mod sħiħ, il-miżuri mħabbra fil-budget adottat mill-Parlament Grieg għall-2005 jwasslu għal tnaqqis fid-defiċit ta’ 1,9 punti perċentwali tal-GDP. Dan jirrappreżenta titjib konsiderevoli tal-pożizzjoni fiskali, iżda ma jkunx suffiċjenti biex iġib d-defiċit nominali taħt il-livell massimu ta' 3 %. Fl-aħħar, dan l-aġġustament addizzjonali jista’ jkun ogħla jekk jimmaterjalizzaw numru ta’ inċertezzi fir-rigward tax-xenarju makroekonomiku għall-2005 u r-riżultat fiskali għall-2004. B’dawn l-elementi kkunsidrati, l-aġġustament totali meħtieġ biex jiġi korrett id-defiċit eċċessiv fl-2005 jista’ jkun ogħla minn 2,6 punti perċentwali tal-GDP, li jkun jeħtieġ miżuri addizzjonali ta’ natura permanenti li jwasslu għal korrezzjoni fid-defiċit ta’ mill-inqas 0,7 ta' punt perċentwali tal-GDP. Tali sforz f’sena waħda jista’ jkun ekonomikament għali.

(10) Fid-dawl ta’ dawn il-fatturi, jidher li t-terminu perentorju iffissat f’Lulju 2004 għall-eliminazzjoni tad-defiċit eċċessiv fil-Greċja għandu jkun estiż b’sena.

(11) Abbażi ta' rata ta' tkabbir ta’ 3,3 % fit-tbassir tal-Kummissjoni tal-ħarifa ta' l-2004, għall-2005 u l-2006, u minħabba l-inċertezzi rigward ix-xejriet makroekonomiċi u tal-budget, implimentazzjoni rigoruża tal-budget ta’ l-2005, flimkien ma' miżuri ta’ natura permanenti li jwasslu għal korrezzjoni fid-defiċit ta’ mill-anqas 0,6 punt perċentwali tal-GDP fl-2006 għandhom jirriżultaw f’defiċit ta’ 3.6 % tal-GDP fl-2005 u jġibuh taħt t-3 % tal-GDP fl-2006.

(12) It-tbassir tal-Kummissjoni tal-ħarifa 2004 jipprojetta li l-proporzjon ta’ dejn ser jistabbilizza ruħu għal madwar 112 % tal-GDP fl-2004 u l-2005, u li jinżel biss marġinalment għal madwar 110 % fl-2006. Dan hu ħafna ogħla mill-valur ta’ referenza ta’ 60 % tat-Trattat. Barra minn hekk, il-kontribut għall-bidliet fil-livelli tad-dejn tal-fatturi barra mis-self nett hu għoli wkoll. Jeħtieġ li l-awtoritajiet Griegi jibqgħu jagħtu attenzjoni debita lil dawn il-fatturi biex inaqqsu l-proporzjon tad-dejn b’pass sodisfaċenti, konsistenti mal-projettazzjonijiet tal-bilanċ tal-gvern ġenerali u t-tkabbir nominali tal-GDP.

(13) In vista tar-reviżjonijiet sinifikanti ta’ statistika, u sabiex jingħata lok għal sorveljanza adegwata tas-sitwazzjoni tal-finanzi pubbliċi fil-Greċja, aktar sforzi huma meħtieġa biex jitjiebu l-ġbir u l-ipproċessar tad-data ġenerali tal-gvern meħtieġa mill-qafas legali eżistenti, l-aktar bit-titjib tal-mekkaniżmi li jiżguraw il-forniment korrett u fil-pront ta’ din id-data.

(14) Il-Greċja għandha tippreżenta rapport lill-Kummissjoni qabel il-21 ta’ Marzu 2005, li jfisser il-miżuri li għandhom jiġu implimentati biex ikun hemm konformità ma' din id-Deċiżjoni. B'mod partikolari, ir-rapport għandu jinkludi deskrizzjoni tal-miżuri li għandhom jiġu implimentati fl-2005 biex jitnaqqas id-defiċit tal-budget, stima ta' l-implikazzjonijiet tar-riżultat tad-defiċit ta’ l-2004 li għandhom jintwerew fin-notifika tal-proċedura ta’ defiċit eċċessiv f’Marzu ta’ l-2005, u deskrizzjoni ta' l-inċertezzi assoċjati max-xenarju makroekonomiku. Il-Greċja għandha tinkludi wkoll f’dak ir-rapport deskrizzjoni preċiża kemm jista’ jkun tal-miżuri li jridu jiġu implimentati fl-2006 biex jitnaqqas id-defiċit. Il-Kummissjoni u l-Kunsill għandhom jeżaminaw dak ir-rapport bil-ħsieb li jivvalutaw il-konformità ma’ din id-Deċiżjoni.

(15) Skond it-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 104(9) tat-Trattat, il-Kunsill jista’ jitlob lill-Greċja biex tippreżenta rapporti skond skeda ta' żmien speċifika biex ikunu eżaminati l-isforzi ta’ aġġustament li saru biex ikun hemm konformità ma' din id-Deċiżjoni. Huwa xieraq għall-Greċja li tippreżenta rapporti minnufih wara l-iskadenzi tas-soltu biex tirrapporta d-defiċit u d-dejn tal-gvern previsti fl-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3605/93 tat-22 ta' Novembru 1993 dwar l-applikazzjoni tal-Protokoll dwar il-proċedura ta' l-iżbilanċ eċċessiv mehmuż mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Europea, sabiex il-Kummissjoni tkun tista' tivvaluta l-konformità ma’ din id-Deċiżjoni.

(16) Fl-opinjoni tal-Kunsill, il-miżuri ta' aġġustament għandhom jassiguraw titjib dejjiemi fil-bilanċ tal-gvern ġenerali. Sabiex tiġi żgurata konsolidazzjoni tal-budget sostnuta lejn il-pożizzjoni fi żmien medju tal-finanzi tal-gvern qrib il-bilanċ jew f'eċċess, kif preskritt mill-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir, tnaqqis fid-defiċit aġġustat ċiklikament b' mill-inqas 0.5 punt perċentwali tal-GDP kull sena hu meħtieġ wara l-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1. Il-Greċja għandha ttemm is-sitwazzjoni attwali ta' defiċit eċċessiv malajr kemm jista' jkun u mhux aktar tard mill-2006 permezz ta':

1.

(i) implimentazzjoni rigoruża tal-budget ta' l-2005 kif approvat mill-Parlament tagħha;

(ii) implimentazzjoni ta' miżuri ta' aġġustament ta' l-2006 ta' natura permanenti li jwasslu għal korrezzjoni fid-defiċit ta' mill-inqas 0,6 ta' punti perċentwali tal-GDP.

2. Il-Greċja għandha tkompli l-isforzi biex tidentifika u tikkontrolla fatturi barra mis-self nett, li jikkontribwixxu għall-bidla fil-livelli ta' dejn, bil-ħsieb li tiżgura li l-proporzjon ta' dejn gross tal-gvern jonqos b'mod suffiċjenti u jqarreb il-valur ta' referenza b'pass sodifaċenti f'konformità mal-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv;

3. Il-Greċja għandha tkompli l-isforzi biex ittejjeb il-ġbir u l-ipproċessar ta' data ġenerali tal-gvern, b'mod partikolari billi ssaħħaħ il-mekkaniżmi li jiżguraw il-forniment korrett u fil-pront tad-data ġenerali tal-gvern meħtieġa mill-qafas legali eżistenti.

Artikolu 2

1. Il-Greċja għandha tippreżenta, sal-21 ta' Marzu 2005 l--iktar tard, rapport li jfisser id-deċiżjonijiet biex jiġu rrispettati r-rakkomandazzjonijiet ta' din id-Deċiżjoni. Il-Kummissjoni u l-Kunsill għandhom janalizzaw ir-rapport bil-ħsieb li jivvalutaw il-konformità tal-Greċja ma' din id-Deċiżjoni;

2. Il-Greċja għandha tippreżenta rapporti sal-31 ta' Ottubru 2005, it-30 ta' April 2006 u l-31 ta' Ottubru 2006, li jeżaminaw il-progress magħmul biex jiġu rispettati r-rakkomandazzjonijiet ta' din id-Deċiżjoni. Dawn ir-rapporti għandhom jiġu analizzati mill-Kummissjoni u l-Kunsill bil-ħsieb li jivvalutaw il-konformità tal-Greċja ma' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 3 Il-Kunsill iħeġġeġ lill-Greċja sabiex tieħu l-miżuri meħtieġa biex tiżgura li tiġi sostnuta l-konsolidazzjoni tal-budget lejn il-pożizzjoni fi żmien medju ta' finanzi tal-gvern qrib il-bilanċ jew f'eċċess permezz ta' tnaqqis fid-defiċit aġġustat ċiklikament b' mill-inqas 0,5 punt perċentwali tal-GDP kull sena wara li d-defiċit eċċessiv jiġi korrett.

Artikolu 4 Il-Greċja għandha tieħu azzjoni effettiva biex tikkonforma ma' din id-Deċiżjoni sal-21 ta' Marzu 2005.

Artikolu 5 Din id-Deċiżjoni qed tiġi indirizzata lir-Repubblika Ellenika.

Magħmula fi Brussel, 17 ta' Frar 2005. Għall-Kunsill Il-President J.-C. Juncker

Versions

  1. 2005-06-16