Regolament (KE) Nru 1366/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Settembru 2006 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2037/2000 fir-rigward tas-sena bażi għall-allokazzjoni tal-kwoti ta' idroklorofluworokarbonji fir-rigward ta' l-Istati Membri li aderew ma' l-Unjoni Ewropea fl-1 ta' Mejju 2004
Grade B
mapped from publisher markup. A grade says how a document's structure was obtained, not how reliable the law is.
Address https://gelex.eu/eli/EU/act/2006/1366@2006-09-06/mt
Contents
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea u b'mod partikolari l-Artikolu 175(1) tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni,
Wara li kkunsidraw l-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew,
Wara li kkonsultaw ill-Kumitat tar-Reġjuni,
Waqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat,
Billi:
(1) Ir-Regolament (KE) Nru 2037/2000 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' Ġunju 2000 dwar sustanzi li jnaqqsu s-saff ta’ l-ożonu jieħu s-sena 1999 bħala s-sena bażi għall-allokazzjoni tal-kwoti ta' l-idroklorofluworokarbonji (HCFCs). Is-suq ta' l-HCFC fl-għaxar Stati Membri l-ġodda inbidel konsiderevolment mill-1999, bil-wasla ta' kumpanniji ġodda u tibdil fis-sehem tas-suq. Meta tieħu s-sena 1999 bħala s-sena bażi għall-allokazzjoni tal-kwoti ta' l-HCFCs f'dawn l-Istati Membri l-ġodda jirriżulta li numru kbir ta' kumpanniji ma jirċevux kwota ta' importazzjoni. Dan jista' jiġi kkunsidrat bħala arbitrarju u jista' jirriżulta fi ksur tal-prinċipji tan-non-diskriminazzjoni u aspettativi leġittimi.
(2) Bħala regola ġenerali, il-kwoti għandhom ikunu bbażati fuq il-figuri l-aktar riċenti u rappreżentattivi disponibbli sabiex jiġi żgurat li numru ta' kumpanniji importaturi fl-Istati Membri l-ġodda ma jiġux esklużi. Għalhekk huwa xieraq li jintagħżlu s-snin li għalihom hemm disponibbli l-aktar data riċenti. Sabiex is-sitwazzjoni kummerċjali dwar is-suq ta' l-HCFC fl-għaxar Stati Membri l-ġodda tiġi riflessa aħjar, għandha tintuża l-medja tas-sehem mis-suq fl-2002 u l-2003 għall-kumpanniji minn dawk l-Istati Membri.
(3) Ir-Regolament (KE) Nru 2037/2000 għandu għalhekk jiġi emendat għaldaqstant,
ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1 Il-punt li ġej għandu jiġi miżjud ma' l-Artikolu 4(3)(i) tar-Regolament (KE) Nru 2037/2000: .
Artikolu 1
(i) B'deroga mill-punt (h), kull produttur u importatur fir-Repubblika Ċeka, l-Estonja, Ċipru, il-Latvja, il-Litwanja, l-Ungerija, Malta, il-Polonja, is-Slovenja u s-Slovakkja għandu jiżgura li l-livell kalkulat ta' idroklorofluworokarbonji li huwa jqiegħed fis-suq jew juża għalih innifsu ma għandux jaqbeż, bħala perċentwal tal-livelli kalkulati mniżżla fil-punti (b), (d), (e) u (f), il-medja tas-sehem perċentwali mis-suq fl-2002 u l-2003.
Artikolu 2 Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum ta' wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea. Għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2007.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha. Magħmul fi Strasburgu, nhar is-6 ta’ Settembru 2006. Għall-Parlament Ewropew Il-President J. Borrell Fontelles Għall-Kunsill Il-President P. Lehtomäki