Deċiżjoni tal-Kunsill tat-30 ta' Jannar 2006 li temenda u testendi d-Deċiżjoni 2001/923/KE li tistabbilixxi programm ta' skambju, għajnuna u taħriġ għall-protezzjoni ta' l-Euro kontra l-falsifikazzjoni (il-programm Pericles) (2006/75/KE)
Grade B
mapped from publisher markup. A grade says how a document's structure was obtained, not how reliable the law is.
Address https://gelex.eu/eli/EU/act/2006/75@2006-02-08/mt
IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari t-tielet sentenza ta' l-Artikolu 123(4) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew,
Billi:
(1) Skond l-Artikolu 13(3)(a) tad-Deċiżjoni 2001/923/KE sat-30 ta' Ġunju 2005 il-Kummissjoni għandha tibgħat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport li għandhu jkun indipendenti mill-amministratur tal-programm, li jevalwa r-relevanza, l-effiċjenza u l-effettività tal-programm u komunikazzjoni dwar jekk dan il-programm għandhux jitkompla u jiġi adottat, akkumpanjat minn proposta xierqa.
(2) Ir-rapport ta' evalwazzjoni previst fl-Artikolu 13 ta' dik id-Deċiżjoni ġie maħruġ fit-30 ta' Novembru 2004. Dan jikkonkludi li l-programm qed jilħaq l-objettivi tiegħu u jirrakkomanda t-tkomplija tal-programm.
(3) Ammont ta' referenza finanzjarju, fis-sens tal-punt 34 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-6 ta' Mejju 1999 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina tal-budget u titjib tal-proċedura tal-budget hu inkluż f'din id-Deċiżjoni għat-tul kollu tal-programm, mingħajr ma dan jaffettwa s-setgħat ta' l-awtorità tal-budget kif definiti mit-Trattat.
(4) It-tkomplija tal-programm tirrifletti l-ħtieġa ta' viġilanza, taħriġ u assistenza teknika kontinwa meħtieġa biex issostni l-protezzjoni ta' l-euro kontra l-iffalsifikar.
(5) L-effiċjenza tal-programm għall-protezzjoni ta' l-euro tista' tiġi msaħħa jekk l-appoġġ tekniku jiġi mkabbar biex jipprovdi wkoll, bl-involviment ta' l-Europol, għall-appoġġ finanzjarju għall-kooperazzjoni f'operazzjonijiet trans-konfinali; u tista' tibbenefika, f'każijiet debitament ġustifikati, minn flessibbiltà akbar fil-proporzjon ta' l-ispejjeż li l-Komunità tista' ġġorr u fin-numru ta' proġetti li Stat Membru jista' jippreżenta.
(6) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/923/KE għandha għalhekk tiġi emendata għaldaqstant.
IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:
Artikolu 1 Emendi
Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/923/KE hija b' dan emendata kif ġej:
1) L-aħħar sentenza ta' l-Artikolu 1(2), għandha tinbidel b’dan li ġej: Għandu jibda jopera mill-1 ta' Jannar 2002 sal-31 ta' Diċembru 2006..
2) Il-punt li ġej għandu jiżdied fl-Artikolu 2(2): .
2)
(e) għan li jiġu pubblikati r-riżultati miksuba, bħala parti mill-iskambju ta' informazzjoni, esperjenza u prattika tajba.
3) Il-punt li ġej għandu jiżdied fl-Artikolu 3(3): .
3)
(d) fuq bażi sekondarja appoġġ finanzjarju għall-kooperazzjoni f'operazzjonijiet trans-konfini meta tali appoġġ m'huwiex disponibbli minn istituzzjonijiet Ewropej u korpi oħra.
4) L-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 6 għandu jinbidel b’dan li ġej: L-ammont ta' referenza finanzjarju għall-implimentazzjoni tal-programm ta' azzjoni tal-Komunità għall-perijodu mill-1 ta' Jannar 2002 sal-31 ta' Diċembru 2005 għandu jkun ta' EUR 4 miljun. L-ammont ta' referenza finanzjarju għall-implimentazzjoni tal-programm ta' azzjoni tal-Komunità għall-perijodu mill-1 ta' Jannar 2006 sal-31 ta' Diċembru 2006 għandu jkun ta' EUR 1 miljun.
5) Fl-Artikolu 10(1), il-frażi ta' introduzzjoni għandha tinbidel b’dan li ġej: Il-Komunità għandha, f'każijiet debitament ġustifikati, iġġorr sa 80 % ta' l-ispiża ta' l-appoġġ operazzjonali msemmija fl-Artikolu 3 permezz ta' ko-finanzjament, b'mod partikolari: .
6) Fl-Artikolu 11 70 % għandha tinbidel bi 80 %.
7) L-Artikolu 12 għandu jiġi emendat kif ġej:
7) a)
it-tieni sub-paragrafu ta’ paragrafu 1 għandu jinbidel b’dan li ġej: L-Istati Membri jistgħu jippreżentaw proġett wieħed jew, eċċezzjonalment, tnejn fis-sena li jikkonċernaw il-workshops, il-laqgħat u s-seminarji imsemmija fit-tieni sub-paragrafu ta' l-Artikolu 3(2). Il-proġetti f'rabta ma' tqegħid, skambjar jew assistenza jistgħu jiġu preżentati ukoll. ;
b)
Is-sub-paragrafu li ġej għandu jiżdied ma' paragrafu 1: Fil-każ li iżjed minn proposta waħda jiġu preżentati minn Stat Membru wieħed, il-koordinazzjoni titwettaq mill-awtorità nazzjonali kompetenti definita fl-Artikolu 2(b) ir-raba' inċiż tar-Regolament (KE) Nru 1338/2001. ;
ċ)
f' paragrafu 2 il-punt (e) għandu jinbidel b' dan li ġej: .
(e) il-kwalità intrinsika tal-proġett f'termini tal-proporzjon tal-konċezzjoni, l-organizzazzjoni, il-preżentazzjoni, l-objettivi u l-effettività ta' l-infiq tagħha
d)
Il-punt li ġej għandu jiżdied f' paragrafu 2: .
(h) kompatibbiltà max-xogħol li qed jitwettaq jew jiġi mħejji bħala parti mill-azzjoni ta' l-UE fil-qasam tal-ġlieda kontra l-iffalsifikar tal-valuta
Artikolu 2 Applikabbiltà
Din id-Deċiżjoni għandu jkollha effet fl-Istati Membri parteċipanti kif definit fl-ewwel inċiż ta' l-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 974/98 tat-3 ta' Mejju 1998 dwar l-introduzzjoni ta' l-euro.
Artikolu 3 Dħul fis-seħħ
Din id-Deċiżjoni għandu jkollha effett fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea. Għandha tapplika mill-1 ta' Jannar 2006.
Magħmul fi Brussell, nhar it-30 ta' Jannar 2006 Għall-Kunsill Il-President U. Plassnik