Deċiżjoni tal-Kunsill tat-30 ta’ Jannar 2007 li tabroga d-Deċiżjoni 2003/487/KE dwar l-eżistenza ta’ defiċit eċċessiv fi Franza (2007/154/KE)
Grade B
mapped from publisher markup. A grade says how a document's structure was obtained, not how reliable the law is.
Address https://gelex.eu/eli/EU/act/2007/154@2007-03-08/mt
Contents
IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 104(12) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni,
Billi:
(1) Permezz tad-Deċiżjoni 2003/487/KE, wara rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni skond l-Artikolu 104(6) tat-Trattat, kien deċiż li kien jeżisti defiċit eċċessiv fi Franza. Il-Kunsill innota li d-defiċit ġenerali tal-gvern kien ta’ 3,1 % tal-PGD fl-2002, ‘il fuq mill-valur ta’ referenza tat-Trattat ta’ 3 % tal-PGD, u pproġettat kemm mill-awtoritajiet Franċiżi kif ukoll mis-servizzi tal-Kummissjoni li jkun ‘il fuq minn 3 % fl-2003, filwaqt li d-dejn gross ġenerali tal-gvern kien ta’ 58,2 % tal-PGD, u x’aktarx kien ser jikser il-valur ta’ referenza tat-Trattat ta’ 60 % fl-2003.
(2) Fit-3 ta’ Ġunju 2003, skond l-Artikolu 104(7) tat-Trattat u l-Artikolu 3(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar li titħaffef u tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ defiċit eċċessiv (PDE), il-Kunsill għamel Rakkomandazzjoni, ibbażata fuq rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni, indirizzata lil Franza bil-ħsieb li tintemm is-sitwazzjoni ta’ defiċit eċċessiv sa l-2004. Ir-rakkomandazzjoni saret pubblika.
(3) F’Ottubru 2003, il-Kummissjoni qieset li l-miżuri li ħadet Franza kienu insuffiċjenti biex ir-Rakkomandazzjoni tat-3 ta’ Ġunju 2003 tkun segwita u rrakkomandat li titħaffef il-proċedura ta’ defiċit eċċessiv. Minflok, fil-25 ta’ Novembru 2003, il-Kunsill adotta konklużjonijiet li jindirizzaw rakkomandazzjonijiet lil Franza biex tikkoreġi d-defiċit sa l-2005, li kienu annullati mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej fit-13 ta’ Lulju 2004. Fl-14 ta’ Diċembru 2004, il-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni lill-Kunsill li kkonkludiet li s-sena 2005 għandha titqies bħala l-iskadenza rilevanti għall-korrezzjoni. Hi kkonkludiet ukoll li l-azzjonijiet li ħadet Franza sa dak iż-żmien kienu b’mod ġenerali konsistenti ma’ korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv sa l-2005, ibbażata fuq aġġustament f’termini aġġustati ċiklikament ta’ xi 1 % tal-PGD fuq l-2004 u l-2005. Fit-18 ta’ Jannar 2005, il-Kunsill qabel ma’ din il-fehma.
(4) Skond l-Artikolu 104(12) tat-Trattat, deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-eżistenza ta’ defiċit eċċessiv għandha tiġi abrogata, meta, fil-fehma tal-Kunsill, id-defiċit eċċessiv fl-Istat Membru konċernat ikun ġie korrett.
(5) Skond il-Protokoll dwar il-proċedura ta’ defiċit eċċessiv anness mat-Trattat, il-Kummissjoni tipprovdi d-data għall-implimentazzjoni tal-proċedura. Bħala parti mill-applikazzjoni ta’ dan il-Protokoll, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw id-data dwar id-defiċit u d-dejn tal-gvern u varjabbli assoċjati oħrajn darbtejn fis-sena, jiġifieri qabel l-1 ta’ April u qabel l-1 ta’ Ottubru, b’mod konformi ma’ l-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3605/93 tat-22 ta’ Novembru 1993 dwar l-applikazzjoni tal-Protokoll dwar il-proċedura ta’ l-iżbilanċ eċċessiv mehmuża mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea.
(6) Abbażi tad-data pprovduta mill-Kummissjoni (Eurostat) skond l-Artikolu 8 g(1) tar-Regolament (KE) Nru 3605/93 wara n-notifika minn Franza qabel l-1 ta’ Ottubru 2006 u tal-previżjoni tas-servizzi tal-Kummissjoni tal-Ħarifa 2006, huma kunsilljabbli l-konklużjonijiet li ġejjin:
id-defiċit ġenerali tal-gvern, wara li żdied minn 3,2 % tal-PGD fl-2002 għal 4,2 % tal-PGD fl-2003, tnaqqas għal 3,7 % tal-PGD fl-2004 u ulterjorment għal 2,9 % tal-PGD fl-2005, li hu taħt il-valur ta’ referenza tad-defiċit ta’ 3 % tal-PGD;
matul il-perijodu 2004-2005, l-aġġustament strutturali (jiġifieri t-titjib fil-bilanċ ċiklikament aġġustat mingħajr miżura ta’ darba biss u miżuri temporanji oħrajn) laħaq punt perċentwali 1 tal-PGD: 0,4 % fl-2004 u 0,6 % fl-2005. Tabilħaqq, għalkemm it-tnaqqis tad-defiċit nominali fl-2005 taħt il-valur ta’ referenza tat-Trattat ta’ 3 % bbenefika minn dħul sostanzjali ta’ darba biss u dħul minn taxxi aktar milli mistenni, it-tnaqqis tad-defiċit seħħ ukoll minħabba kontroll aħjar tan-nefqa fil-livelli ta’ l-Istat u tas-settur tal-kura tas-saħħa. B’mod partikolari, iż-żieda annwali fl-infiq fis-settur tal-kura tas-saħħa ġiet imnaqqsa b’mod drastiku meta mqabbla mas-snin preċedenti peress li l-miżuri deċiżi bħala parti mir-riforma fil-kura tas-saħħa ta’ l-2004 qed jagħtu frott;
għas-sena 2006, il-previżjoni tas-servizzi tal-Kummissjoni tal-Ħarifa 2006 tipproġetta tnaqqis ulterjuri tad-defiċit għal 2,7 % tal-PGD, aħjar mill-mira stabbilita fl-aġġornament ta’ Jannar 2006 dwar il-programm ta’ stabbiltà (2,9 %). Hu mistenni li t-tnaqqis fit-defiċit ser iseħħ minħabba tnaqqis ulterjuri fir-rata taż-żieda fin-nefqa annwali fis-settur tal-kura tas-saħħa u l-kontroll kontinwu tan-nefqa fil-livell ta’ Stat li mistennija tilħaq il-mira tagħha ta’ ebda żieda fin-nefqa f’termini ta’ volum. Ir-rikors għal miżuri ta’ darba biss ser ikun limitat għal 1/4 % tal-PGD. Il-previżjoni tal-Ħarifa tipproġetta għall-2007 tnaqqis ulterjuri tad-defiċit għal 2,6 % tal-PGD (b’rikors għal miżuri ta’ darba biss limitat għal 0,05 % tal-PGD) u 2,2 % tal-PGD fl-2008 (fuq bażi ta’ ebda tibdil ta’ politika u mingħajr miżuri ta’ darba biss). Dan jindika li l-proporzjon tad-defiċit għall-PGD tniżżel għal inqas minn 3 % tal-limitu tal-PGD b’mod kredibbli u sostenibbli. It-titjib fil-bilanċ strutturali (il-bilanċ ċiklikament aġġustat mingħajr miżuri ta’ darba biss) hu stmat li huwa 0,5 %, 0,3 % u 0,6 % tal-PGD fl-2006, l-2007 u l-2008, rispettivament. Dan irid jitqies ukoll f’relazzjoni mal-progress meħtieġ fir-rigward ta’ l-objettiv għall-perijodu medju (OPM) ta’ pożizzjoni strutturali bbilanċjata kif stabbilit mill-awtoritajiet Franċiżi;
wara li żdied minn 58,2 % tal-PGD fl-2002 għal 66,6 % tal-PGD fl-2005, bil-ksur tal-valur ta’ referenza tat-Trattat ta’ 60 % tal-PGD fl-2003, il-proporzjoni tad-dejn għall-PGD naqas għal 65,4 % tal-PGD fit-tieni kwart tas-sena 2006. Skond il-previżjoni tas-servizzi tal-Kummissjoni tal-Ħarifa 2006, id-dejn gross ġenerali tal-gvern mistenni jonqos ulterjorment għal 64,7 % tal-PGD fl-2006 u għal madwar 63 % tal-PGD sa l-2008 (fuq bażi ta’ ebda tibdil ta’ politika).
(7) Fil-fehma tal-Kunsill id-defiċit eċċessiv fi Franza ġie kkoreġut u għalhekk id-Deċiżjoni 2003/487/KE għandha għalhekk tiġi abrogata.
ADOTTA DIN ID-DECIZJONI:
Artikolu 1 Minn valutazzjoni ġenerali jsegwi li s-sitwazzjoni ta’ defiċit eċċessiv fi Franza ġiet ikkoreġuta.
Artikolu 2 Id-Deċiżjoni 2003/487/KE hija b’dan abrogata.
Artikolu 3 Din id-Deċiżjoni hi indirizzata lir-Repubblika Franċiża.
Magħmul fi Brussell, 30 ta’ Jannar 2007. Għall-Kunsill Il-President P. Steinbrück