Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1136/2006 tal-24 ta’ Lulju 2006 li jimponi dazju anti-dumping definittiv u li jiġbor definittivament id-dazju provviżorju impost fuq importazzjonijiet ta’ mekkaniżmi b’lever arch li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina
Grade B
mapped from publisher markup. A grade says how a document's structure was obtained, not how reliable the law is.
Address https://gelex.eu/eli/EU/act/2006/1136@2006-07-27/mt
IL-KUNSILL TA’ l-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 tat-22 ta’ Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ir-Regolament bażiku), u b’mod partikolari l-Artikolu 9 tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta ppreżentata mill-Kummissjoni wara li kkonsultat il-Kumitat Konsultattiv,
Billi: PROĊEDURA Miżuri provviżorji
(1) Fit-28 ta’ Jannar 2006 il-Kummissjoni imponiet, bis-saħħa tar-Regolament (KE) Nru 134/2006 (ir-Regolament provviżorju), dazju anti-dumping provviżorju fuq importazzjonijiet fil-Komunità ta’ mekkaniżmi b’lever arch li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (PRĊ).
(2) Huwa mfakkar li l-perijodu ta’ l-investigazzjoni tad-dumping u l-ħsara (IP) kopra l-perijodu mill-1 ta’ Jannar 2004 sal-31 ta’ Diċembru 2004. L-eżami ta’ xejriet relevanti għall-analiżi tal-ħsara kopra l-perijodu mill-1 ta’ Jannar 2001 sat-tmiem tal-IP (il-perijodu eżaminat).
Proċedura sussegwenti
(3) Wara l-impożizzjoni tad-dazju anti-dumping provviżorju fuq importazzjonijiet ta’ mekkaniżmi b’lever arch mir-PRĊ, xi partijiet interessati ppreżentaw kummenti bil-miktub. Il-partijiet, li talbu hekk, ingħataw ukoll l-opportunita' biex jinstemgħu verbalment.
(4) Il-Kummissjoni kompliet tfittex u tivverifika l-informazzjoni kollha li dehrilha meħtieġa għall-konklużjonijiet definittivi tagħha. Il-kummenti verbali u bil-miktub ippreżentati mill-partijiet ġew eżaminati, u, fejn ikkunsidrat xieraq, il-konklużjonijiet provviżorji ġew modifikati kif jixraq.
IL-PRODOTT KONĊERNAT U L-PRODOTT SIMILI
(5) Huwa mfakkar li, fil-premessa (12) tar-Regolament provviżorju, il-prodott konċernat ġie ddefinit bħala mekkaniżmi b’lever arch (LAM) użati ġeneralment għall-arkivjar ta’ karti u dokumenti oħra f’binders jew fajls. Huma jikkonsistu f’elementi ttundjati (arched) b’saħħithom magħmulin minn metall (normalment żewġ biċċiet metall) fuq back plate u għandhom mill-inqas molla waħda li tiftaħ u li tippermetti li jiddaħħlu u li jiġu ffajljati karti u dokumenti oħra, li joriġinaw fir-PRĊ (il-prodott konċernat), u normalment jaqgħu taħt il-kodiċi CN ex83051000.
(6) Persuna waħda interessata ddikkjarat li tip speċifiku wieħed ta’ LAM għandu jiġi eskluż mid-definizzjoni tal-prodott konċernat minħabba (i) dan it-tip huwa manifatturat skond disinn li jaqa’ taħt privattiva li hija fil-proprjeta tal-persuna interessata u m’huwiex disponibbli mill-ebda manifattur ieħor, (ii) hemm kuntratt esklużiv ta’ provvista ma’ manifattur Ċiniż, (iii) it-tip huwa wżat esklużivament f’fajls speċjali premium b’ lever arch (LAF) bi kwalita' u disinn superjuri meta mqabblin ma’ LAM standard, u għalhekk m’huwiex qed jikkompeti mas-segment tal-LAM standard, u (iv) dan it-tip m’huwiex sostitwibbli ekonomikament ma’ LAM standard minħabba l-ispiża ħafna ogħla biex jiġi manifatturat.
(7) Madankollu, persuna oħra interessata ddikkjarat li l-LAM kollha għandhom l-istess karatteristiċi, użu aħħari u mezzi ta’ distribuzzjoni. Barra minn dan, iddikkjarat li l-proċessi tal-manifattura u l-ispejjeż huma irrelevanti għad-determinazzjoni tal-prodott konċernat. Iddikkjarat ukoll li kull trattament preferenzjali ta’ tip wieħed ta’ LAM wżat minn manifattur wieħed biss ta’ LAF jikkawża irregolarità (distortion) serja mhux biss fis-suq tal-Komunità tal-LAM innifsu, imma wkoll fis-suq tal-Komunità għal LAF.
(8) Jitqies li disinn li huwa suġġett għal privattiva jew kuntratt esklużiv bejn produttur li jesporta w utent Ewropew għal ċertu tip ta’ prodott ma jiġġustifikax l-esklużjoni ta’ dan it-tip mid-definizzjoni tal-prodott konċernat jew tal-prodott simili. LAM bil-karatteristiċi kollha tiegħu jibqa’ il-prodott konċernat irrispettivament jekk huwiex suġġett għal privattiva jew mixtri bis-saħħa ta’ kuntratt esklużiv. Għandu jkun innutat ukoll li l-proċessi ta’ manifattura, l-ispejjeż tal-produzzjoni u d-differenzi ta’ kwalita' mhumiex, fihom infushom, relevanti għad-determinazzjoni tal-prodott simili.
(9) L-investigazzjoni kkonfermat li t-tipi kollha ta’ prodotti li jinkludu t-tip speċifiku ta’ LAM li ġie ddikkjarat għall-esklużjoni fil-premessa (6) hawn fuq għandhom l-istess karatteristiċi tekniċi u fiżiċi tal-prodott w użu u li s-suq tal-LAM ma jiddistingwixxix fost segmenti tas-suq ċari. Il-LAM kollha huma għalhekk sostitwibbli u huma f’kompetizzjoni ma’ xulxin fis-suq tal-Komunità. Għalhekk, it-tipi kollha ta’ LAM jaqgħu fid-definizzjoni tal-prodott konċernat u tal-prodott simili. Konsegwentament, id-dikjarazzjoni stabbilita fil-premessa (6) hawn fuq kellha tiġi miċħuda.
(10) Minħabba dan ta’hawn fuq, qed jiġu hawnhekk ikkonfermati l-konklużjonijiet li saru fil-premessa (11) sa (16) tar-Regolament provviżorju.
DUMPING Metodoloġija ġenerali
(11) Il-metodoloġija ġenerali wżata biex tistabbilixxi d-dumping ta’ l-importazzjonijiet ta’ LAM għal ġos-suq tal-Komunità kienet deskritta fir-Regolament provviżorju fil-premessi (17) sa (50). Qed tiġi hawnhekk ikkonfermata l-metodoloġija ġenerali kif stabbilita fir-Regolament provviżorju, b’kunsiderazzjoni xierqa ta’ l-emendi msemmija hawn isfel.
Trattament ta’ l-Ekonomija tas-Suq (MET)
(12) Waħda mill-kumpanniji li ngħatalha IT ddikkjarat li missha ngħatat MET u li s-sitwazzjoni tagħha, speċjalment fir-rigward ta’ kriterju numru tnejn (kontabilita' u verifika) u numru tlieta (irregolarita' miġjuba mis-sistema ta’ qabel ta’ ekonomija mhux tas-suq), ma ġietx indirizzata kif suppost matul l-investigazzjoni. Madankollu, il-kumpannija ma pprovdiet l-ebda evidenza ġdida biex isaħħaħ id-dikjarazzjoni tagħha.
(13) Fin-nuqqas ta’ fatti ġodda u kummenti oħra, qed jiġu kkonfermati l-konklużjonijiet dwar it-MET kif stabbilit fil-premessi (17) sa (25) tar-Regolament provviżorju.
Trattament individwali (IT)
(14) Qed jiġu kkonfermati l-konklużjonijiet fil-premessa (29) tar-Regolament provviżorju fir-rigward ta’ l-ewwel kumpannija li ngħatalha IT, jiġifieri Dongguan Nanzha Leco Stationery.
(15) Kif imsemmi fil-premessa (30) tar-Regolament provviżorju, il-kumpannija l-oħra li ngħatalha IT ġiet sussegwentament eskluża mill-investigazzjoni minħabba nuqqas ta’ kooperazzjoni. Fin-nuqqas ta’ reazzjoni mill-kumpannija, qed tiġi hawn ikkonfermata l-konklużjoni kif stabbilita fil-premessa (30) tar-Regolament provviżorju.
Valur normali
(16) Il-konklużjonijiet ta’ hawn isfel jirrigwardaw id-determinazzjoni tal-valur normali tal-produtturi kollha li jesportaw li ma ngħatalhomx it-MET.
Pajjiż analogu
(17) Wara aktar analiżi ta’ l-informazzjoni kollha disponibbli mill-produttur fl-Iran, kellu jiġi konkluż li l-informazzjoni ma kinitx kompluta u/jew inkonsistenti u b’hekk ma setgħetx tintuża bħala l-bażi għall-kalkolu tal-valur normali fil-livell definittiv. Għalhekk spiċċat tintuża għal bażi raġonevoli oħra għall-kalkolu tal-valur normali skond l-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku.
Determinazzjoni tal-valur normali
(18) Minħabba nuqqas ta’ informazzjoni minn pajjiżi terzi oħra fejn jinħadmu LAM, intqies li d-data disponibbli mill-ilment u mill-industrija tal-Komunità kkostitwixxiet l-aktar bażi raġonevoli biex jiġi stabbilit il-valur normali fil-livell definittiv. Saru aġġustamenti biex jirriflettu data speċifika vverifikata akkwistata matul l-investigazzjoni, b’mod partikolari dwar il-prezzijiet tal-materja prima u t-trasport tal-merkanzija.
Prezz ta’ l-esportazzjoni
(19) Il-produttur li jesporta li ngħata IT ddikkjara li saru l-iżbalji fil-livell tas-SG&A u fil-profitt ikkalkulat għal importatur relatat u li kien hemm għadd doppju tas-SG&A applikat biex jiġi stabbilit il-prezz ta’ l-esportazzjoni ex-works. Barra minn dan, l-esportatur iddikkjara li ċ-ċifri tas-SG&A u l-profitti mill-kumpanniji relatati għandhom ikunu riveduti wara kalkoli ġodda li ngħataw mill-kumpannija wara ż-żjajjar fuq il-post.
(20) L-eżami tad-dikjarazzjonijiet ta’ hawn fuq ikkonfermaw li sar żball klerikali fil-kalkolu tas-SG&A. Dan l-iżball ġie kkoreġut kif suppost. Madankollu, id-data l-ġdida li ngħatat mill-kumpannija kellha tiġi miċħuda minħabba li ma setgħetx tiġi vverifikata aktar matul l-investigazzjoni.
(21) Qed tiġi hawnhekk ikkonfermata l-metodoloġija ġenerali kif stabbilita fil-premessi (41) u (42) tar-Regolament provviżorju.
Tqabbil
(22) Il-valur normali stabbilit kif deskritt fil-premessi (16) sa (18) hawn fuq u l-prezzijiet ta’ l-esportazzjoni, riveduti kif spjegat fil-premessi (19) sa (21), ġew imqabbla fuq bażi ex-factory u fl-istess livell tal-kummerċ. Sabiex jiġi żgurat paragun ġust bejn il-valur normali u l-prezz ta’ l-esportazzjoni, intqiesu, skond l-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku, id-differenzi fil-fatturi li ġew ddikkjarati u li wrew li jaffettwaw il-prezzijiet u l-kumparabbiltà fil-prezz. Il-fatturi li għalihom ġew aċċettati aġġustamenti huma l-kummissjonijiet, it-trasport, l-assigurazzjoni, il-handling, l-ispejjeż tat-tagħbija (loading), l-ispejjeż anċillari, u l-ispejjeż ta’ kreditu.
Il-marġni tad-dumping
(23) Wara l-aġġustamenti għall-valur normali u għall-prezz ta’ l-esportazzjoni, il-marġni tad-dumping definittiv imfisser bħala perċentwali tal-prezz CIF ta’ l-importazzjoni fil-fruntiera tal-Komunità, bid-dazju mhux imħallas, li japplika għall-esportatur li ngħata IT, għandu jkun kif ġej: Kumpannija Marġni definittiv tad- dumping Dongguan Nanzha Leco Stationery 27,1 %
(24) Wara pubblikazzjoni provviżorja, l-ebda kummenti ma ġew irċevuti fir-rigward tal-metodoloġija biex jiġi kkalkulat il-marġni tad-dumping għall-produtturi li jesportaw l-oħra kollha. Madankollu, l-aġġustamenti tal-valur normali li saru wasslu għal marġni definittiv ta’ dumping emendat ta’ 47,4 % tal-prezz CIF fil-fruntiera tal-Komunità għall-produtturi li jesportaw l-oħra kollha.
ĦSARA Il-produzzjoni tal-Komunità
(25) Xi persuni interessati ddikkjaraw li għandu jitneħħa produttur wieħed li ġie inkluż provviżorjament fid-definizzjoni tal-produzzjoni tal-Komunità u ta’ l-industrija tal-Komunità, minħabba r-relazzjoni allegata ma’ produttur Ċiniż li jesporta u minħabba importazzjonijiet kbar ta’ LAM Ċiniżi, b’mod partikolari matul il-IP. Għaldaqstant, huma ddikkjaraw li l-kumpannija għandha tiġi eskluża kemm mill-produzzjoni tal-Komunità u kemm għall-fini biex tivvaluta l-ħsara.
(26) Huwa mfakkar li s-sitwazzjoni tal-produttur imsemmi kienet deskritta fid-dettal fil-premessi (55) sa (57) tar-Regolament provviżorju. Meta wieħed jeżamina għal darb’oħra s-sitwazzjoni tiegħu fid-dawl tad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 4 tar-Regolament bażiku, għandu jiġi mfakkar li l-produttur ma ġabx ruħu differenti minn produtturi oħra tal-Komunità mhux relatati kwerelanti. Barra minn dan, instab li l-produttur tal-Komunità ma kienx f’qagħda biex jikkontrolla, la legalment u lanqas b’mod operattiv, lill-produttur li jesporta mingħand min huwa kien importa. Għalhekk it-talba ġiet miċħuda.
(27) Fin-nuqqas ta’ kummenti ġodda dwar il-produzzjoni tal-Komunità, qed jiġu hawnhekk ikkonfermati l-konklużjonijiet provviżorji dwar il-produzzjoni totali tal-Komunità kif stabbilit fil-premessi (51)-(58) tar-Regolament provviżorju.
Definizzjoni ta’ l-industrija tal-Komunità
(28) Persuna waħda interessata argumentat li produttur ieħor tal-Komunità għandu jiġi eskluż mid-definizzjoni ta’ l-industrija tal-Komunità. L-ewwel, minħabba li l-produttur allegatament ibiegħ kwantitajiet kbar ta’ LAM lil klijenti relatati u għax qed juża wkoll LAM għal użu vinkolanti. It-tieni, minħabba li l-imsemmi produttur ma kkooperax bis-sħiħ fl-investigazzjoni, b’mod partikolari, ma ppreżentax fajl sħiħ aċċessibbli għall-partijiet kollha interessati fiż żmien ta’ l-iskadenza.
(29) Wara li din id-dikjarazzjoni ġiet analizzata, kien ikkonfermat li l-kooperazzjoni ta’ l-imsemmi produttur fl-investigazzjoni ma kinitx biżżejjed. Għalhekk dan il-produttur għandu jiġi eskluż mid-definizzjoni ta’ l-industrija tal-Komunità u l-output tiegħu għandu jiġi eskluż ukoll mill-produzzjoni tal-Komunità.
(30) Il-produzzjoni ta’ l-erba’ produtturi tal-Komunità li fadal u li kkooperaw bis-sħiħ fl-investigazzjoni u li sostnew l-ilment kienet stabbilita għal madwar 205 miljun unita' ta’ LAM matul il-IP.
(31) L-erba’ produtturi tal-Komunità ta’ hawn fuq jirrappreżentaw madwar 75 % tal-produzzjoni totali tal-Komunità. Għaldaqstant, dawn il-kumpanniji huma rappreżentattivi biżżejjed biex jikkostitwixxu l-industrija tal-Komunità fi ħdan it-tifsira ta’ l-Artikoli 4(1) u 5(4) tar-Regolament bażiku.
(32) F’dan ir-Regolament iċ-ċifri assoluti fit-tabelli hawn isfel mhux dejjem setgħu jingħataw. Din id-data ma tistax tiġi ppubblikata minħabba f’li manifattur wieħed tal-Komunità ġie eskluż bejn l-istadju provviżorju u dak definittiv, għaldaqstant id-data tiegħu setgħet tiġi dedotta b’paragun.
Konsum tal-Komunità
(33) Xi persuni interessati allegaw li l-volum tal-konsum tal-Komunità kien ikkalkulat ħażin. B’mod partikolari, huma indirizzaw il-kwistjoni li d-data li tirrigwarda l-importazzjonijiet mill-pajjiż rispettiv kienet ibbażata fuq l-ilment. Huma ddikkjaraw li l-partijiet li pparteċipaw fl-investigazzjoni, b’mod partikolari l-produtturi tal-LAF u l-importaturi tal- LAM taw lill-Kummissjoni data li wieħed jista’ joqgħod aktar fuqha biex jiġi stabbilit il-konsum.
(34) Tabella 1
Il-volum tal-konsum ġie għalhekk ikkalkulat mill-ġdid skond id-data mogħtija mill-persuni li kkooperaw fl-investigazzjoni. Iċ-ċifri li qed jintwerew fit-tabella hawn isfel huma bbażati fuq il-bejgħ ivverifikat tal-produtturi Ewropej, fuq l-importazzjonijiet mir-PRĊ u fuq sorsi oħra li dawk l-utenti w importaturi li pparteċipaw fl-investigazzjoni għamlu disponibbli. Meta wieħed iqis il-kooperazzjoni għolja ta’ produtturi tal-Komunità, importaturi w utenti, din id-data titqies li hija l-aktar li wieħed jista’ joqgħod fuqha, anke jekk ma jistax jiġi eskluż li jeżisti numru żgħir ta’ utenti/importaturi oħra u għalhekk l-importazzjonijiet huma żvalutati b’xi ftit. Volum tal-konsum (miljun biċċa) 2001 2002 2003 2004 (IP) Komunità Ewropea 271 313 327 381 Indiċi 100 116 121 141
(35) Paragun juri li x-xejriet fil-volum tal-konsum huma simili għal dak deskritt fil-premessa (63) tar-Regolament provviżorju, imma tabilħaqq jidhru li huma aktar preċiżi. B’mod partikolari, jidher li ż-żieda prinċipali fil-konsum seħħet bejn l-2003 u l-IP, fejn laħħqet is-17 %. Matul l-istess perijodu, l-industrija tal-Komunità żiedet il-volum tal-bejgħ tagħha bi 3 % biss (cf. Tabella 6) u li l-importazzjonijiet mir-PRĊ żdiedu b’mod sinifikanti ta’ 28 % jew b’aktar minn 42 miljun biċċa (cf. Tabella 2).
L-importazzjonijiet fil-Komunità mir-PRĊ u s-sehem tas-suq
(36) Tabella 2
Skond id-dikjarazzjoni magħmula fil-premessa (33) hawn fuq, ġie rivedut ukoll il-volum ta’ l-importazzjoni ta’ LAM li joriġinaw fir-PRĊ. Ġew osservati xejriet relattivament simili għal dawk li jinsabu fil-premessa (65) tar-Regolament provviżorju. Dawn ix-xejriet huma illustrati fit-tabella 2 hawn isfel. Volumi ta’ l-importazzjoni (miljun biċċa) 2001 2002 2003 IP PRĊ 98,47 135,38 152,73 195,59 Indiċi 100 137 155 199
(37) Id-differenza prinċipali meta mqabbel mal-volumi ta’ l-importazzjonijiet stabbliti fir-Regolament provviżorju nstabet għall-2001 fejn il-metodu propost juri li l-importazzjonijiet ta’ LAM Ċiniżi kienu anqas minn 100 miljun biċċa. Madankollu, għandu jkun enfassizat li hemm importaturi w utenti oħra li impurtaw LAM fis-suq tal-Komunità imma ma taw l-ebda input fl-investigazzjoni; għaldaqstant kif imsemmi fil-premessa (34) ma jistax jiġi eskluż li d-data dwar l-importazzjoni kienet żvalutata xi ftit.
(38) Tabella 3
F’kull każ, il-persuni msemmija ddikkjaraw li ċ-ċifri riveduti tal-konsum u l-importazzjonijiet juru li s-sehem tas-suq ta’ l-importazzjonijiet Ċiniżi baqgħu relattivament stabbli sa mill-2002. L-iżvilupp tas-sehem tas-suq ibbażat skond data riveduta huwa kif ġej: Ishma tas-suq ta’ l-importazzjonijiet 2001 2002 2003 IP PRĊ 36 % 43 % 47 % 51 % Indiċi 100 119 128 141
(39) Id-data riveduta dwar is-sehem tas-suq tindika li l-importazzjonijiet Ċiniżi żiedu b’mod konsistenti l-preżenza tagħhom fis-suq tal-Komunità matul il-perijodu eżaminat: b’7 punti perċentwali fl-2002, b’4 punti perċentwali fl-2003 u għal darb’oħra b’4 punti perċentwali matul il-IP. Dawn ix-xejriet huma simili għal dawk osservati fil-premessa (65) tar-Regolament provviżorju.
(40) Bħala rikapitulazzjoni, id-data mogħtija mill-persuni turi li l-konsum ta’ LAM fil-Komunità żdiedet b’mod sinifikanti b’41 %, jew b’110 miljun unita' matul il-perijodu eżaminat. Sadanittant, l-importazzjonijiet mir-PRĊ kibru b’mod sinifikanti u b’mod konsistenti, ħafna akbar mit-tkabbir fil-konsum. Id-data riveduta turi żieda ta’ aktar minn 97 miljun biċċa u sehem tas-suq jikber minn 36 % għal 51 %.
(41) Minkejja li xi kalkoli dwar l-importazzjonijiet ġew riveduti, il-konklużjonijiet milħuqa fil-premessa (66) tar-Regolament provviżorju, b’mod partikolari dawk rigward ix-xejriet bejn l-2002 u l-IP, mhumiex kontradittorji ma’ l-analiżi ta’ hawn fuq u għalhekk jistgħu jiġu kkonfermati.
Il-prezzijiet ta’ l-importazzjonijiet u l-qtugħ fil-prezz
(42) Wara l-istqarrijiet li saru minn persuni interessati, id-data disponibbli dwar il-prezzijiet ta’ l-importazzjoni ġiet ukoll eżaminata mill-ġdid. Madankollu, instab li l-persuni li pparteċipaw fl-investigazzjoni ma setgħux jagħtu data kompluta, ta’ min joqgħod fuqha u konsistenti dwar il-prezzijiet u l-valur ta’ l-importazzjonijiet mir-PRĊ. Kienet disponibbli biss informazzjoni parzjali u din l-informazzjoni kienet ibbażata skond kundizzjonijiet ta’ bejgħ differenti. Għalhekk din id-data parzjali tista’ ma tintużax biex tistabbilixxi b’mod li wieħed joqgħod fuqu l-valur ta’ l-importazzjoni u l-prezzijiet ta’ CIF ta’ importazzjonijiet Ċiniżi. Għalhekk, qiegħda tiġi hawnhekk ikkonfermata d-data disponibbli fit-tabella 3 tar-Regolament provviżorju, li kienet ibbażata skond il-prezzijiet ta’ l-Eurostat.
(43) Wara l-bidla fil-kompożizzjoni ta’ l-industrija tal-Komunità kif indikat fil-premessa (29) hawn fuq, ġie kkalkulat mill-ġdid il-qtugħ fil-prezz mill-produtturi Ċiniżi kollha li jesportaw il-LAM. Il-marġni tal-qtugħ fil-prezz stabbilit fil-premessa (69) tar-Regolament provviżorju għandu jiġi rivedut ’l fuq għal 38 % meta imfissra bħala perċentwali tal-prezz ta’ l-industrija tal-Komunità.
(44) Skond dan, qed jiġu hawnhekk ikkonfermati l-metodoloġija u l-konklużjonijiet miftiehma fil-premessi (67) sa (69) tar-Regolament provviżorju.
Is-sitwazzjoni ekonomika ta’ l-industrija tal-Komunità
(45) Wara l-bidla fil-kompożizzjoni ta’ l-industrija tal-Komunità kif imsemmi fil-premessa (29), l-eżami ta’ l-impatt ta’ l-importazzjonijiet dumped fuq l-industrija tal-Komunità ddefinita riċentement twettaq skond il-metodoloġija kif indikata fil-premessa (70) tar-Regolament provviżorju.
(46) Il-konklużjonijiet dedotti hawn isfel huma bbażati skond id-data vverifikata w aggregata ta’ l-industrija tal-Komunità għall-erba’ produtturi tal-Komunità li kkooperaw li fadal. Minħabba l-esklużjoni ta’ manifattur wieħed tal-Komunità u l-fatt li fir-Regolament provviżorju, id-data minn ħames produtturi ġiet inkluża fil-valutazzjoni tal-ħsara, id-data kunfidenzjali tal-produttur tal-Komunità eskluż tista’ tiġi dedotta billi titqabbel id-data tar-Regolament provviżorju mad-data fir-Regolament definittiv. Għaldaqstant, f’dan l-istadju d-data vverifikata hija pprovduta f’format indiċjat. Madankollu, għandu jkun nnutat, li l-indikaturi tal-ħsara għall-erba’ produtturi tal-Komunità li jikkooperaw li fadal mhumiex sostanzjalment differenti meta mqabbla ma’ dawk stabbiliti qabel fir-Regolament provviżorju għall-ħames produtturi.
Kapaċità tal-produzzjoni
(47) Xi persuni interessati argumentaw u ssostanzjaw li l-kalkolu tal-kapaċità tal-produzzjoni fir-Regolament provviżorju ma rriflettix ir-realta'. Intqal li l-kapaċità tal-produzzjoni għandha tikkunsidra l-pożizzjoni fattwali fis-suq ta’ kull produttur inkluż fl-industrija tal-Komunità u l-possibbilta' ta’ produzzjoni reali tiegħu. Din id-dikjarazzjoni ġiet aċċettata billi l-industrija tal-Komunità hija komposta biss minn intrapriżi żgħar u medji, xi wħud minnhom huma anke negozji tal-familja, li s-soltu joperaw biss ħamest ijiem ta’ xogħol fil-ġimgħa.
(48) Tabella 4
Skond il-kummenti ta’ hawn fuq, qed tiġi ppreżentata hawn isfel stima ġdida dwar il-kapaċità tal-produzzjoni. Saru aġġustamenti biex tiġi stabbilita l-produzzjoni tal-kapaċità skond l-iskeda tal-ħin imqassma fuq ħamest ijiem ta’ xogħol, minflok fuq sebat ijiem kif isir oriġinarjament. Indiċijiet 2001 = 100 2001 2002 2003 IP Produzzjoni ta’ l-Indiċi (2001=100) 100 96 97 98 Kapaċità tal-produzzjoni ta’ l-Indiċi 100 95 105 106 Utilizzazzjoni tal-kapaċità ta’ l-Indiċi 100 102 92 92
(49) Kif indikat hawn fuq, il-bidla fil-kompożizzjoni ta’ l-industrija tal-Komunità fil-premessa (29) ma affettwatx il-konklużjonijiet dedotti fil-premessa (73) tar-Regolament provviżorju.
Ħażniet
(50) Tabella 5
Iċ-ċifri ta’ hawn isfel jirrappreżentaw il-volum ta’ l-ħażniet fi tmiem kull perijodu. Indiċijiet 2001 = 100 2001 2002 2003 IP Ħażniet ta’ l-Indiċi 100 51 95 131
(51) Madankollu, kif ġie spjegat diġa’ fil-premessa (75) tar-Regolament provviżorju, jitqies li ħażniet miżmuma mill-industrija tal-Komunità mhumiex indikatur relevanti għall-valutazzjoni tas-sitwazzjoni ekonomika ta’ l-industrija tal-Komunità.
Il-volumi tal-bejgħ, l-ishma tas-swieq, il-prezzijiet medji ta’ l-unitajiet fil-Komunità u t-tkabbir.
(52) Tabella 6
Iċ-ċifri ta’ hawn isfel jirrappreżentaw il-volum tal-bejgħ ta’ l-industrija tal-Komunità lil konsumaturi indipendenti fis-suq tal-Komunità. Indiċijiet 2001 = 100 2001 2002 2003 IP Volum tal-Bejgħ ta’ l-Indiċi 100 103 103 106 Sehem tas-Suq ta’ l-Indiċi 100 89 85 75 Prezzijiet medji tal-bejgħ ta’ l-indiċi (EURO/elf biċċa) 100 93 90 86
(53) L-analiżi tad-data riveduta tikkonferma l-konklużjonijiet fil-premessi (77) sa (80) tar-Regolament provviżorju. Turi li l-industrija tal-Komunità tista’ tkabbar b’xi ftit il-volum tal-bejgħ tagħha matul il-perijodu eżaminat b’6 %. Fl-istess perijodu l-konsum tal-Komunità kiber b’41 %, jew b’110 miljun biċċa kif indikat fit-tabella 1 hawn fuq.
(54) L-industrija tal-Komunità soffriet ukoll minn prezzijiet medji tal-bejgħ jaqgħu b’mod sinifikanti (b’14 %), waqt li aktar importazzjonijiet dumped bi prezz baxx kienu qed jippenetraw is-suq tal-Komunità. Is-sehem tas-suq tagħhom naqas ukoll.
Qligħ
(55) Tabella 7
Il-marġnijiet tal-qligħ li qed jintwerew hawn isfel huma stabbiliti kif indikati fil-premessa (81) tar-Regolament provviżorju. Il-marġnijiet inbidlu ftit biss għall-IP: Qligħ mill-Bejgħ fil-Komunità (RoT) 2001 2002 2003 IP Qligħ ta’ l-Indiċi mill-bejgħ fil-KE –4 % –6 % –14 %
(56) Il- qligħ kien negattiv matul il-perijodu eżaminat. Qed jiġu kkonfermati l-konklużjonijiet kif jinsabu fil-premessa (82) tar-Regolament provviżorju.
Id-dħul mill-investimenti, il-fluss tal-flus kontanti, l-investimenti u l-kapaċità li jinġabar il-kapital.
(57) Tabella 8
Ix-xejriet riveduti għad-dħul mill-investimenti, il-fluss tal-flus kontanti u l-investimenti qed jintwerew fit-tabella li ġejja. Indiċijiet 2001 = 100 2001 2002 2003 IP Indiċi ta’ qligħ mill-Investimenti (kumpanniji totali) 100 –191 –45 –364 Fluss tal-Fluss Kontanti ta’ l-Indiċi (kumpanniji totali) 100 39 56 –79 Investimenti ta’ l-Indiċi (prodott konċernat) fl-EUR 100 136 130 105
(58) Kif indikat diġa’ fil-premessi (84) sa (86) tar-Regolament provviżorju, ix-xejra li qed tonqos tal-prezzijiet tal-bejgħ ta’ l-industrija tal-Komunità affettwat b’mod sinifikanti l- qligħ tagħha. Għaldaqstant, dan kellu impatt negattiv fuq l-indikaturi tal-ħsara marbuta mal-livell tal- qligħ. Jista’ jkun innutat li x-xejriet negattivi ta’ hawn fuq osservati dwar id-dħul mill-investimenti u l-fluss tal-flus kontanti jirriflettu bil-kbir dawk dwar il- qligħ li qed jintwerew fit-Tabella 7 hawn fuq.
(59) L-industrija tal-Komunità żiedet l-investimenti tagħha b’5 % biss. Jista’ jidher li l-investimenti naqsu b’mod sinifikanti fil-perijodu bejn l-2003 u l-IP.
(60) Fir-rigward tal-kapaċità biex jinġabar il-kapital, qed jiġu kkonfermati l-konklużjonijiet stabbiliti fil-premessa (86) tar-Regolament provviżorju.
Impjieg, produttivita' u pagi
(61) Qed jintwera li anke dawn l-indikaturi, bil-kompożizzjoni l-ġdida ta’ l-industrija tal-Komunità, jikkonfermaw il-konklużjonijiet kif jinstabu fil-premessi (87) u (88) tar-Regolament provviżorju.
Daqs tal-marġni attwali tad-dumping
(62) Fin-nuqqas ta’ kummenti dwar id-daqs tal-marġni attwali tad-dumping, qed tiġi hawnhekk ikkonfermata l-premessa (89) tar-Regolament provviżorju.
L-effetti ta’ dumping fil-passat jew is-sussidjar.
(63) Kif indikat fil-premessa (90) tar-Regolament provviżorju, l-industrija tal-Komunità mhix qed tirkupra mill-effetti tad-dumping fil-passat jew is-sussidjar.
Konklużjoni dwar il-ħsara
(64) L-investigazzjoni wriet li l-importazzjonijiet mir-PRĊ żdiedu b’mod sinifikanti kemm f’termini assoluti u relattivi matul il-perijodu eżaminat. Id-data riveduta dwar l-importazzjonijiet turi li l-volum impurtat żdied b’97 miljun biċċa u li l-qliegħ fis-sehem tas-suq kien ilaħħaq għal 15–il punt perċentwali matul dak il-perijodu. Wara l-kalkoli riveduti, kif indikati fil-premessa (43) hawn fuq, il-prezzijiet ta’ LAM impurtati mir-PRĊ kienu qed jaqtgħu fil-prezzijiet ta’ l-industrija tal-Komunità bi 38 %.
(65) Matul il-perijodu eżaminat, minħabba ż-żieda sinifikanti fil-konsum li għalih ma setgħetx tikkontribwixxi, il-volumi tal-bejgħ ta’ l-industrija tal-Komunità żdiedu b’6 %, imma l-industrija soffriet telf sinifikanti fl-ishma tas-suq. Iffaċjata b’importazzjonijiet li kienu l-oġġetti ta’ dumping bi prezzijiet baxxi, l-industrija soffriet ukoll minn tnaqqis medju fil-prezz ta’ 14 %. L-analiżi ta’ l-evoluzzjoni ta’ ċerti indikaturi oħra ta’ ħsara, bħall-fluss tal-flus kontanti u d-dħul mill-investimenti wkoll tikkonferma x-xejriet ippreżentati fil-premessa (92) tar-Regolament provviżorju.
(66) Barra minn dan, qed jiġu kkonfermati wkoll il-konklużjonijiet li jinsabu fil-premessi (93) sa (94) tar-Regolament provviżorju.
(67) Skond dan ta’ hawn fuq, qed jiġi kkonfermat li l-industrija tal-Komunità soffriet ħsara sostanzjali fi ħdan it-tifsira ta’ l-Artikolu 3 tar-Regolament bażiku.
KAWŻALITA' L-effett ta’ l-importazzjonijiet mir-PRĊ
(68) Kif imsemmi fit-tabella 2 hawn fuq, id-data mogħtija mill-partijiet li jikkooperaw uriet li matul il-perijodu eżaminat, il-volumi ta’ l-importazzjonijiet mir-PRĊ żdiedu b’mod sinifikanti b’madwar 99 %, filwaqt li s-sehem tagħhom tas-suq tagħhom żdied bi 15-il punt perċentwali. Matul l-istess perijodu, il-prezzijiet ta’ l-importazzjoni ta’ LAM li joriġinaw fir-PRĊ naqsu b’madwar 11 %, u l-qtugħ globali fil-prezz li nstab fil-każ ta’ manifatturi Ċiniżi li jesportaw fis-suq tal-Komunità matul il-IP kien ilaħħaq għal 38 %.
(69) Kif stabbilit fil-premessa (97) tar-Regolament provviżorju, l-investigazzjoni kkonfermat li kien hemm koinċidenza fiż-żmien ta’ bejn iż-żieda kbira f’daqqa fl-importazzjonijiet li kienu l-oġġett ta’ dumping u bi prezz baxx u t-tħażżin tas-sitwazzjoni ta’ l-industrija tal-Komunità. B’mod partikolari, bejn l-2003 u l-IP, l-importazzjonijiet Ċiniżi żdiedu b’aktar minn 42 miljun biċċa filwaqt li nstab li kien qed isir qtugħ sinifikanti fil-prezz. Għaldaqstant, l-importazzjonijiet Ċiniżi ggwadanjaw 4 punti perċentwali mis-sehem tas-suq. Matul l-istess perijodu l-industrija tal-Komunità tilfet 12 % tas-sehem tagħha tas-suq minkejja li naqqset il-prezzijiet tagħha b’madwar 4 % u rnexxielha żżid il-volum tal-bejgħ tagħha. B’kunsiderazzjoni xierqa lejn dawn il-konklużjonijiet, qed jiġu kkonfermati l-konklużjonijiet kif indikati fil-premessa (97) tar-Regolament provviżorju.
(70) Huwa kkonfermat, kif imsemmi fil-premessa (98) tar-Regolament provviżorju li esportaturi Ċiniżi li jipprattikaw id-dumping irnexxielhom iżidu s-sehem tagħhom tas-suq u saru l-atturi prinċipali fis-suq tal-Komunità, u ħadu post l-industrija tal-Komunità matul il-IP.
L-effetti ta’ l-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi
(71) Tabella 10
Skond id-data mogħtija minn persuni li kkooperaw u kif stabbilit fil-premessa (34) hawn fuq, il-volumi ta’ l-importazzjoni minn pajjiżi terzi oħra huma kif ġej: 2001 2002 2003 IP Importazzjonijiet minbarra r-PRĊ (miljun biċċa) 5,63 5,31 2,53 0 Indiċi 100 94 45 — Sehem tas-suq 2,1 % 1,7 % 0,8 % 0
(72) Skond id-data ta’ hawn fuq, ġie konkluż li l-kwantitajiet żgħar ta’ l-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħra li ammontaw għal madwar 2 % tas-suq fl-2001 u li naqsu għal 0 % matul il-IP, ma setgħux ikkawżaw il-ħsara li l-industrija tal-Komunità soffriet.
(73) Għalhekk, qed jiġu kkonfermati l-konklużjonijiet kif jinstabu fil-premessi (99) sa (101) tar-Regolament provviżorju.
L-effetti ta’ l-importazzjonijiet Ċiniżi magħmula mill-industrija tal-Komunità
(74) Billi ma ngħatat l-ebda informazzjoni ġdida, qed tiġi kkonfermata l-konklużjoni kif tinstab fil-premessi (102) sa (105) tar-Regolament provviżorju.
L-effetti ta’ l-andament ta’ l-esportazzjoni mill-industrija tal-Komunità.
(75) Tabella 11
Minħabba li d-definizzjoni ta’ l-industrija tal-Komunità ġiet riveduta, l-andament ta’ l-esportazzjoni ta’ l-industrija tal-Komunità, u jekk l-andament ta’ l-esportazzjoni ta’ l-industrija tal-Komunità dwar LAM kinitx jew le il-kawża tal-ħsara mġarrba matul il-IP, ġew eżaminati mill-ġdid. Il-kwantitajiet esportati mill-industrija tal-Komunità qed jingħataw fit-tabella hawn isfel: Indiċijiet 2001 = 100 2001 2002 2003 IP Esportazzjonijiet ta’ l-Indiċi 100 66 59 46
(76) Dan l-eżami mill-ġdid ikkonferma li s-suq ewlieni ta’ l-industrija tal-Komunità dejjem kien is-suq tal-Komunità. L-esportazzjonijiet barra l-Komunità rrappreżentaw 17 % tal-bejgħ totali fl-2001 u 7 % biss matul il-IP. It-tnaqqis prinċipali fil-bejgħ għall-esportazzjoni sar bejn l-2001 u l-2002 meta l-bejgħ għall-esportazzjoni naqas b’34 %. Sussegwentament, l-esportazzjonijiet naqsu b’mod konsistenti sat-tmiem tal-IP. L-informazzjoni disponibbli tindika li din is-sitwazzjoni hija simili għal dik deskritta fil-premessi (107) sa (109) tar-Regolament provviżorju.
(77) Persuna waħda ddikkjarat li t-telf ta’ bejgħ fis-swieq ta’ l-esportazzjoni li l-industrija tal-Komunità ġarrbet matul il-IP kien ir-raġuni għall-ħsara li hi ġarrbet. Din il-persuna ddikkjarat ukoll li fil-konfront ta’ kompetizzjoni fis-suq ewlieni tagħha, ikun mistenni li industrija b’saħħitha tidderieġi l-bejgħ tagħha għall-esportazzjoni lil pajjiżi terzi. Madankollu, l-investigazzjoni wriet li l-industrija tal-Komunità, meta ffaċċjat dumping dannuż fis-suq tal-Komunità, ma kinitx f’pożizzjoni li tikkumpensa għal bejgħ mitluf minn żieda fl-esportazzjonijiet lejn pajjiżi terzi.
(78) Għandu jingħad li l-Komunità hija s-suq ewlieni dinji għal LAM u l-prodott downstream tagħha, jiġifieri fajls b’lever arch (LAF). Barra minn dan, l-investigazzjoni kkonċentrat fuq is-sitwazzjoni ekonomika fl-industrija tal-Komunità fis-suq tal-Komunità. Għaldaqstant, l-analiżi li saret dwar numru ta’ indikaturi ta’ ħsara bħall-volum tal-bejgħ, il-prezzijiet tal-bejgħ u l-qligħ hija bbażata skond is-sitwazzjoni ta’ l-industrija tal-Komunità fis-suq tal-Komunità biss u mhijiex affettwata mill-andamenti ta’ l-esportazzjoni.
(79) Barra minn dan, anke jekk it-tnaqqis fil-volum tal-bejgħ għall-esportazzjoni seta’ kkontribwixxa għal ċerta tħażżin ta’ xi indikaturi ta’ ħsara bħall-produzzjoni, u seta’ affettwa s-sitwazzjoni gobali ta’ l-industrija tal-Komunità, ma jistax jispjega t-tnaqqis sinifikanti fil-prezzijiet ta’ l-industrija tal-Komunità, it-telf fis-sehem tas-suq u t-tnaqqis fil-qligħ li l-industrija tal-Komunità esperjenzat matul il-IP fir-rigward ta’ LAM mibjugħa fis-suq tal-KE. Għalhekk, l-andament ta’ l-esportazzjoni ma setgħax jikser ir-rabta kawżali bejn il-ħsara li l-industrija tal-Komunità soffriet u l-importazzjonijiet li kienu l-oġġett ta’ dumping ta’ LAM li joriġinaw fir-PRĊ.
(80) Għalhekk qed tiġi kkonfermata l-konklużjoni kif tinsab fil-premessa (110) tar-Regolament provviżorju.
Rata tal-kambju
(81) Xi persuni interessati indikaw li l-varjazzjoni tar-rata tal-kambju EUR/USD li laħħqet għal madwar 40 % bejn l-2001 u l-2004 kienet il-kawża prinċipali ta’ kull sitwazzjoni dannuża li l-industrija tal-Komunità soffriet. Kien allegat li l-fluttwazzjoni fir-rata tal-kambju kienet waħda mir-raġunijiet li wasslu għall-għażla tal-mod ta’ forniment ta’ l-utenti bejn il-manifatturi tal-Komunità u tar-PRĊ. Ġie ddikkjarat ukoll li l-esportaturi Ċiniżi ġeneralment jitħallsu, għall-bejgħ tagħhom lill-konsumaturi bbażati fl-UE, bid-USD jew, jekk jitħallsu bl-EUR, il-prezz huwa marbut mar-rata tal-kambju EUR/USD li s-soltu tkun miftiehma fil-ħin ta’ l-ordni. Dan allegetament kellu l-effett li jpatti għaż-żidiet fil-prezzijiet bid-USD li l-esportaturi Ċiniżi talbu f’dak il-perijodu. B’hekk, ġie ddikkjarat li kull konklużjoni dwar ħsara ma kienet relatata ma’ l-ebda dumping allegat li sar mir-PRĊ.
(82) Huwa kkonfermat li l-varjazzjoni tar-rata tal-kambju bejn l-EUR u d-USD kienet sinifikanti matul il-perijodu eżaminat. Madankollu bejn l-2003 u l-IP, instab li l-fluttwazzjoni kienet limitata għal 10 %. F’kull każ, huwa ċar li l-varjazzjoni tar-rata tal-kambju ma tistax tispjega l-marġni massiv tad-dumping li nstab fir-PRĊ matul il-IP minħabba li l-kalkoli tad-dumping ma kinux influwenzati b’din il-varjazzjoni.
(83) Simulazzjoni dwar l-impatt tar-rata tal-kambju fuq il-prezzijiet tal-bejgħ ipprattikati fis-suq tal-Komunità tindika li anke mingħajr fluttwazzjonijiet tal-valuta, matul il-IP jibqa’ jeżisti qtugħ sinifikanti fil-prezzijiet minn esportaturi Ċiniżi. Aktar importanti, l-effett allegat ta’ fluttwazzjonijiet fir-rata tal-kambju ma jistax ikun fattur ieħor fi ħdan it-tifsira ta’ l-Artikolu 3(7) tar-Regolament bażiku. Tabilħaqq, fatturi oħra fi ħdan it-tifsira tad-dispożizzjoni hawn fuq imsemmija jirreferu biss għal fatturi oħra minbarra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping. Madankollu, ir-rata tal-kambju applikabbli tiddetermina l-prezz ta’ l-esportazzjoni ta’ l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping, jiġifieri tirrigwarda l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping innifishom u mhux xi ħaġa oħra li tkun setgħet għamlet ħsara lill-industrija tal-Komunità.
(84) Skond dan ta’ hawn fuq, jitqies li l-partijiet ma ppreżentaw l-ebda evidenza li turi li l-fluttwazzjonijiet tar-rata tal-kambju setgħu kissru r-rabta kawżali li tinstab bejn il-ħsara sostanzjali li l-industrija tal-Komunità soffriet u l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping.
Żieda fil-prezz ta’ l-azzar
(85) Wieħed mill-utenti argumenta li kien hemm kriżji serja ta’ l-azzar li kkawżat żidiet drammatiċi fil-prezzijiet tal-materja prima prinċipali wżata fil-produzzjoni ta’ LAM fil-perijodu eżaminat. L-utent allega li ż-żieda fil-prezz ta’ l-azzar kienet tlaħħaq il-25-40 % fl-ewwel trimestru ta’ l-2004.
(86) Iż-żidiet fil-prezz fis-settur ta’ l-azzar kienu tabilħaqq dinjija u misshom kellhom impatt fuq l-utenti kollha ta’ l-azzar, b’mod partikolari matul il-IP. Għaldaqstant, ir-reazzjoni normali ta’ l-utenti ta’ l-azzar kellha tkun waħda li tirrifletti ż-żidiet fl-ispejjeż fil-prezzijiet tal-bejgħ tal-prodotti downstream tagħhom. Madankollu d-data disponibbli tindika, li globalment il-prezzijiet ta’ l-esportazzjonijiet Ċiniżi żdiedu biss b’5 % bejn l-2003 u l-IP, jiġifieri fiż-żmien tal-kriżi ta’ l-azzar. Din il-konklużjoni twassal għall-fatt li minkejja ż-żieda fil-prezz ta’ l-azzar telgħet sa 40 %, il-produtturi Ċiniżi li jesportaw ma’aġġustawx il-prezzijiet ta’ l-esportazzjoni tagħhom u nstabu li kienu qed jesportaw bi prezzijiet baxxi u li kienu l-oġġett ta’ dumping għal ġos-suq tal-Komunità matul il-IP.
(87) L-investigazzjoni wriet li l-ispejjeż tal-materja prima ta’ l-industrija tal-Komunità żdiedu b’mod sinifikanti, b’mod partikolari matul il-IP, imma li l-industrija nżammet lura milli taġġusta l-prezzijiet tal-bejgħ tagħha minħabba l-qtugħ sinifikanti fil-prezz ipprattikat minn importazzjonijiet dumped bi prezzijiet baxxi mir-PRĊ fis-suq tal-Komunità.
(88) Huwa għalhekk ikkonfermat li l-ħsara li l-industrija tal-Komunità soffriet ma kinitx ikkawżata b’mod sinifikanti miż-żidiet fil-prezz ta’ l-azzar.
Konklużjoni dwar il-kawżalita'
(89) Skond l-analiżi ta’ hawn fuq, qed tiġi hawnhekk ikkonfermata l-konklużjoni kif tinstab fil-premessa (111) tar-Regolament provviżorju.
INTERESS TAL-KOMUNITÀ L-interess ta’ l-industrija tal-Komunità u l-fornituri
(90) Fin-nuqqas ta’ kull informazzjoni ppreżentata fir-rigward ta’ l-interess ta’ l-industrija tal-Komunità u l-fornituri, qed jiġu hawnhekk ikkonfermati l-konklużjonijiet kif stabbiliti fil-premessi (114) sa (121) tar-Regolament provviżorju.
Interess ta’ utenti w importaturi
(91) Huwa mfakkar li ġew rċevuti tweġibiet minn tmien utenti u żewġ importaturi li jinsabu fis-suq tal-Komunità, li jirrappreżentaw 51 % tal-konsum totali tal-Komunità. Is-soltu l-utenti huma wkoll importaturi, fis-sens li jimpurtaw LAM u jipproduċu fajls b’lever arch (LAF), il-prodott downstream. In-negozju totali ta’ dawn il-partijiet huwa sinifikanti imma l-produzzjoni ta’ LAF tirrappreżenta biss 22 % ta’ l-attivita' globali tagħhom.
Nuqqas ta’ provvista
(92) Xi utenti tennew it-talba tagħhom li kull miżura anti-dumping imposta qed tikkawża nuqqas ta’ provvista fil-Komunità minħabba l-kapaċitajiet insuffiċjenti ta’ l-industrija tal-Komunità. Huma argumentaw li n-nuqqas fil-kapaċità tal-produzzjoni Ewropea kontra l-livell ta’ domanda kien ilaqħħaq għal anke 40-50 %. Huma argumentaw li huma sfurzati li jimpurtaw u b’hekk ikollhom iħallsu ammonti sinifikanti ta’ dazju biex iżommu l-livell ta’ attivita' tagħhom.
(93) Għandu jiġi nnutat li l-utenti ma ġabu l-ebda evidenza ssostanzjata li kien hemm nuqqas ta’ LAM fis-suq tal-Komunità qabel jew wara l-impożizzjoni ta’ miżuri provviżorji. Barra minn dan, l-industrija tal-Komunità u produtturi oħra preżenti fis-suq tal-Komunità għandhom kapaċità ta’ produzzjoni disponibbli. Jekk meħtieġ, jistgħu jsiru investimenti addizjonali u l-forza tax-xogħol tista’ faċilment tiżdied mill-produtturi tal-Komunità biex tissodisfa d-domanda f’suq mhux imfixkel (distorted) mill-prattiċi tad-dumping. Barra minn dan, is-suq tal-Komunità mhuwiex magħluq għall-importazzjonijiet mir-PRĊ u dawn il-prodotti se jibqgħu jkunu disponibbli għall-utenti kollha bi prezzijiet mhux li ma jkunux l-oġġett ta’ dumping. Jintqies ukoll li wara din it-talba hemm il-biża' ta’ kompetittivita' mnaqqsa min-naħa ta’ l-industrija ta’ l-utent, li hija indirizzata fil-premessi (94) sa (97) hawn isfel.
Kompetittivita' ta’ l-industrija ta’ l-utent
(94) L-impożizzjoni ta’ miżuri m’għandhiex taffettwa sostanzjalment il-kompetittivita' globali ta’ l-industrija ta’ l-utent minħabba li l-utenti kollha fil-Komunità jkollhom aċċess għal sorsi alternattivi ta’ provvista. Il-miżuri anti-dumping għandhom, fil-prinċipju, ma jkollhom l-ebda impatt fuq l-attivita' ta’ l-esportazzjoni ta’ din l-industrija u żieda fl-ispiża tal-produzzjoni ma tkunx sinifikanti.
(95) Fir-rigward tal-possibbilta' ta’ żidiet fl-ispejjeż, dawn jistgħu jaffettwaw kumpanniji li prinċipalment qed jixtru prodotti li huma l-oġġett ta’ dumping bi prezz baxx miċ-Ċina. Fl-aħjar xenarju, meta wieħed iqis is-sehem tas-suq li l-industrija tal-Komunità għandha bħalissa, il-miżuri proposti jistgħu jwasslu għal żieda medja fl-ispejjeż ta’ madwar 2,0 % ta’ l-ispiża tal-prodott downstream bħala medja. Fl-agħar xenarju, iż-żieda fl-ispiża twassal għal 3 %. Madankollu, din iż-żieda fl-ispiża taf tkun imnaqqsa jekk l-utenti jkunu kapaċi jgħaddu parti miż-żieda fl-ispiża lill-klijenti tagħhom, sitwazzjoni li ma tistax tiġi eskluża.
(96) Madankollu, kif spjegat fil-premessa (128) tar-Regolament provviżorju, l-impożizzjoni ta’ miżuri anti-dumping għandhom iwasslu għal żieda f’kompetizzjoni effettiva fis-suq tal-Komunità u għall-irkupru tas-sehem tas-suq u s-sitwazzjoni ekonomika ta’ l-industrija tal-Komunità. Dan għandu jwassal, fiż-żmien qasir, biex itejjeb il-kompetizzjoni effettiva u jevita żiediet fil-prezzijiet bla bżonn fis-suq tal-Komunità.
(97) Min-naħa l-oħra, huwa kkonfermat li kull impatt negattiv fuq l-ispiża ta’ ċerti utenti mhijiex tali li żżomm milli jiġu imposti xi miżuri.
Konklużjoni dwar l-interess tal-Komunità
(98) L-investigazzjoni wriet li x’aktarx, l-industrija tal-Komunità tisparixxi jekk ma jkunx hemm miżuri kontra importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minħabba li din l-industrija diġa’ hija f’sitwazzjoni finanzjarja vulnerabbli ħafna. Dan ċertament se jwassal għad-dipendenza tal-produtturi ta’ LAF fuq sorsi ta’ barra u għal tnaqqis sinifikanti fil-kompetizzjoni. L-impożizzjoni ta’ miżuri anti-dumping għandhom jagħtu mill-ġdid kundizzjonijiet effettivi ta’ kummerċ, mingħajr piż jew vantaġġ mhux mistħoqq, għall-partijiet kollha li jbiegħu u jixtru LAM fis-suq tal-Komunità.
(99) Għalhekk huwa konkluż li l-miżuri definittivi m’humiex kontra l-interess tal-Komunità.
DAZJI ANTI-DUMPING DEFINITTIVI Livell ta’ eliminazzjoni tal-ħsara
(100) Skond il-metodoloġija spjegata fil-premessi (133) sa (136) tar-Regolament provviżorju, ġie kkalkulat livell ta’ eliminazzjoni tal-ħsara għall-finijiet li jiġi stabbilit il-livell ta’ miżuri li għandhom jiġu imposti.
(101) Meta jiġi kkalkulat il-marġni tal-ħsara fir-Regolament provviżorju, il-profitt fil-mira għall-industrija tal-Komunità ġie stabbilit għal 5 %, livell meqjus konservattiv u li jista’ jkun mistenni raġonevolment fin-nuqqas ta’ dumping dannuż.
(102) Persuna waħda argumentat li l-marġni tal-ħsara m’għandux ikun ibbażat skond l-ispiża tal-produzzjoni ta’ l-industrija tal-Komunità biż-żieda ta’ profitt raġonevoli, minħabba li l-industrija tal-Komunità m’hijiex effiċjenti u l-ispiża tagħha tal-produzzjoni hija ogħla milli għandha tkun. Madankollu, din il-persuna ma ppreżentat l-ebda evidenza biex tissostanzja d-dikjarazzjoni tagħha. L-investigazzjoni ma pprovdiet l-ebda raġuni biex titwarrab il-metodoloġija segwita fil-premessa (134) tar-Regolament provviżorju.
(103) Fin-nuqqas ta’ kull kumment ieħor dwar dan is-suġġett, qed tiġi għalhekk ikkonfermata l-metodoloġija stabbilita fil-premessi (133) sa (136) tar-Regolament provviżorju.
Miżuri definittivi
(104) Fid-dawl ta’ dan li ġej u skond l-Artikolu 9(4) tar-Regolament bażiku, għandu jiġi impost dazju anti-dumping definittiv fil-livell tal-marġni tad-dumping ikkalkulat fir-rigward ta’ l-importazzjonijiet ta’ LAM li joriġinaw fir-PRĊ, billi huwa kkonfermat li fil-każijiet kollha l-marġnijiet tal-ħsara kienu ogħla mill-marġnijiet tad-dumping li nstabu.
(105) Skond dan ta’ hawn fuq, id-dazji definittivi huma stabbiliti kif ġej: Kumpannija Marġni tad-dumping Dongguan Nanzha Leco Stationery 27,1 % Il-kumpanniji l-oħra kollha 47,4 %
(106) Ir-rata tad-dazju anti-dumping ta’ kumpannija individwali speċifikata f’dan ir-Regolament ġiet stabbilita skond il-konklużjonijiet ta’ l-investigazzjoni preżenti. Għalhekk, din tirrifletti s-sitwazzjoni li nstabet matul l-investigazzjoni fir-rigward ta’ dik il-kumpannija. Din ir-rata ta’ dazju (bil-kuntrarju għad-dazju li japplika ġewwa l-pajjiż kollu għal il-kumpanniji l-oħra kollha) tapplika għalhekk b’mod esklużiv għal importazzjonijiet ta’ prodotti li joriġinaw fil-pajjiż rispettiv, u manifatturati mill-kumpannija, u b’hekk mill-entita legali speċifika msemmija. Prodotti impurtati manifatturati minn kull kumpannija oħra mhux imsemmija speċifikament fil-parti operattiva ta’ dan ir-Regolament bl-isem u l-indirizz tagħha, inklużi entitajiet relatati ma’ dik imsemmija speċifikament, ma jistgħux jibbenefikaw mir-rata u għandhom ikunu suġġetti għar-rata ta’ dazju li tapplika għall-kumpanniji l-oħra kollha.
(107) Kull talba fejn titlob l-applikazzjoni tar-rata tad-dazju anti-dumping ta’ kumpannija individwali (e.ż. wara bidla fl-isem ta’ l-entita' jew wara t-twaqqif ta’ entitajiet ġodda ta’ produzzjoni jew bejgħ) għandha tiġi indirizzata minnufih lill-Kummissjoni bl-informazzjoni kollha relevanti, b’mod partikolari b’kull modifikazzjoni fl-attivitajiet tal-kumpannija marbuta mal-produzzjoni, il-bejgħ domestiku u dak għall-esportazzjoni assoċjat ma’, per eżempju, dik il-bidla fl-isem jew dik il-bidla fl-entitajiet tal-produzzjoni u tal-bejgħ. Jekk jixraq, ir-Regolament imbagħad jiġi dlonk emendat billi tiġi aġġornata l-lista ta’ kumpanniji li jibbenefikaw minn rati ta’ dazju individwali.
(108) Sabiex jiġi żgurat l-infruzar xieraq tad-dazju anti-dumping, il-livell ta’ dazju residwu m’għandux japplika biss għall-esportaturi li ma jikkooperawx, imma wkoll għal dawk il-kumpanniji li ma esportawx matul il-IP. Madankollu, dawn il-kumpanniji ta’ l-aħħar huma mistiedna, meta jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ l-Artikolu 11(4) tar-Regolament bażiku, it-tieni paragrafu, biex jippreżentaw talba għal reviżjoni skond dak l-Artikolu sabiex is-sitwazzjoni tagħhom tiġi eżaminata individwalment.
ĠBIR TA’ DAZJI PROVVIŻORJI
(109) Minħabba d-daqs tal-marġnijiet tad-dumping li nstabu u fid-dawl tal-livell tal-ħsara sostanzjali kkawżata lill-industrija tal-Komunità, jintqies meħtieġ li l-ammonti żgurati permezz tad-dazju anti-dumping provviżorju, impost bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) No 134/2006, għandu jinġabar skond ir-rata tad-dazju impost definittivament. Fejn id-dazji definittivi huma anqas mid-dazji provviżorji, għandhom jinġabru biss definittivament l-ammonti żgurati fil-livell tad-dazji definittivi,
ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
1. Huwa b'dan impost dazju anti-dumping definittiv fuq importazzjonijiet ta’ mekkaniżmi b’lever arch għall-arkivjar ta’ karti u dokumenti oħra f’binders u fajls u li jaqgħu taħt il-Kodiċi NM ex83051000 (kodiċi TARIC 8305100050) li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina.
2. Ir-rata tad-dazju anti-dumping definittiv applikabbli għall-prezz nett, liberu fil-fruntiera tal-Komunità, qabel id-dazju, tal-prodotti deskritti fil-paragrafu 1, u manifatturati mill-kumpanniji msemmija hawn isfel għandha tkun kif ġej: Manifattur Dazju anti-dumping Kodiċi TARIC addizzjonali Dongguan Nanzha Leco Stationery The First Industrial Camp, Nanzha, Humen, Dongguan, China 27,1 % A729 Il-kumpanniji l-oħra kollha 47,4 % A999
3. Sakemm ma jiġix speċifikat mod ieħor, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet fis-seħħ dwar id-dazji tad-dwana.
Artikolu 2 L-ammonti żgurati bis-saħħa tad-dazju anti-dumping provviżorju skond ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 134/2006 fuq importazzjonijiet ta’ mekkaniżmi b’ lever arch għall-arkivjar ta’ karti u dokumenti oħra f’binders u fajls u li jaqgħu taħt il-kodiċi CN ex83051000 (kodiċi TARIC 8305100050) li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina għandhom jinġabru b’mod definit bir-rata ta’ dazju imposta definittivament bir-Regolament preżenti. L-ammonti żgurati f’eċċess tar-rata definittiva tad-dazji anti-dumping għandhom jiġu rilaxxati.
Artikolu 3 Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha. Magħmul fi Brussell, 24 ta’ Lulju 2006. Għall-Kunsill Il-President K. Rajamäki