Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1517/2007 tad-19 ta’ Diċembru 2007 li jemenda l-Anness III għar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2092/91 rigward id-deroga relatata mal-firda bejn il-linji tal-produzzjoni ta' l-għalf organiku u ta' dak mhux organiku
Grade B
mapped from publisher markup. A grade says how a document's structure was obtained, not how reliable the law is.
Address https://gelex.eu/eli/EU/act/2007/1517@2007-12-19/mt
Contents
IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,
Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2092/91 ta’ l-24 ta’ Ġunju 1991 dwar il-produzzjoni organika ta' prodotti agrikoli u l-indikazzjonijiet li jirreferu għalihom fil-prodotti agrikoli u fl-oġġetti ta' l-ikel u b’mod partikolari t-tieni inċiż ta’ l-Artikolu 13 tiegħu,
Billi:
(1) It-tieni paragrafu tal-punt 3 tal-Parti E ta' l-Anness III għar-Regolament (KEE) Nru 2092/91 jipprovdi għal deroga mill-obbligu li t-tagħmir kollu li jintuża fit-taqsimiet li jippreparaw materjal kompost ta' l-għalf kopert bir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2092/91 ikun għal kollox separat mit-tagħmir li jintuża fit-taqsimiet li jippreparaw materjal kompost ta' l-għalf mhux kopert b'dak ir-Regolament. Din id-deroga tiskadi fil-31 ta' Diċembru 2007.
(2) L-esperjenza turi li l-operaturi jagħmlu applikazzjoni wiesgħa ta' din id-deroga. L-użu ta' l-istess linja ta' produzzjoni għall-materjal ta' l-għalf organiku u fi żmienijiet separati, għal dak mhux organiku, tirrikjedi l-applikazzjoni ta' miżuri ta' tindif adegwati biex jiggarantixxu l-integrità tal-produzzjoni ta' l-għalf organiku. Ġiet provduta evidenza li miżuri ta' dan it-tip, meta jkunu applikati rigorożament taħt kontroll strett, jistgħu jkunu effikaċi.
(3) L-Artikolu 18 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 tat-28 ta' Ġunju 2007 dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta' prodotti organiċi u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 2092/91 jipprovdi li l-produzzjoni ta' għalf organiku għandha tinżamm separata fiż-żmien jew spazju mill-produzzjoni ta' għalf mhux organiku.
(4) Għaldaqstant huwa f'loku li d-deroga tiġi estiża sakemm ir-Regolament (KE) Nru 834/2007 jibda japplika mill-1 ta' Jannar 2009.
(5) Ir-Regolament (KEE) Nru 2092/91 għandu għaldaqstant jiġi emendat skond dan.
(6) Il-miżuri pprovduti b'dan ir-Regolament huma skond l-opinjoni tal-Kumitat imwaqqaf skond l-Artikolu 14 tar-Regolament (KEE) Nru 2092/91,
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1 Fil-Parti E ta' l-Anness III għar-Regolament (KEE) Nru 2092/91, fit-tieni paragrafu tal-punt 3, id-data il-31 ta' Diċembru 2007 għandha tinbidel bid-data il-31 ta' Diċembru 2008.
Artikolu 2 Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba' jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha. Magħmul fi Brussell, 19 ta’ Diċembru 2007. Għall-Kummissjoni Mariann Fischer Boel Membru tal-Kummissjoni