Deċiżjoni tal-Kunsill tat-23 ta' Jannar 2006 dwar l-approvazzjoni ta' għajnuna nazzjonali eċċezzjonali mir-Repubblika ta' Ċipru lill-bdiewa Ċiprijotti għall-iskop tal-ħlas lura ta' parti mid-dejn agrikolu li nħalaq ferm qabel l-adeżjoni ta' Ċipru għall-UE (2006/39/KE)
Grade B
mapped from publisher markup. A grade says how a document's structure was obtained, not how reliable the law is.
Address https://gelex.eu/eli/EU/act/2006/39@2006-01-27/mt
Contents
IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 88(2), it-tielet subparagrafu, tiegħu,
Wara li kkunsidra t-talba magħmula mir-Repubblika ta' Ċipru fil-21 ta' Novembru 2005,
Billi:
(1) Fil-21 ta' Novembru 2005, Ċipru ippreżenta lill-Kunsill talba għal deċiżjoni skond it-tielet subparagrafu ta' l-Artikolu 88(2) tat-Trattat li tiddikjara li l-pjan ta' Ċipru sabiex jagħti għajnuna nazzjonali lill-bdiewa Ċiprijotti għall-iskop li jħallsu lura parti mid-dejn agrikolu li nħalaq ferm qabel l-adeżjoni ta' Ċipru ma' l-Unjoni Ewropea bħala riżultat ta' ċirkostanzi eċċezzjonali huwa kompatibbli mas-suq komuni.
(2) Saru sforzi intensivi mill-Gvern Ċiprijott sabiex jerġgħu jibdew jaħdmu l-bosta għexieren ta' eluf ta' bdiewa u nies rurali li kienu mġegħlin jabbandunaw l-azjendi agrikoli tagħhom u djarhom wara l-invażjoni Torka fl-1974.
(3) Sabiex dawn il-bdiewa u n-nies rurali jkunu jistgħu ikomplu bl-attivitajiet tagħhom ġewwa Ċipru, ingħata self garantit mill-Gvern għall-akkwist ta' makkinarju u bhejjem u/jew għar-realizzazzjoni ta' investimenti oħrajn fl-agrikoltura.
(4) Fis-snin disgħin, Ċipru ntlaqtet minn nuqqas serju u mingħajr preċedent ta' xita li dam sejjer 7 snin, b'konsegwenzi devastanti għall-produzzjoni agrikola u għad-dħul ta' l-azjendi agrikoli. Bit-tama ta' ħsad aħjar fis-sena ta' wara, ħafna bdiewa Ċiprijotti milquta minn din in-nixfa rrikorru għas-self sabiex jixtru materjal neċessarju għall-azjendi agrikoli, u b'hekk waqgħu fin-nassa ta' dejn li jakkumula sena wara sena. Id-daqs tat-telf li sofrew il-bdiewa Ċiprijotti u l-akkumulazzjoni tad-dejn tagħhom inċida fuq il-kapaċità tagħhom li jħallsu lura d-djun eżistenti.
(5) Kmieni fl-1999, il-Gvern ta' l-impenn politiku tiegħu sabiex jittratta l-problema tad-dejn akkumulat ta' l-azjendi agrikoli, iżda minħabba l-falliment sabiex jintlaħaq ftehim ma' l-unions tal-bdiewa, l-iskema proposta ta' ħlas lura tad-dejn ma ġietx implementata qabel l-adeżjoni ma' l-Unjoni. Kien biss wara diskussjonijiet fit-tul u l-pressjoni ta' l-isfidi serji li kien qiegħed jiffaċċja s-settur agrikolu ta' Ċipru wara l-adeżjoni li l-unions tal-bdiewa waslu sabiex jimmodifikaw il-pożizzjonijiet tagħhom.
(6) Wara l-adeżjoni ta' Ċipru ma' l-Unjoni, is-settur agrikolu ta' Ċipru daħal f'perjodu ta' kriżi estiża u d-dħul ta' l-azjendi agrikoli irreġistra deklin b'kuntrast għall-Istati Membri ġodda l-oħrajn kollha. Il-prezzijiet, mill-azjendi agrikoli, taċ-ċereali u tal-frott minbarra ċ-ċitru niżlu b'mod sostanzjali. Parti konsiderevoli tal-ħsad ta' l-għeneb ma setgħetx issib il-bejgħ normali tagħha fis-suq u Ċipru talab u ngħata għajnuna Komunitarja sabiex jimplementa skema immedjata ta' tindif mill-għeruq. B'antiċipazzjoni tal-ħtiġijiet ta' aġġustament, konverżjoni u diversifikazzjoni, il-Pjan ta' Żvilupp Rurali nazzjonali għall-perjodu 2004-2006 inkorpora numru ta' skemi u programmi li kienu jeħtieġu investiment konsiderevoli mill-bdiewa u minn persuni rurali oħrajn. Madankollu, id-dejn akkumulat ta' l-azjendi agrikoli mill-perjodu ta' qabel l-adeżjoni kien ostaklu maġġur għall-implementazzjoni ta' dak il-Pjan, u l-Banek u l-istituzzjonijiet finanzjarji l-oħrajn riedu li jitħallas lura s-self preċedenti qabel ma jagħtu self ġdid.
(7) Ir-rifjut mill-aġenziji ta' kreditu li jipprovdu self ulterjuri jikkostitwixxi ostaklu maġġur għall-isforzi ta' modernizzazzjoni u ta' titjib ta' l-unitajiet ta' produzzjoni agrikola u tal-bhejjem. Dan in-nuqqas ta' modernizzazzjoni u, konsegwentement, il-produttività aktar baxxa u n-nuqqas fil-profitti, flimkien mal-kondizzjonijiet diffiċli ta' għajxien u ta' xogħol li rriżultaw għall-bdiewa Ċiprijotti, jinvolvu r-riskju ta' abbandun tat-tkabbir, bil-konsegwenza ta' riskju ta' riperkussjonijiet ekonomiċi u soċjali serji għall-bdiewa Ċiprijotti konċernati.
(8) L-għajnuna hija maħsuba bħala solliev għall-kategoriji ta' bdiewa li ġejjin li huma milquta mill-akkumulazzjoni tad-dejn u li ma jistgħux iħallsu lura s-self li ngħataw:
dawk li kienu reġistrati bħala bdiewa mal-Fond ta' Sigurtà Soċjali u ħallsu l-kontribuzzjonijiet tas-Sigurtà Soċjali sal-31 ta' Diċembru 1998;
bdiewa spostati li kellhom liċenzja professjonali, u li d-dħul annwali tagħhom minn impjieg mhux agrikolu ma qabiżx 6000 Lira Ċiprijotta fil-31 ta' Diċembru 1998;
dawk li llum qegħdin jirċievu pensjoni u kienu reġistrati bħala bdiewa fil-31 ta' Diċembru 1998;
dawk li għexu fil-kampanja u kienu mpjegati fil-qasam tal-biedja, iżda li wkoll eżerċitaw professjoni oħra mhux agrikola, bil-kondizzjoni li d-dħul tagħhom mhux agrikolu ma qabiżx 6000 Lira Ċiprijotta fil-31 ta' Diċembru 1998.
(9) L-għajnuna maħsuba li tingħata minn Ċipru tammonta għal 23 miljun Lira Ċiprijotta (ekwivalenti għall-EUR 39,33 miljun), li tikkorrispondi għas-self kuntrattat bejn l-1974 u l-31 ta' Diċembru 1998.
(10) In-numru ta' benefiċjarji ta' l-iskema proposta ta' għajnuna nazzjonali huwa stmat li jaqbeż il-15000 bidwi.
(11) Għalekk jeżistu ċirkostanzi eċċezzjonali, li jagħmluha possibbli li tkun kunsidrata bħala kompatibbli mas-suq komuni l-għajnuna ppjanata minn Ċipru għall-bdiewa Ċiprijotti għall-fini tal-ħlas lura ta' parti mid-dejn agrikolu li nħalaq ferm qabel l-adeżjoni ta' Ċipru ma' l-Unjoni.
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1 L-għajnuna nazzjonali mogħtija mir-Repubblika ta' Ċipru ta' 23 miljun Lira Ċiprijotta (ekwivalenti għall-EUR 39,33 miljun) sabiex il-bdiewa Ċiprijotti jkunu jistgħu jħallsu lura lill-Banek u lill-istituzzjonijiet finanzjarji l-oħrajn parti mid-djun agrikoli tagħhom, li nħalqu qabel il-31 ta' Diċembru 1998 minħabba ċ-ċirkostanzi eċċezzjonali li kien hemm qabel u sa dik id-data, għandha tiġi kkunsidrata bħala kompatibbli mas-suq komuni.
Artikolu 2 Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika ta' Ċipru.
Maghmul fi Brussell, nhar it-23 ta' Jannar 2006. Ghall-Kunsill Il-President J. Pröll