Gelex

Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 728/2006 tal-15 ta' Mejju 2006 li jissospendi u jirrevoka, taħt ċerti kondizzjonijiet, ir-Regolament (KE) Nru 2193/2003 li jistabbilixxi dazji addizzjonali tad-dwana fuq l-importazzjonijiet ta' ċerti prodotti li joriġinaw mill-Istati Uniti ta' l-Amerika

In forceVersion 2006-05-15
Grade B

mapped from publisher markup. A grade says how a document's structure was obtained, not how reliable the law is.

Ask Gelex about this law

Address https://gelex.eu/eli/EU/act/2006/728@2006-05-15/mt

Contents
  1. Preamble
  2. Artikolu 1

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u l-aktar l-Artikolu 133 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Billi:

(1) Fis-7 ta' Mejju 2003, il-Komunità kienet awtorizzata mill-Korp għar-Riżoluzzjoni tad-Disputi (Dispute Settlement Body, DSB) ta' l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) sabiex timponi kontro-miżuri sal-livell ta' 4043 miljun dollaru Amerikan fl-għamla ta' dazji ad valorem addizzjonali sa 100 % fuq ċerti prodotti li joriġinaw mill-Istati Uniti ta' l-Amerika. Konsegwentement, fit-8 ta' Diċembru 2003 il-Komunità adottat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2193/2003 li jistabbilixxi dazji doganali addizzjonali fuq l-importazzjonijiet ta' ċerti prodotti li joriġinaw mill-Istati Uniti ta' l-Amerika.

(2) Il-Komunità, sar-riżultat ta' litigazzjoni ulterjuri pendenti quddiem id-WTO dwar il-kompatibbiltà mar-regoli tad-WTO ta' dispożizzjonijiet tranżizzjonali u eżentivi ta' l-FSC Repeal and Extraterritorial Income Exclusion Act ta' l-2000 (l-Att FSC-ETI) u ta' l-American Jobs Creation Act ta' l-2004 (l-Att JOBS), emendat u ssospendiet l-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 2193/2003 bl-adozzjoni tar-Regolament (KE) Nru 171/2005.

(3) Ir-Regolament (KE) Nru 171/2005 jistipula li r-reintroduzzjoni ta' dazji addizzjonali tidħol fis-seħħ biss fl-1 ta' Jannar 2006 jew 60 jum wara li d-DSB jikkonferma, skond liema data tiġi l-aħħar, l-inkompatibbiltà ta' ċerti aspetti ta' l-Atti msemmija hawn fuq mal-liġi tad-WTO.

(4) Fl-14 ta' Marzu 2006, id-DSB ikkonferma l-inkompatibbiltà, mar-regoli tad-WTO, tal-miżuri Amerikani kontrastati wara deċiżjoni tal-panel u tal-Korp ta' l-Appell dwar dan. Il-Kummissjoni fit-3 ta' Mejju 2006 ippubblikat avviż li jħabbar l-applikazzjoni ta' dazju ad valorem addizzjonali ta' 14 % mis-16 ta' Mejju 2006.

(5) Il-Kungress ta' l-Istati Uniti issa adotta leġiżlazzjoni li tħassar id-dispożizzjonijiet eżentivi ta' l-Att FSC-ETI u ta' l-Att JOBS għas-snin fiskali li ġejjin u għalhekk il-kontro-miżuri imposti taħt ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2193/2003, kif emendat mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 171/2005, laħqu l-għan tagħhom suffiċjentement u r-reintroduzzjoni tal-kontro-miżuri jkunu ta' tfixkil bla bżonn.

(6) Ladarba l-President ta' l-Istati Uniti għandu jiffirma l-Abboz sabiex dan isir liġi, ir-reintroduzzjoni tas-sanzjonijiet għandhom jibqgħu sospiżi sakemm issir din il-firma, u r-revoka tal-kontro-miżuri imposta taħt ir-Regolament (KE) Nru 2193/2003, kif emendat mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 171/2005, għandha ssir effettiva biss meta ssir din il-firma,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1. Is-sospensjoni ta' l-applikazzjoni ta' dazji addizzjonali previsti fl-Artikoli 1 u 2 tar-Regolament (KE) Nru 171/2005 hija b'dan estiża sad-29 ta' Mejju 2006.

2. Fil-każ li l-President ta' l-Istati Uniti jiffirma l-Abbozz adottat mill-Kungress ta' l-Istati Uniti li jħassar id-dispożizzjonijiet eżentivi ta' l-Att FSC-ETI u ta' l-Att JOBS fis-26 ta' Mejju 2006 jew qabel, ir-Regolament (KE) Nru 2193/2003 għandu jitħassar b'effett mid-29 ta' Mejju 2006.

3. Wara li ssir il-firma msemmija hawn fuq, il-Kummissjoni għandha minnufih tippubblika avviż fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea li tħabbar li tali firma tkun saret u li r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2193/2003 ġie mħassar b'effett mid-29 ta' Mejju 2006.

4. Fil-każ li tali firma ma tkunx saret sas-26 ta' Mejju 2006, il-Kummissjoni għandha minnfih tippubblika avviż fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea li jħabbar li tali firma ma saritx u li l-kontro-miżuri previsti fir-Regolament (KE) Nru 2193/2003, kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 171/2005, jerġgħu japplikaw mill-ġdid b'effett mit-30 ta' Mejju 2006.

Artikolu 2 Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha. Magħmul fi Brussel, nhar il- 15 ta' Mejju 2006. Għall-Kunsill Il-President U. Plassnik

Versions

  1. 2006-05-15