Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 749/2005 tat-18 ta' Mejju 2005 li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 2131/93 li jistabbilixxi l-proċeduri u l-kundizzjonijiet għall-bejgħ taċ-ċereali li jkunu f’idejn l-aġenziji intermedjarji
Grade B
mapped from publisher markup. A grade says how a document's structure was obtained, not how reliable the law is.
Address https://gelex.eu/eli/EU/act/2005/749@2005-05-19/mt
Contents
IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,
Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1784/2003 tad-29 ta’ Settembru 2003 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq fiċ-ċereali, u b’mod partikolari l-Artikolu 6 tiegħu,
Billi:
(1) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2131/93 jistabbilixxi l-proċeduri u l-kundizzjonijiet għall-bejgħ taċ-ċereali li jkunu f’idejn l-aġenziji intermedjarji [ta’ intervent].
(2) Fl-Istati Membri li ma għandhomx portijiet marittimi, l-offerenti huma ppenalizzati mill-ispejjeż ogħla tat-trasport għaċ-ċereali li jkunu qed jitressqu għall-bejgħ. Għaldaqstant l-esportazzjoni taċ-ċereali minn dawn l-Istati Membri hija aktar diffiċli, u dan iġib miegħu, b’mod partikolari, aktar tul ta’ żmien fil-ħażna ta’ intervent u spejjeż supplimentari għall-baġit tal-Komunità. Għalhekk ir-Regolament (KEE) Nru 2131/93 pprovda, fl-Artikolu 7 tiegħu, il-possibbiltà, f’ċerti każijiet, li jkunu ffinanzjati l-ispejjeż tat-trasport l-aktar vantaġġużi bejn il-post tal-ħżin u l-post tal-ħruġ, biex l-offerti jkunu komparabbli.
(3) Il-portijiet Kroati ta’ Rijeka u Split kienu l-portijiet ta’ ħruġ tradizzjonali għall-pajjiżi tal-Ewropa ċentrali qabel l-adeżjoni tagħhom mal-Unjoni. Għaldaqstant jeħtieġ li Rijek u Split jiddaħħlu fost il-postijiet ta’ ħruġ li jistgħu jkunu kkunsidrati għall-kalkolu tal-ispejjeż tat-trasport eliġibbli għar-rifużjoni fil-każ ta’ esportazzjoni.
(4) Bil-għan li jkunu ssimplifikati u armonizzati l-proċeduri tat-tqegħid għall-bejgħ taċ-ċereali għall-esportazzjoni, jeħtieġ li tiġi ċċarata l-proċedura tar-rilaxx tal-garanziji msemmija fl-Artikolu 17 tar-Regolament (KEE) Nru 2131/93 abbażi tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 800/1999 tal-15 ta’ April 1999 li jistabbilixxi regoli komuni dettaljati għall-applikazzjoni tas-sistema ta' rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni ta' prodotti agrikoli, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-provi dwar il-qadi tal-formalitajiet doganali tal-importazzjoni fil-pajjiżi terzi.
(5) Jeħtieġ għalhekk li r-Regolament (KEE) Nru 2131/93 jiġi emendat skont dan.
(6) Il-miżuri pprovduti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-kumitat ta’ ġestjoni għaċ-ċereali,
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1 Fl-Artikolu 7 tar-Regolament (KEE) Nru 2131/93, il-paragrafu 2(a) għandu jinbidel bit-test li ġej:
Artikolu 1
2(a). Jekk Stat Membru ma jkollux port marittimu, jista’ jiġi deċiż, skont il-proċedura msemmija fil-paragrafu 1, li ssir deroga mill-paragrafu 2 u li, fil-każ ta’ esportazzjoni bi ħruġ minn port marittimu, ikun previst il-finanzjament tal-ispejjeż tat-trasport l-aktar vantaġġużi bejn il-post tal-ħżin u l-post tal-ħruġ reali, fil-limitu tal-valuri massimi indikati fl-avviż tas-sejħa għall-offerti. Għall-finijiet ta’ dan il-paragrafu, il-port Rumen ta’ Constantia u l-portijiet Kroati ta’ Rijeka u Split jistgħu jitqiesu bħala postijiet ta’ ħruġ.
Artikolu 2 Fl-Artikolu 17 tar-Regolament (KEE) Nru 2131/93, il-paragrafu 3 għandu jinbidel bit-test li ġej:
Artikolu 2
3. Il-garanzija msemmija fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 2 għandha tkun irrilaxxata għall-kwantitajiet li għalihom:
tkun ingħatat prova li l-prodott ma jkunx għadu tajjeb għall-konsum mill-bniedem u mill-annimali,
tkun ingħatat prova li jkunu nqdew il-formalitajiet doganali tal-esportazzjoni ‘l barra mit-territorju doganali tal-Komunità u tal-importazzjoni f’wieħed mill-pajjiżi terzi previsti fil-kuntest tas-sejħa għall-offerti. Il-provi dwar l-esportazzjoni ‘l barra mit-territorju doganali tal-Komunità u tal-importazzjoni f’pajjiż terz għandhom jingħataw skont il-modalitajiet imsemmija fl-Artikoli 7 u 16, il-paragrafi 1, 2 u 3, tar-Regolament (KE) Nru 800/1999.
il-liċenzja ma tkunx inħarġet skont l-Artikolu 49 tar-Regolament (KE) Nru 1291/2000,
il-kuntratt ikun tħassar skont l-Artikolu 16 ir-raba' subparagrafu.
Artikolu 3 Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha. Magħmul fi Brussell, 18 ta' Mejju 2005. Għall-Kummissjoni Mariann Fischer Boel Membru tal-Kummissjoni