Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1228/2007 tad-19 ta’ Ottubru 2007 li twaqqaf l-investigazzjoni dwar evażjoni possibbli ta’ miżuri ta’ kontrobilanċ imposti bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1628/2004 fuq importazzjonijiet ta’ ċerti sistemi ta’ elettrodu tal-grafita li joriġinaw fl-Indja
Grade B
mapped from publisher markup. A grade says how a document's structure was obtained, not how reliable the law is.
Address https://gelex.eu/eli/EU/act/2007/1228@2007-10-19/mt
Contents
IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,
Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2026/97 tas-6 ta’ Ottubru 1997 dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet sussidjati minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Komunità Ewropea (ir-Regolament bażiku) u b’mod partikolari l-Artikoli 14 u 23 tiegħu,
Billi: PROĊEDURA Miżuri eżistenti u investigazzjonijiet ta’ qabel
(1) Wara proċeduri paralleli kontra d-dumping u kontra s-sussidji, il-Kunsill imposta, bir-Regolament (KE) Nru 1628/2004 (ir-Regolament oriġinali), miżuri ta’ kontrobilanċ definittivi ta’ 15,7 % għal Graphite India Limited, 7,0 % għal HEG Limited u 15,7 % għall-kumpaniji kollha l-oħra fuq importazzjonijiet ta’ ċerti sistemi ta’ elettrodu tal-grafita li joriġinaw fl-Indja.
Talba
(2) Fil-15 ta’ Jannar 2007 il-Kummissjoni rċeviet talba skond l-Artikolu 23(2) tar-Regolament bażiku biex tinvestiga l-allegata evażjoni tal-miżuri ta’ kontrobilanċ imposti fuq importazzjonijiet ta’ ċerti sistemi ta’ elettrodu tal-grafita li joriġinaw fl-Indja. It-talba tressqet mill-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Karbonju u l-Grafita (AEKG) f’isem il-produtturi tal-Komunità ta’ ċerti sistemi ta’ elettrodu tal-grafita.
(3) It-talba kien fiha evidenza prima facie li turi li kien hemm bidla fix-xejra tal-kummerċ, dan wara l-impożizzjoni ta’ miżuri ta’ kontrobilanċ fuq importazzjonijiet ta’ ċerti sistemi ta’ elettrodu tal-grafita li joriġinaw fl-Indja, kif ġie muri b’żieda sinifikanti fl-importazzjonijiet ta’ grafita artifiċjali mill-Indja (il-prodott investigat) filwaqt li importazzjonijiet ta’ ċerti sistemi ta’ elettrodu tal-grafita li joriġinaw fl-Indja (il-prodott ikkonċernat) naqsu sostanzjalment matul l-istess perjodu.
(4) It-talba għall-investigazzjoni ta’ l-allegata evażjoni tad-dazji fis-seħħ argumentat li produttur esportatur wieħed tal-prodott ikkonċernat li joriġina fl-Indja kien, wara l-impożizzjoni tad-dazji, qed jesporta l-prodott investigat lill-kumpanija relatata tiegħu fil-Komunità. Din il-kumpanija imbagħad kienet qed twettaq l-operazzjoni ta’ tkomplija fil-Komunità biex tipproduċi l-prodott ikkonċernat mill-prodott investigat.
(5) Ġie allegat li ma kienx hemm kawża adegwata jew ġustifikazzjoni ekonomika suffiċjenti għal dawn il-bidliet għajr għall-eżistenza tal-miżuri ta’ kontrobilanċ fuq ċerti sistemi ta’ elettrodu tal-grafita li joriġinaw fl-Indja.
(6) Fl-aħħarnett, l-applikant allega li l-effetti ta’ rimedju tal-miżuri ta’ kontrobilanċ eżistenti fuq il-prodott ikkonċernat kienu qed jiġu mxekkla f’termini ta’ kwantità u li l-prodott importat kien għandu qed jibbenefika mis-sussidju.
Inizjazzjoni
(7) Il-Kummissjoni bdiet investigazzjoni bir-Regolament (KE) Nru 217/2007 (ir-Regolament ta’ inizjazzjoni) dwar l-allegata evażjoni u, skond l-Artikoli 23(2) u 24(5) tar-Regolament bażiku kontra s-sussidji, qalet lill-awtoritajiet tad-dwana biex jirreġistraw l-importazzjonijiet tal-prodott investigat, li huma vireg tal-grafita artifiċjali ta’ dijametru ta’ 75 mm jew aktar li joriġinaw fl-Indja, li jaqgħu taħt il-kodiċi NM ex38011000 (kodiċi TARIC 3801100010), sa mit-2 ta’ Marzu 2007.
Investigazzjoni
(8) Il-Kummissjoni għarrfet lill-awtoritajiet ta’ l-Indja dwar il-bidu ta’ l-investigazzjoni. Intbagħtu kwestjonarji lill-produtturi esportaturi fl-Indja kif ukoll lill-importaturi fil-Komunità li ssemmew fit-talba jew li l-Kummissjoni taf dwarhom mill-investigazzjoni ta’ qabel. Il-partijiet interessati ngħataw l-opportunità li jressqu l-opinjonijiet tagħhom bil-miktub u li jitolbu smigħ fiż-żmien stipulat fir-Regolament ta’ inizjazzjoni.
(9) Żewġ produtturi esportaturi fl-Indja bagħtu t-tweġibiet għall-kwestjonarju. Waslet ukoll tweġiba minn importatur fil-Komunità.
(10) Il-Kummissjoni wettqet investigazzonijiet fil-bini tal-kumpaniji li ġejjin:
Graphite India Limited, Durgapur and Bangalore, l-Indja (GIL)
Graphite COVA GmbH, Rothenbach, il-Ġermanja (COVA)
Perjodu ta’ investigazzjoni
(11) Il-perjodu ta’ investigazzjoni kien mill-1 ta’ Jannar 2006 sal-31 ta’ Diċembru 2006.
RIŻULTATI TA’ L-INVESTIGAZZJONI Kunsiderazzjonijiet ġenerali/livell ta’ kooperazzjoni
(12) Żewġ produtturi esportaturi tal-prodott ikkonċernat u l-prodott investigat ikkooperaw fl-investigazzjoni. It-tagħrif mogħti miż-żewġ kumpaniji jista’ jiġi rikonċiljat mad-data disponibbli dwar l-importazzjonijiet tal-prodott investigat biex juri li ż-żewġ kumpaniji, Graphite India Limited u HEG Limited, kienu l-uniċi esportaturi tal-prodott investigat lill-Komunità matul il-perjodu ta’ investigazzjoni.
Prodott ikkonċernat u prodott simili
(13) Il-prodott ikkonċernat mill-evażjoni possibbli huwa elettrodi tal-grafita tat-tip użat għall-ifran elettriċi, b’densità apparenti ta’ 1,65 g/cm3 jew aktar u b’reżistenza elettrika ta’ 6,0 μΩ.m jew anqas, li jaqa’ fi ħdan il-kodiċi NM ex85451100 (kodiċi TARIC 8545110010) u protuberanzi użati għal dawn l-elettrodi, li jaqgħu fi ħdan il-kodiċi NM ex85459090 (kodiċi TARIC 8545909010) kemm jekk importati flimkien kif ukoll separatament, li joriġinaw fl-Indja (il-prodott ikkonċernat).
(14) Il-prodott investigat huwa vireg tal-grafita artifiċjali ta’ dijametru ta’ 75 mm jew aktar li joriġina fl-Indja, li normalment jaqa’ taħt il-kodiċi NM ex38011000 (kodiċi TARIC 3801100010) (il-prodott investigat). Il-prodott investigat huwa prodott intermedjarju fil-manifattura tal-prodott ikkonċernat, u diġà jinkorpora l-karatteristiċi bażiċi ta’ dan il-prodott ta’ l-aħħar.
Il-bidla fix-xejra tal-kummerċ
(15) Skond data ta’ l-Eurostat, importazzjonijiet taħt il-kodiċi NM 85451100 u 85459090 mill-Indja naqsu minn 11,866 MT fl-2004 għal 3,244 MT fl-2006. Matul l-istess żmien, importazzjonijiet taħt l-kodiċi NM 38011000 żdiedu minn 1,348 MT fl-2004 għal 10,289 MT fl-2006.
(16) Kif intqal fil-premessa 3 hawn fuq, il-bidla fix-xejra tal-kummerċ ġiet allegata li bdiet mis-sostituzzjoni ta’ importazzjonijiet ta’ sistemi ta’ elettrodu tal-grafita lesti għal vireg tal-grafita artifiċjali prodotti fl-Indja.
(17) Madankollu, wara li saret spezzjoni tal-kumpanija relatata fil-Ġermanja, Graphite COVA, ħareġ ċar li l-parti ta’ l-importazzjonijiet mill-Indja dikjarati bħala grafita artifiċjali kienu importazzjonijiet ta’ elettrodi maħduma mill-ġdid f’forma ta’ vireg tal-karbonju li kienu għadhom m’għaddewx mill-proċess ta’ grafitizzazzjoni. Dawn l-elettrodi maħduma mill-ġdid ġew grafitizzati u maħduma bil-magni fil-Ġermanja qabel ma reġgħu nbiegħu.
(18) Il-bidla fix-xejra tal-kummerċ deskritta mill-applikant hija kkonfermata mid-data disponibbli, dan sakemm l-importazzjonijiet taħt il-kodiċi NM 85451100 u 85459090 dehru li kienu qed jiġu parzjalment mibdula b’żieda fl-importazzjonijiet taħt il-kodiċi NM 38011000.
(19) Din iż-żieda kienet essenzjalment importazzjonijiet ta’ vireg tal-karbonju maħsuba għall-manifattura ta’ elettrodi b’dijametru ta’ 600 mm jew aktar, u vireg tal-grafita artifiċjali għall-manifattura ta’ protuberanzi ta’ l-elettrodi, impurtati minn COVA minn GIL, il-kumpanija ġenitur tagħha fl-Indja.
(20) Fir-rigward ta’ HEG, instab li ma seħħet l-ebda bidla fix-xejra tal-kummerċ.
Kawża adegwata jew ġustifikazzjoni ekonomika insuffiċjenti
(21) Is-servizzi tal-Kummissjoni eżaminaw jekk, kif allegat, il-kisba ta’ COVA minn GIL fl-2004, u l-ħsara sussegwenti għax-xejra tal-kummerċ, għandhiex tiġi meqjusa bħala waħda b’ġustifikazzjoni ekonomika għajr għad-dazju impost fl-2004.
(22) B’mod partikolari, ġew eżaminati l-aspetti li ġejjin:
in-natura ta’ l-attivitajiet tal-manifattura mwettqa minn COVA qabel u wara li saret parti minn GIL,
l-ammont ta’ l-investiment minn GIL f’COVA, u l-volum ġenerali ta’ negozju, f’elettrodi u prodotti oħrajn,
ir-restrizzjonijiet tekniċi u storiċi ta’ COVA fir-rigward tal-produzzjoni ta’ elettrodi u protuberanzi ta’ dijametru kbir,
ir-restrizzjonijiet ta’ kapaċità ta’ COVA fl-istadji varji tal-produzzjoni,
id-differenzi fl-ispejjeż ġenerali ta’ ħaddiema, enerġija u manifattura, fl-istadji varji tal-produzzjoni, bejn COVA u GIL, kif ukoll
il-vantaġġi tekniċi u ta’ tqegħid fis-suq meta l-elettrodi u l-protuberanzi ta’ l-elettrodi jitlestew fil-Ġermanja minflok fl-Indja.
(23) Wara l-eżaminazzjoni ta’ dawn il-punti fil-produtturi Ġermaniżi kif ukoll dawk Indjani, instab li:
Numru ta’ raġunijiet, f’termini ta’ restrizzjonijiet ta’ kapaċità u tekniċi, jispjegaw li COVA s’issa għadha ma ħaditx il-produzzjoni kollha ta’ protuberanzi u elettrodi ta’ dijametru kbir. B’mod partikolari, fil-passat COVA ma pproduċietx elettrodi ta’ dijametru kbir, li kienu jiġu assenjati lil entitajiet esterni minn produtturi oħrajn. Barra minn hekk, il-protuberanzi ta’ l-elettrodi kienu jiġu prodotti fi pjanta li m’għadiex tal-grupp. Għalhekk huwa loġiku li issa COVA għandha takkwista dawn il-materjali mill-kumpanija ġenitur tagħha GIL.
Id-differenza fl-ispiża totali tal-manifattura bejn il-Ġermanja u l-Indja mhux sinifikanti ħafna, u l-vantaġġ ta’ spiża żgħir tal-manifattura tal-prodott kollu fl-Indja jingħeleb minn vantaġġi oħrajn, bħal li l-prodotti jitlestew il-Ġermanja u jinbiegħu taħt il-marka COVA, u li l-firxa kollha tal-prodott tista’ tiġi offerta għall-bejgħ u mibgħuta mis-sit fil-Ġermanja.
Huwa allegat li l-bejgħ ta’ COVA minn GIL kien motivat biss mill-impożizzjoni tal-miżuri. Mandakollu, l-ammont ta’ investiment minn GIL f’COVA tant huwa kbir li huwa improbabbli li d-dazji potenzjali li jridu jitħallsu fuq dawk l-importazzjonijiet hija l-ġustifikazzjoni ewlenija għal investiment tali.
(24) Għalhekk, ġie konkluż li kien hemm raġunijiet ekonomiċi raġonevoli oħrajn, minbarra l-impożizzjoni ta’ dazji fuq importazzjonijiet ta’ ċerti sistemi ta’ elettrodu tal-grafita li joriġinaw fl-Indja, għall-bidla fix-xejra tal-kummerċ imsemmija fil-premessa 3 hawn fuq.
WAQFIEN
(25) Kawża tas-sejbiet imsemmija fil-premessa 24, jidher li huwa xieraq li l-investigazzjoni kontra l-evażjoni attwali titwaqqaf. Ir-reġistrazzjoni ta’ l-importazzjonijiet ta’ ċerti sistemi ta’ elettrodu tal-grafita li joriġinaw fl-Indja introdotti mir-Regolament ta’ inizjazzjoni għandha għalhekk titwaqqaf u dak ir-Regolament għandu jiġi revokat.
(26) Il-partijiet interessati ġew mgħarrfa bil-fatti u l-konsiderazzjonijiet essenzjali li fuqhom il-Kummissjoni kellha l-ħsieb li ttemm l-investigazzjoni u ngħataw l-opportunità li jikkummentaw. Il-kummenti li waslu ma kinux ta’ natura li tbiddel il-konklużjonijiet t’hawn fuq.
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1 L-investigazzjoni mibdija mir-Regolament (KE) Nru 217/2007 dwar evażjoni possibbli ta’ miżuri ta’ kontrobilanċ imposti fuq importazzjonijiet ta’ ċerti sistemi ta’ elettrodu tal-grafita li joriġinaw fl-Indja minn importazzjonijiet ta’ ċerti grafita artifiċjali li toriġina fl-Indja hija b’dan terminata.
Artikolu 2 L-awtoritajiet doganali huma b’dan mitluba biex iwaqqfu r-reġistrazzjoni ta’ l-importazzjonijiet stabbiliti skond l-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 217/2007.
Artikolu 3 Ir-Regolament (KE) Nru 217/2007 huwa b’dan revokat.
Artikolu 4 Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha. Magħmul fi Brussell, 19 ta’ Ottubru 2007. Għall-Kummissjoni Peter Mandelson Membru tal-Kummissjoni