Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta’ Diċembru 2006 dwar l-għajnuna statali li l-Ġermanja beħsiebha tagħti C 6/2006 (ex N 417/2005) lil Volkswerft Stralsund (notifikata taħt id-dokument numru C(2006) 5790) (Il-verżjoni bil-Ġermaniż biss hija awtentika) (Test b’relevanza għaż-ŻEE) (2007/402/KE)
Grade B
mapped from publisher markup. A grade says how a document's structure was obtained, not how reliable the law is.
Address https://gelex.eu/eli/EU/act/2007/402@2006-12-06/mt
Contents
IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ
Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 88(2)(1) tiegħu,
Wara li kkunsidrat il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, b’mod partikolari l-Artikolu 62 (1)(a),
Wara li l-partijiet interessati ġew mistiedna jressqu l-kummenti tagħhom skond dak l-Artikolu, u wara li ġew ikkunsidrati dawk il-kummenti,
Billi: IL-PROĊESS
(1) Permezz ta’ notifika tat-22 ta’ Awwissu 2005, u li ġiet reġistrata fis-26 ta’ Awwissu, il-Ġermanja għarrfet bl-intenzjoni tagħha li tagħti għajnuna reġjonali għall-investiment lil Volkswerft Stralsund. Il-Kummissjoni, permezz ta’ komunikazzjoni fit-13 ta’ Settembru 2005 talbet informazzjoni, liema informazzjoni l-Ġermanja bagħtet permezz ta’ komunikazzjoni fl-14 ta’ Ottubru 2005, u li ġiet irreġistrata fis-17 ta’ Ottubru 2005. Il-Kummissjoni, permezz ta’ komunikazzjoni fit-18 ta’ Novembru 2005 talbet għal aktar informazzjoni, liema informazzjoni l-Ġermanja bagħtet permezz ta’ komunikazzjoni fid-19 ta’ Diċembru 2005, u li ġiet irreġistrata fl-20 ta’ Diċembru 2005.
(2) Fit-22 ta’ Frar 2006 il-Kummissjoni bdiet il-proċess ta’ evalwazzjoni dwar din l-għajnuna statali proposta. Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni biex tibda l-proċess formali ta’ evalwazzjoni ġiet imħabbra fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea. Il-Kummissjoni talbet lil dawk kollha kkonċernati biex jesprimu ruħhom dwar din l-għajnuna statali. B’komunikazzjoni fl-10 ta’ Mejju 2006, reġistrata fil-11 ta’ Mejju 2006, il-benefiċjarja, il-Volkswerft Stralsund, ippreżentat il-pożizzjoni tagħha. Fil-11 ta’ Mejju 2006, daħlet komunikazzjoni, li kienet irreġistrata dakinhar stess, li kien fiha l-pożizzjoni ta’ l-Assoċjazzjoni tal-Bennejja tal-Vapuri u tat-Tekniċi Marittimi, kif ukoll daħlet il-pożizzjoni tad-Danske Maritime, l-assoċjazzjoni Daniża ta’ l-industrija marittima.
(3) Dawn il-pożizzjonijiet ġew komunikati lill-awtoritajiet Ġermaniżi permezz ta’ komunika fit-12 ta’ Mejju 2006 u fid-19 ta’ Mejju 2006. Ir-risposta tal-Ġermanja għal dawn il-pożizzjonijiet ġiet komunikata u rreġistrata fit-2 ta’ Ġunju.
(4) Ir-risposta tal-Ġermanja dwar it-tnedija tal-proċess formali ta’ evalwazzjoni ngħatat permezz ta’ komunika tas-7 ta’ April 2006, irreġistrata dakinhar stess. Il-Kummissjoni, permezz ta’ komunikazzjoni fis-26 ta’ Lulju 2006, talbet għal aktar informazzjoni, liema informazzjoni l-Ġermanja bagħtet permezz ta’ komunikazzjoni fit-22 ta’ Awwissu 2006, irreġistrata fit-23 ta’ Awwissu.
DESKRIZZJONI
(5) Il-benefiċjarja ta’ l-għajnuna hija l-Volkswerft Stralsund GmbH (minn issa ‘l quddiem il-VWS), li għandha s-sede tagħha fl-Istat ta’ Mecklenburg-Vorpommern (il-Ġermanja), reġjun li jinħtieġ għajnuna partikolari skond l-Artikolu 87 (3)(a) tat-Trattat tal-KE. Is-sid tal-VWS huwa l-Grupp A.P. Möller, tad-Danimarka, u hija parti mill-grupp ta’ tarznari taħt it-tmexxija tal-Odense Steel Shipyard Ltd. Il-VWS hija impriża kbira u ma tistax titqies bħala impriża żgħira jew ta’ daqs medju skond ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE tas-6 ta’ Mejju 2003 dwar l-SMEs u l-impriżi ż-żgħar.
(6) Il-ħidma tat-tarzna tikkonsisti fl-iżvilupp u fil-bini ta’ bastimenti għat-tbaħħir kif ukoll fit-tiswija tal-vapuri u l-konverżjoni tagħhom. Il-VWS tibni fuq kollox vapuri tat-tagħbija ta’ daqs medju, iżda anki vapuri tal-passiġġieri, vapuri għall-ġarr tal-karozzi kif ukoll vapuri għal użu partikolari bħal ma huma dawk għat-tħammil, dawk li jqiegħdu l-cables, anchor handling tug supply vessels, kif ukoll vapuri użati f’ħidmiet kontra materjal perikoluż. It-tarzna hija mgħammra għal vapuri li jkollhom tul sa 260 m.
(7) Il-preparazzjoni ta’ l-elementi partikolari sad-daqs ta’ sezzjoni mill-vapur issir f’linji ta’ muntaġġ speċjalizzati. Il-bini finali jsir wara ħidma ta’ protezzjoni mill-elementi kif ukoll wara x-xogħol taż-żebgħa fil-workshop tal-bini tal-vapuri li fih jistgħu jinbnew vapuri li jkollhom tul massimu ta’ 300 m. Il-vapuri jitqiegħdu fil-baħar bil-għajnuna ta’ lift speċjali li għandu tul ta’ 230 m. Dan il-lift jillimita t-tul ta’ vapuri li jistgħu jinbnew fil-VWS għal massimu ta’ 260 m.
(8) Il-VWS għandha l-intenzjoni li timmodernizza u tirrazzjonalizza l-produzzjoni tagħha kif ukoll li taġġusta ruħha għad-domanda internazzjonali sabiex tkun tista’ tibqa’ kompetittiva fis-suq internazzjonali. Il-VWS qed tassumi li l-kundizzjonijiet tas-suq għal vapuri tal-merkanzija għandhom jibqgħu sostenibbli għal aktar snin, u qed tassumi li d-domanda għal vapuri tal-klassi Panamax se tkompli tikber, vapuri li bħalissa l-VWS ma tistax tibni b’mod kompetittiv. Il-vapuri Panamax huma l-akbar vapuri li jistgħu jgħaddu mill-Kanal tal-Panama, jiġifieri vapuri li ma jkunux itwal minn 300 m, u wiesa’ mhux aktar minn 32,2 m.
(9) Biex il-produttività tat-tarzna titkabbar, u biex ikunu jistgħu jinbnew vapuri akbar il-VWS fil-preżent għandha l-intenzjoni li tagħmel investiment. Il-pjan ta’ investiment ikun jista’ jippermetti lill-VWS biex tikkompeti fis-settur tal-vapuri Panamax u b’hekk ikun jista’ jikber il-fatturat tat-tarzna. Il-VWS tassumi li dan iwassal għal utilizzazzjoni bilanċjata tal-mezzi ta’ l-impjani ta’ produzzjoni li għandha bħalissa kif ukoll għal tnaqqis ta’ l-ispejjeż tal-produzzjoni għal kull vapur, hekk kif il-produttività tat-tarzna tiżdied.
(10) L-investimenti fuq naħa jaffettwaw il-mod kif jinħadem l-azzar (bini tal-pannelli u tas-sezzjonijiet, protezzjoni) biex b’hekk ikunu jistgħu jinbnew u jinħadmu sezzjonijiet ta’ l-azzar akbar u min-naħa l-oħra l-lift tal-vapuri jkun jista’ jittawwal b’40 m biex b’hekk ikunu jistgħu jintrefgħu vapuri akbar.
(11) Fejn jidħol il-bini ta’ pannelli u sezzjonijiet għandha tinbena linja ta’ muntaġġ ġdida f’sala li teżisti għal bini ta’ pannelli u sezzjonijiet għal tipi akbar ta’ vapuri. Fuq is-slipway għandhom jinbnew ukoll erba’ postazzjonijiet addizzjonali biex ikunu jistgħu jiġu mmuntati sezzjonijiet akbar. Fit-taqsima tal-protezzjoni l-iskop ta’ l-investiment huwa t-tkabbir ta’ tnejn mill-erba’ postijiet fejn hemm l-impjanti għall-protezzjoni, biex ikunu jistgħu jitqiegħdu sezzjonijiet akbar. Il-possibbiltà li jkunu jistgħu jiġu mmuntati u maħduma strutturi ta’ l-azzar akbar hija meħtieġa kemm min-naħa ekonomika kif ukoll teknika biex ikunu jistgħu jinbnew vapuri akbar peress li l-immuntar finali ta’ vapuri akbar minn sezzjonijiet iżgħar ma kienx effiċjenti. Bis-saħħa taż-żieda fit-tul, il-kapaċità tal-lift tal-vapuri għandha tiġi tikkorrispondi mal-kapaċità tal-workshop għall-bini tal-vapuri.
(12) Wara li jitlesta l-pjan ta’ investiment, il-produttività tal-VWS skond l-informazzjoni mogħtija mill-Ġermanja għandha titla’ minn […] tunellata azzar kull 1000 siegħa xogħol kif kienet fis-sena 2005 għal […] tunellata azzar kull 1000 siegħa xogħol. Il-kapaċità tat-tarzna mkejla f’CGT (compensated gross tonnage) mhix se tiżdied b’dan il-pjan ta’ investiment. Li se jiġri hu li l-produzzjoni ċentrali se tiċċaqlaq minn vapuri tal-containers ta’ daqs medju għal vapuri tal-containers kbar. Il-kapaċità għax-xogħol ta’ l-azzar tat-tarzna se titla’ minn 56000 tunellata fis-sena kif kienet fl-2005 għal 64000 tunellata fis-sena, wara li jkun twettaq il-pjan ta’ investiment.
(13) Il-pjan għandu jinbeda fil-bidu ta’ l-2005 u jkun lest sat-28 ta’ Frar 2006. Għandhom jinħolqu 207 postijiet ġodda tax-xogħol.
(14) Il-pjan ta’ investiment se jkun jinvolvi t-tnaqqis fil-livell ta’ l-integrazzjoni vertikali tat-tarzna. Sa tmiem is-sena 2007, l-outsourcing għandu jiżdied minn 17 % tax-xogħol kollu fis-sena 2005 għal 28 % sa tmiem is-sena 2007. Wieħed jistenna li b’aktar outsourcing fir-reġjun ta’ Stralsund ikunu jistgħu jinħolqu 400 post tax-xogħol ġdid.
(15) L-ispejjeż totali ta’ l-investiment ippjanat jistgħu jitilgħu għal madwar it-18669000 EUR li jikkorrispondu ma’ l-ispejjeż eliġibbli. Dawn l-ispejjeż jinqasmu hekk: EUR Il-lift għall-vapuri 10512000 Il-bini ta’ pannelli u sezzjonijiet 3910000 Il-protezzjoni 4247000 Total 18669000
(16) Il-Ġermanja għandha l-intenzjoni li tagħti għajnuna statali ta’ 4200500 EUR, li hija 22,5 % tat-18669000 EUR li huma l-ispejjeż eliġibbli għall-investiment. L-għajnuna se tingħata fuq il-bażi ta’ żewġ regolamenti reġjonali approvati. It-talba għall-għoti ta’ l-għajnuna kienet saret qabel ma nbeda l-investiment.
RAĠUNIJIET BIEX TINFETAĦ IL-PROĊEDURA FORMALI TA’ INVESTIGAZZJONI
(17) Il-proċess formali ta’ investigazzjoni tnieda peress li l-Kummissjoni kellha d-dubji dwar kemm l-għajnuna hija kompatibbli mas-Suq Uniku. Il-Kummissjoni kienet imħassba li l-investiment fil-bini tal-pannelli u tas-sezzjonijiet jista’ jitqies sempliċement bħala investiment għat-titjib fil-produttività ta’ l-impjant eżistenti. Barra minn dan, il-Kummissjoni kellha wkoll dubji, dwar kemm l-investiment fl-impjanti tal-protezzjoni u ż-żieda fit-tul tal-lift tal-vapuri huwa investiment eliġibbli li għandu l-iskop li tiżdied il-produttività ta’ dawn l-impjanti.
(18) Barra minn dan, il-Kummissjoni kellha wkoll għax taħseb li l-investiment tal-VWS kien se jwassal għal twessigħ tal-kapaċità ta’ ħidma li mhix konformi mal-kundizzjonijiet ta’ qafas għal għajnuniet għall-bini tal-vapuri u mas-Suq Uniku.
IL-POŻIZZJONI TA’ DAWK INVOLUTI
(19) Il-Kummissjoni waslulha l-pożizzjonijiet tal-benefiċjarja, kif ukoll ta’ l-Assoċjazzjoni Ġermaniża tal-Bini tal-Vapuri u ta’ l-Industrija Marittima, kif ukoll dik ta’ l-Assoċjazzjoni Daniża ta’ l-Industrija Marittima.
Il-pożizzjoni tal-benefiċjarja (il-VWS)
(20) Il-VWS tisħaq fl-istqarrija tagħha li l-iskop tal-pjan ta’ investiment huwa ż-żieda fil-produttività u t-tkabbir fil-faċilitajiet ta’ muntaġġ li diġà jeżistu. Għat-tul, iż-żieda fil-kapaċità ta’ din it-tarzna mhix l-iskop tal-pjan ta’ investiment u lanqas it-twettiq tal-pjan ma jkollu dan l-effett. Il-pjan ta’ investiment huwa pjuttost strateġija ta’ innovazzjoni fil-prodott kif qed tirsisti għaliha l-VWS kif ukoll mod kif tidħol fin-niċċa tal-vapuri Panamax. Il-VWS iġġib l-argument li s-suq tal-vapuri li jkollhom kapaċità ta’ ġarr ta’ bejn l-2500 u l-4999 TEU tkun għal din it-tarzna n-niċċa l-aktar xierqa peress li huwa dan is-settur li madwar id-dinja għandu l-potenzjal li jkollu l-akbar dħul, u li fl-Ewropa hemm l-anqas kompetizzjoni fih.
(21) Barra minn dan, il-VWS issostni li t-tarzna kienet diġà, bejn l-1993 u l-1998, immodifikata biex tkun tista’ tibni vapuri Panamax, ħaġa li tidher meta wieħed iqis il-kobor tal-workshop fejn jiġu mmuntati l-vapuri. Mandankollu fiż-żmien meta saret il-modifka ma kienx previdibbli li s-suq dinji jinxeħet lejn il-vapuri Panamax. Ukoll, peress li l-Bremer Vulkan – li dak iż-żmien kienet is-sid tal-VWS – diġà kellha tarznari li setgħu jibnu vapuri Panamax kienet tqis il-VWS bħala tarzna għall-bini ta’ vapuri iżgħar u kien jitqies li lift tat-tul ta’ 230 m kien biżżejjed.
(22) Il-VWS tistqarr li s-sitwazzjoni tagħha fis-suq fl-aħħar snin inbidlet minħabba diversi fatturi. Il-Bremen Vulkan m’għadhiex teżisti. Minħabba li ma kienx hemm domanda biżżejjed għall-firxa oriġinali ta’ prodotti tal-VWS, it-tarzna ffokat ir-riżorsi tagħha fuq vapuri tal-containers b’kapaċità sa 3000 TEUs kif ukoll fuq vapuri kbar speċjalizzati offshore. Id-domanda għal Bulk Carriers, vapuri tas-sajd, vapuri għall-ġarr tal-karozzi, vapuri tal-passiġġieri u tankers li kienu parti mill-firxa oriġinali ta’ prodotti tal-VWS ma baqgħetx aktar u din ma baqgħetx tipproduċihom. Il-VWS spjegat ukoll li s-suq għal vapuri iżgħar tal-containers huwa kkaratterizzat b’kompetizzjoni qawwija fil-Ġermanja u sa ċertu punt ukoll fil-Polonja, fil-waqt li vapuri tal-containers akbar tat-tip Panamax jinbnew biss fi ftit tarznari Ewropej. Il-VWS stqarret li t-tagħmir tekniku tagħha, speċjalment il-workshop ta’ l-immuntar jippermetti li jinbnew vapuri tat-tip Panamax.
(23) Biex ikunu jistgħu jinbnew vapuri Panamax fuq skala sostenibbli, madankollu, hu meħtieġ li jsir tibdil tekniku fit-tarzna. Sa issa l-VWS bniet vapuri li jistgħu jġorru bejn 2100 u 3000 TEU u li jkollhom tul ta’ bejn 197 u 237 m. Dawn il-vapuri jinbnew minn madwar 95 sa 111 parti ta’ l-azzar li kull waħda minnhom ikollha tul ta’ mill-anqas 16-il metru. Il-kobor ta’ dawn is-sezzjonijiet huwa limitat minħabba l-ispazju li jista’ jiġi użat fil-workshops u minħabba l-imħażen. Il-vapuri Panamax għandhom tul ta’ mill-anqas 295 m. Mingħajr tibdil fl-impjanti tekniċi dawn il-vapuri jkollhom jinbnew b’170 sezzjoni kull wieħed, ħaġa li tkun tfisser żieda fl-ispejjeż tal-produzzjoni ta’ bejn is-60 u s-70 fil-mija jekk il-kobor tas-sezzjonijiet jibqa’ l-istess. Peress li l-prezz fuq is-suq ta’ dawn il-vapuri madankollu huwa biss bejn 20 u 23 % goħla, il-VWS ikollha żżid il-produttività tagħha biex dawn il-vapuri jkunu jistgħu jinbnew b’mod ekonomikament vijabbli. Minn dan jidher li l-investiment biex jitkabbru żewġ workshops li diġà jeżistu, użati għax-xogħol ta’ protezzjoni u biex jitkabbar il-post għall-immuntar ma jistax jiġi evitat, biex ikunu jistgħu jinħadmu sezzjonijiet li jkollhom tul sa 32 metru.
(24) Il-VWS tirreferi wkoll għall-fatt li l-vapuri tat-tip Panamax diġà jistgħu jitqiegħdu fil-baħar permezz tal-lift li hemm bħalissa ta’ tul ta’ 230 m. Dik il-parti mill-vapur li tibqa’ ‘l barra mil-lift ikun jeħtieġ imbagħad li tintrefa’ permezz ta’ krejn tal-baħar. Proċess bħal dan iġib miegħu madankollu ħafna riskji differenti u joħloq spejjeż kbar.
(25) Dwar il-kapaċità tat-tarzna, il-VWS għarrfet li l-kapaċità totali tat-tarzna kif imkejla bħala CGT (compensated gross tonnage) ma kellhiex titkabbar. Fis-sena 2005 il-VWS bniet sitt vapuri tal-containers ta’ 2500 TEUs ‘il wieħed, jiġifieri b’kollox 110000 CGT. Biex isir dan kien hemm bżonn 1,725 miljun siegħa ta’ xogħol u 56000 tunellata ta’ azzar. Wara li jitlesta l-pjan ta’ investiment, it-tarzna, fis-snin 2006 u 2007 tkun tista’ tibni kull sena seba’ vapuri Panamax bl-użu ta’ 64000 tunellata azzar u 1,9 miljun siegħa xogħol. Dan ikun ifisser 108000 CGTs fis-snin 2006 u 2007. Bl-istess ammont ta’ CGT jiżdiedu s-sigħat ta’ xogħol u l-azzar maħdum b’14 % kull darba.
(26) Il-VWS tisħaq li l-kuntratti dwar il-bini ta’ Vapuri Panamax saru fis-sena 2003 hekk kif id-domanda xaqilbet minn vapuri żgħar lejn vapuri akbar tat-tip Panamax u meta din it-tendenza kienet ta’ theddida għall-vijabbiltà tat-tarzna kieku din kellha tkompli tibni biss vapuri iżgħar. Investigazzjoni li saret tas-sistemi tal-produzzjoni fit-tarzna wriet li permezz ta’ l-investiment imsemmi ikun possibbli li jinbnew vapuri akbar b’mod kompetittiv.
(27) Fin-niċċa tas-suq għal vapuri ta’ kobor bejn 2500 u 4000 TEUs (bejn 22000 u 50000 CGTs), jiġifieri n-niċċa li l-VWS se tkun fiha fil-futur, hemm biss dawn it-tarznari: it-tarzna Aker TW (HDW u Schichau Seebeck) fil-Ġermanja kif ukoll it-tarznari ta’ Gdynia u Stettin fil-Polonja.
(28) Wara l-Korea b’39,1 % u quddiem iċ-Ċina b’24,8 % it-tarznari Ewropej b’26,3 % għandhom it-tieni l-akbar sehem mis-suq f’din in-niċċa. Il-Korea u ċ-Ċina huma għalhekk l-akbar kompetituri f’din in-niċċa u ‘l quddiem għad ikunu huma li jiddeterminaw il-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni. Kieku l-VWS kellha ma tidħolx fis-suq tal-vapuri Panamax, din ikollha tibqa’ fis-suq tal-vapuri feeder, li fih teżisti kompetizzjoni qawwija fi ħdan l-Ewropa, u fl-istess ħin tintefa’ ‘l barra mis-suq tal-vapuri Panamax. Il-VWS ippreżentat fatti u figuri li jagħtu prova li s-suq qed ixaqleb lejn vapuri akbar u dwar it-tkabbir aktar mill-medja tas-suq ta’ vapuri ta’ bejn 2500 u 5000 TEUs.
Il-pożizzjoni ta’ l-assoċjazzjoni Ġermaniża tal-bini tal-vapuri u ta’ l-industrija marittima
(29) L-assoċjazzjoni Ġermaniża għall-bini tal-vapuri u l-industrija marittima (minn issa ‘l quddiem l-Assoċjazzjoni) tirrimarka li l-preokkupazzjoni tal-Kummissjoni f’dak li għandu x’jaqsam ma’ tkabbir tal-kapaċità ma tistax titqies li ġejja mill-kundizzjonijiet ta’ qafas għall-għajnuniet għall-bini tal-vapuri. Barra minn dan il-preokkupazzjonijiet mhumiex ikkonfermati mill-kundizzjonijiet tas-suq fil-preżent, u l-għajnuna ippjanata lanqas mhi se tgħawweġ il-kompetizzjoni.
(30) L-assoċjazzjoni spjegat kif l-orjentazzjoni tal-politika ta’ l-UE fil-qasam ta’ l-għajnuna mill-istat għall-bini tal-vapuri nbidlet matul is-snin. Il-kundizzjonijiet ta’ qafas għall-għajnuniet dwar il-bini tal-vapuri ma fihom l-ebda regoli li jipprojbixxu l-għoti ta’ għajnuna għall-investiment biex tkun tista’ titkabbar il-kapaċità. L-assoċjazzjoni jidhrilha li dan it-tip ta’ regoli m’għadx għadu xieraq. Barra minn dan, l-assoċjazzjoni temmen li fil-kundizzjonijiet ta’ qafas għal għajnuniet għall-bini tal-vapuri, kemm jista’ jkun tneħħew regoli li huma speċifiċi għas-settur. Il-kwistjoni tal-kapaċità tissemma biss fil-kuntest ta’ għajnuna f’każ ta’ għajnuna għaż-żarmar. Tipi oħra ta’ għajnuna, bħal per eżempju għajnuna għar-ristrutturar, jaqgħu taħt il-kundizzjonijiet ġenerali ta’ l-għajnuna mill-istat.
(31) L-assoċjazzjoni tqis ukoll, li interpretazzjoni restrittiva ta’ dawn il-kundizzjonijiet tmur kontra l-inizjattiva LeaderSHIP 2015, li tagħmel parti mill-implimentazzjoni ta’ l-istrateġija ta’ Liżbona. Il-kompetittività u l-produttività ta’ l-industrija Ewropea għandhom jitqawwew permezz ta’ investiment fir-riċerka, fl-iżvilupp u fl-innovazzjoni, ħaġa li tinkludi wkoll l-investiment fit-tagħmir tal-produzzjoni. Kieku kellu jiġri li l-għajnuniet mill-istat ma jkunux jistgħu jintrabtu ma’ tkabbir fil-kapaċità, dan ikun imur kontra l-għan ta’ l-inizjattiva LeaderSHIP 2015, speċjalment fejn jidħol l-għan li tinżamm u tiġi żviluppata l-pożizzjoni f’ċerti setturi tas-suq. Wieħed minn dawn in-niċeċ huwa s-suq għal vapuri tal-containers żgħar u ta’ daqs medju, li fihom l-Ewropa, meta mqabbla mal-Korea u ċ-Ċina, għad għandha pożizzjoni fis-suq tajba ħafna.
(32) L-assoċjazzjoni hija ta’ l-idea li l-investiment ippjanat mhux se jgħawweġ il-kompetizzjoni. Bħalissa ma hemm l-ebda kapaċità żejda, peress li s-suq dinji tal-bini tal-vapuri qiegħed jitqawwa. Id-domanda qed iżżomm fuq livell kompetittiv, anki jekk fis-snin 2008/2009 wieħed jista’ jistenna xi tnaqqis żgħir. Minħabba li l-kummerċ dinji qed jikber dejjem, qiegħed ukoll jiżdied miegħu t-traffiku marittimu. Dan jgħodd b’mod speċjali fejn tidħol it-tagħbija industrijali fuq vapuri tal-containers. Id-domanda għal dawn it-tipi ta’ vapuri għalhekk sejra tkompli tikber.
(33) L-investiment ippjanat ipoġġi lil VWS fil-pożizzjoni li tkun tista’ tibni vapuri tal-containers li jkollhom kapaċità sa 5000 TEUs. Sa issa fil-VWS kienu jistgħu jinbnew vapuri li jkollhom kapaċità li jġorru sa 3000 TEUs. Is-suq għal vapuri tal-containers b’kapaċità sa 3000 TEUs huwa kkaratterizzat minn kompetizzjoni qawwija, peress li dawn il-vapuri jinbnew mhux biss f’ħafna tarznari Ġermaniżi oħra iżda wkoll f’tarznari oħra fl-Unjoni Ewropea, speċjalment f’dawk ta’ Gdynia u Stettin fil-Polonja. Madankollu l-akbar kompetituri jibqgħu l-Korea u ċ-Ċina.
(34) Is-suq għal vapuri li jesgħu aktar minn 3000 TEUs għandu struttura differenti. Huwa minnu li xi tarznari Ġermaniżi u Pollakki huma mgħammra biex jibnu vapuri bħal dawn, iżda dan it-tip ta’ vapur tista’ tgħid jinbena biss fil-Korea u fiċ-Ċina.
(35) L-assoċjazzjoni tqis li l-potenzjal ta’ tkabbir tan-niċċa ta’ vapuri ta’ aktar minn 3000 TEUs huwa wieħed pożittiv u huwa bbażat fuq it-tkabbir kostanti fin-niċċa tal-vapuri tal-containers tat-tip Panamax f’dawn l-aħħar snin. Hija tisħaq li l-investiment tal-VWS mhux se jwassal għal xi tħarbit fil-kompetizzjoni fi ħdan l-Ewropa, peress li dan it-tip ta’ vapur bħalissa jinbena biss fil-Korea u fiċ-Ċina. Aktar minn hekk ta’ min wieħed jinnota li ċ-Ċina trid tkompli tkabbar il-kapaċità tagħha ta’ bini ta’ vapuri, kif ukoll is-sehem tagħha fis-suq, u dan juri biċ-ċar li l-kwistjoni hija dwar kompetizzjoni dinjija u mhux waħda Ewropea. Kieku kellu jonqos l-investiment fit-tarznari Ewropej, dan iġib miegħu biss vantaġġi lill-kompetituri fil-Korea u fiċ-Ċina.
Il-pożizzjoni ta’ l-Assoċjazzjoni Daniża ta’ l-Industrija Marittima
(36) L-Assoċjazzjoni Daniża ta’ l-Industrija Marittima esprimiet l-idea li l-għajnuna li qed tissemma mhix se twassal għal xi tfixkil, peress li t-tip ta’ vapuri li l-VWS tibni issa u fil-futur mhux se jidħol b’xi mod fuq il-firxa ta’ vapuri li t-tarznari Daniżi jibnu. L-Assoċjazzjoni Daniża ta’ l-Industrija Marittima tesprimi wkoll l-idea li l-għajnuna mill-istat li beħsiebha tingħata għandha bħala skop it-tisħiħ tal-kompetittività tal-VWS fis-suq ta’ vapuri tal-containers akbar. Il-kompetituri f’din in-niċċa ġdida x’aktarx li se jkunu ġejjin minn pajijżi terzi mhux Ewropej. Barra minn dan huwa fatt li teżisti tendenza lejn vapuri akbar.
(37) L-Assoċjazzjoni Daniża ta’ l-Industrija Marittima tirrimarka wkoll barra minn hekk li l-industrija tal-bini tal-vapuri f’pajjiżi mhux Ewropej tingħata ħafna sussidji. Sabiex l-industrija tal-bini tal-vapuri fl-Ewropa tkun tista’ tiflaħ il-pressjoni li ġejja mill-kompetizzjoni dejjem tiżdied, trid tagħmel investimenti f’diversi oqsma.
IL-POŻIZZJONI TAL-ĠERMANJA
(38) Fil-pożizzjoni tagħha dwar it-tnedija tal-proċess formali ta’ investigazzjoni, il-Ġermanja rreferiet għall-fatt li l-artikolu 26 tal-kundizzjonijiet ta’ qafas għall-għajnuna lill-bini tal-vapuri ma jistipula l-ebda regolamenti li jikkonċernaw il-kapaċità. B’mod speċjali fl-artikolu 26 ma hemm l-ebda regoli li jistipulaw li ma jistgħux jingħataw għajnuniet għall-investiment lil proġetti li jwasslu għal żieda fil-kapaċità wara li tkun tkabbret il-produzzjoni. Il-Ġermanja tkompli tisħaq li t-tkabbir tal-produttività ta’ l-industrija tal-bini tal-vapuri hija wieħed mill-akbar għanijiet tal-politika Komunitarja f’dan is-settur. Fl-inizjattiva LeaderSHIP 2015 jissemma bħala għan it-titjib fil-kompetittività tat-tarznari Ewropej kif ukoll it-tneħħija ta’ l-iżvantaġġi li jeżistu minħabba s-sussidji li l-bini tal-vapuri jingħata fl-Asja. Dan il-għan, skond il-Ġermanja jista’ jintlaħaq permezz taż-żieda fil-produttività.
(39) Il-Ġermanja hija tal-fehma, barra minn dan, li mill-artikolu 3 tal-kundizzjonijiet ta’ qafas għall-għajnuna għall-bini tal-vapuri wieħed ma jistax jafferma li l-effetti ta’ pjan ta’ investiment fuq il-kapaċità irid jitqies fil-kuntest tal-kompatibbiltà mas-Suq Unikui. Il-Ġermanja tkompli tispjega li s-settur tal-bini tal-vapuri m’għadux jaqa’ taħt il-karatteristiċi msemmija fl-artikolu 3 tal-kundizzjonijiet ta’ qafas għall-għajnuna lill-bini tal-vapuri, iżda huwa kkaratterizzat bħalissa minn ordnijiet tajba, prezzijiet għolja u bottlenecks fil-produzzjoni.
(40) Il-Ġermanja dwar dan tisħaq li s-sehem fis-suq ta’ l-industrija tal-bini tal-vapuri Ewropea naqas fl-aħħar għexieren ta’ snin u l-Ġappun, il-Korea u ċ-Ċina żiedu s-sehem tagħhom bil-għajnuna ta’ sussidji mill-istat. Dan is-sussidju huwa indikat, fl-artikolu 3(c) tal-kundizzjonijiet ta’ qafas dwar l-għajnuna lill-bini tal-vapuri, bħala wieħed mill-fatturi speċifiċi għas-settur li wieħed għandu jieħu f’kunsiderazzjoni. It-tarznari Ewropej iridu b’hekk jaraw li jagħmlu kull sforz biex ikabbru l-produttività tagħhom.
(41) Skond il-Ġermanja, kull żieda fil-produttività awtomatikament twassal għal aktar produzzjoni mill-impjant. Żieda fil-produttività skond il-kundizzjonijiet ta’ qafas għall-għajnuna lill-bini tal-vapuri ma tistax għalhekk timplika li tista’ tiġi prodotta l-istess kwantità b’anqas riżorsi. Il-Ġermanja tirreferi wkoll fl-aħħarnett għall-iskop ta’ l-għajnuniet reġjonali, li għandhom ikunu ta’ kontribut għall-iżvilupp reġjonali u għall-ħolqien ta’ postijiet tax-xogħol. Żieda fil-produttività m’għandhiex għalhekk f’dan is-sens ikollha bħala konsegwenza tnaqqis fil-postijiet tax-xogħol.
(42) Fil-kuntest tal-pożizzjoni fis-suq il-Ġermanja ssostni li t-trasport tal-merkanzija qed jiżdied u li wieħed jista’ josserva li teżisti xejra lejn vapuri tal-containers akbar. Diġà bħalissa jeżistu vapuri li jistgħu jġorru mill-anqas 5000 TEUs u skond l-aħħar previżjonijiet diġà qed isiru pjani għal vapuri li jkunu jistgħu jġorru mill-anqas 8000 TEUs. Peress li vapuri ta’ dan il-kobor ikunu jistgħu jużaw biss numri limitat ta’ portijiet, ikunu meħtieġa wkoll vapuri iżgħar, bħal dawk li fil-futur trid tibda tibni l-VWS, biex it-tagħbija tkun tista’ titqassam fuqhom. Ix-xejra lejn vapuri akbar mhix se twassal biex ikun hemm effetti negattivi fuq id-domanda għal vapuri iżgħar bħal ma huma dawn li għad ikunu mibnija mill-VWS.
(43) Il-Ġermanja tat informazzjoni dettaljata dwar il-pjan ta’ investiment tal-VWS, dwar il-kapaċità ta’ l-ipproċessar ta’ l-azzar, dwar l-ispejjeż tal-produzzjoni u dwar il-produttività tat-tarzna qabel ma jibda jitħaddem il-pjan, u wara li jitlesta. Il-Ġermanja tisħaq li dan l-investiment huwa meħtieġ biex tinżamm il-kompetittività tat-tarzna u biex jinżammu l-1200 post tax-xogħol li għandha.
(44) Fejn għandu x’jaqsam ma’ tkabbir potenzjali fil-kapaċità bħala konsegwenza ta’ l-investiment, il-Ġermanja għarrfet li l-investiment ma jolqot l-ebda qasam li jista’ jitqies bħala nuqqas tekniku fit-tarzna. Fid-deċiżjoni tagħha dwar it-tnedija ta’ proċess formali ta’ verifika l-Kummissjoni write il-ħsieb li dawn il-karatteristiċi teċniki huwa deċiżivi biex wieħed iqis il-kapaċità ta’ tarzna. Il-Ġermanja tgħid li l-kapaċità tat-tarzna, skond il-kriterji kif stabbiliti mill-Kummissjoni stess, ma tinbidilx.
(45) Il-Ġermanja tisħaq li bl-għoti ta’ għajnuna għall-investiment mhux se jkun affettwat l-Artikolu 87(1) tat-Trattat tal-KE u tirreferi għall-prinċipju ta’ investitur li jaġixxi f’suq ħieles. Peress li l-VWS għandha ġġorr hi stess 77.5 % ta’ l-ispejjeż ta’ l-investimenti u b’hekk tkun qed tieħu riskju, wieħed jista’ jaċċetta, li l-investimenti huma skond il-kriterji tas-suq ħieles.
(46) Skond kif taħsibha l-Ġermanja, din l-għajnuna għall-investiment ma tgħawwiġx il-kompetizzjoni u l-Artikolu 87(1) b’hekk mhux se jkun invokat peress li l-bini tal-vapuri huwa suq li jinkorpora d-dinja kollha u dan diġà huwa mtellef minħabba s-sussidji mogħtija lil tarznari Ażjatiċi. Barra minn dan, il-kapaċitajiet tat-tarznari Ewropej huma mgħobbija bil-bosta u fis-snin li ġejjin wieħed għandu jistenna potenzjal ta’ tkabbir konsiderevoli. Aktar minn hekk, meta wieħed jiġi biex jifli s-sitwazzjoni kompetittiva wieħed għandu jqis biss dawk il-kompetituri li joperaw fl-istess niċċa, jiġifieri l-bini ta’ vapuri tat-tip Panamax. Il-kotba ta’ l-ordnijiet ta’ dawn il-kompetituri huma mimlija għas-snin li ġejjin u anki l-kapaċità tagħhom hija mgħobbija għal kollox.
(47) Fejn jidħol l-iżvilupp tas-suq fil-futur u l-kapaċità żejda fil-futur, li jissemmew fid-deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar it-tnedija ta’ proċess formali ta’ verifika, il-Ġermanja tqis li t-tbassir mhux ta’ min jorbot fuqu biżżejjed u tirrimarka li l-Kummissjoni ma ġabet l-ebda prova dwar l-iżvilupp mistenni tas-suq. Il-fatt li fil-futur jista’ jkun li tintlaħaq kapaċità żejda m’għandux iwassal għall-konklużjoni li għajnuniet li diġà bħalissa huma ppjanati jkollhom bħala konsegwenza d-distorzjoni tal-kompetizzjoni fis-sens ta’ l-Artikolu 87(1) tat-Trattat tal-KE. Minħabba dawn l-istess raġunijiet in-negozjar bejn l-Istati Membri mhux affettwat.
(48) Il-Ġermanja tqis li dak li finalment jolqot il-kompatibbiltà ma’ l-Artikolu 87(3) tat-Trattat tal-KE huwa l-fatt li l-għajnuniet huma konformi mal-politika ekonomika ta’ l-Ewropa, li l-iskop tagħha hu li titjieb il-pożizzjoni u l-kompetittività ta’ l-industrija tal-bini tal-vapuri Ewropea, kif mitlub mill-inizjattiva LeaderSHIP 2015.
(49) Il-Ġermanja tirrimarka li l-pożizzjoni tal-partijiet ikkonċernati jaqblu mal-valutazzjoni li għamlet il-Ġermanja, jiġifieri li l-għajnuniet ippjanati huma konformi mas-Suq Uniku.
VALUTAZZJONI L-għoti ta’ għajnuna mill-istat skond l-Artikolu 87(1) tat-Trattat tal-KE
(50) L-Artikolu 87(1) tat-Trattat tal-KE jistabbilixxi li għandha tkun inkompatibbli mas-suq komuni, safejn tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri, kull għajnuna ta’ kwalunkwe forma, mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta’ riżorsi ta’ l-Istat, li twassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni għall-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produtturi. Skond il-każistika li teżisti fil-Qorti tal-Komunità Ewropea l-kriterju ta’ żvantaġġ kummerċjali jkun sodisfatt meta l-impriża benefiċjarja tħaddem operat ekonomiku li jinvolvi kummerċ bejn Stati Membri.
(51) Is-sovvenzjoni se tingħata mill-Istat ta’ Mecklenburg-Vorpommern u hija għalhekk b’konsekwenza mogħtija mill-istat. Tagħti lil VWS vantaġġ, li fuq is-suq biss, ma kienx ikollha.
(52) Il-VWS tibni vapuri lesti għat-tbaħħir. Peress li dan il-prodott jiġi maħdum fuq skala kbira, hemm ir-riskju li l-miżuri jikkaġunaw distorzjoni tal-kompetizzjoni u jiżvantaġġjaw il-kummerċ bejn l-Istati Membri. L-argumenti li qed iġġib il-Ġermanja f’dan il-kuntest mhumiex konvinċenti. Skond il-każistika li teżisti bħalissa, għajnuna li ssaħħaħ il-pożizzjoni ta’ impriża kontra l-kompetituri tagħha fi ħdan il-Komunità dejjem titqies bħala waħda li tkun qed tinfluwenza l-kummerċ bejn Stati Membri.
(53) Fir-rigward ta’ l-oġġezzjoni tal-Ġermanja, li mhemmx prova ta’ kapaċità potenzjali żejda fil-futur u li għalhekk lanqas ta’ tgħawwiġ tal-kompetizzjoni fis-sens ta’ l-Artikolu 87(1) tat-Trattat tal-KE, wieħed għandu jsemmi li miżura titqies li tintlaqat minn Artikolu 87(1) tat-Trattat tal-KE meta din thedded li tgħawweġ il-kometizzjoni u meta jkun hemm theddida li l-kummerċ bejn Stati Membri jkun affettwat.
(54) Għal dak li għandu x’jaqsam ma’ l-argument ta’ l-assoċjazzjoni li l-miżuri preżenti ma jgħawġux il-kompetizzjoni peress li l-vapuri li l-VWS se tibni fil-futur huma mibnija tista’ tgħid fil-Korea u fiċ-Ċina biss, il-Kummissjoni tqis li l-vapuri tal-containers li l-VWS se tkun qed tibni fil-futur ma jistgħux jitqiesu bħala li jiffurmaw suq għalih, iżda dawn il-vapuri tal-containers se jkunu f’kompetizzjoni ma’ vapuri oħrajn bħalhom li jkunu ġew mibnija f’tarznari Ewropej.
(55) B’hekk l-għoti ta’ għajnuna mill-istat jaqa’ taħt l-Artikolu 87(1) tat-Trattat tal-KE u għandu jitqies f’dan is-sens.
Eżenzjoni skond l-Artikolu 87(2) u (3) tat-Trattat tal-KE
(56) L-Artikolu 87(2) u (3) tat-Trattat tal-KE jistipulaw eċċezzjonijiet mill-projbizzjoni ġenerali li hemm fl-Artikolu 87(1).
(57) Biex ikun u evalwati l-għajnuniet fil-qasam tal-bini tal-vapuri l-Kummissjoni ppubblikat il-kundizzjonijiet ta’ qafas għall-għajnuna lill-bini tal-vapuri. Skond dawn il-kundizzjonijiet ta’ qafas, l-espressjoni ‘bini tal-vapuri’ tindika l-bini fi ħdan il-Komunità ta’ vapuri tal-merkanzija tajbin għall-baħar u bil-magna. Din l-attività kummerċjali tal-VWS taqa’ taħt din id-definizzjoni, biex b’hekk l-għajnuna kkonċernata trid titqies fid-dawl tal-kundizzjonijiet ta’ qafas għall-għajnuna lill-bini tal-vapuri. Il-Kummissjoni m’għandha l-ebda tagħrif li l-VWS tibni wkoll vapuri tas-sajd għall-Komunità. Skond il-linji-gwida biex jiġu evalwati l-għajnuniet mill-istat fil-qasam tas-sajd u ta’ l-akwakultura, ma jistgħux jingħataw għajnuniet lit-tarznari għall-bini ta’ vapuri tas-sajd fil-Komunità.
(58) Fil-paragrafu 26 tal-kundizzjonijiet ta’ qafas għall-għajnuniet lill-bini tal-vapuri jingħad li Għajnuniet reġjonali għall-bini, it-tiswija, u l-bini mill-ġdid tal-vapuri…jistgħu jingħataw biss fil-każ meta jkun kumpatibbli mas-Suq Komuni, meta huma…jkunu għall-investiment, għar-restawr jew l-immodernizzar ta’ tarznari li qegħdin joperaw u li ma jkunux assoċjati mar-ristrutturar finanzjarju tagħhom, sabiex titkabbar il-produttività ta’ l-impjanti eżistenti.
(59) L-għajnuna m’għandhiex tiżboq it-22,5 % fir-reġjuni msemmija fl-Artikolu 87(3)(a) tat-Trattat tal-KE, jew il-limitu massimu applikabbli ta’ għajnuna reġjonali, skond liema jkun l-anqas. Barra minn hekk l-għajnuna trid tkun limitata għall-operat eliġibbli skond id-definizzjoni tal-linji-gwida applikabbli għall-għajnuniet statali għal skopijiet speċifiċi.
(60) Bl-implimentazzjoni tal-pjan ta’ investiment, il-VWS tkun tista’ tibni b’mod kummerċjali vapuri tat-tip Panamax. Skond informazzjoni mogħtija mill-benefiċjarju, l-impjant tat-tarzna kif inhu bħalissa huwa diġà tajjeb biex fih jinbnew vapuri tat-tip Panamax, li jkunu itwal minn dawk li sa issa kienu qed jinbnew fit-tarzna. Dawn il-vapuri madankollu jistgħu jinbnew b’170 sezzjoni, li kull waħda tkun ta’ tul sa 16-il metru, ħaġa li ma tkunx sostenibbli u mhux kompetittiva. Biex dawn il-vapuri jkunu jistgħu jintrefgħu, ikunu jridu jitqiegħdu fuq krejn tal-baħar, li jerfa’ l-parti mill-qafas tal-vapur li tibqa’ ‘l barra mil-lift tal-vapuri. Dan ma jkunx kummerċjalment vijabbli u jġib miegħu wkoll riskju akbar li jseħħ xi aċċident.
(61) Bil-konklużjoni tal-pjan ta’ investiment ikunu jistgħu jinbnew fit-tarzna vapuri tat-tip Panamax ta’ 110 sezzjoni, li jkollhom tul sa massimu ta’ 32 m. L-investimenti biex isir conveyor belt għal pannelli u sotto-sezzjonijiet kif ukoll biex jiġu armati erba’ postijiet oħra għall-produzzjoni tas-sezzjonijiet huma meħtieġa biex jitlestew dawn is-sezzjonijiet akbar. It-tkabbir tal-kabini għall-impjanti ta’ konservazzjoni tqiegħed it-tarzna fil-pożizzjoni li tkun tista’ taħdem dawn is-sezzjonijiet akbar. B’hekk, bil-pjan ta’ investiment, ikun razzjonalizzat il-proċess tal-bini tal-vapuri fil-VWS.
(62) Bl-investimenti, il-lift tal-vapuri se jiġi twil biżżejjed biex ikun jista’ jerfa’ l-vapuri li għandhom jibnew. L-użu ta’ krejn tal-baħar b’hekk ma jkunx meħtieġ. B’hekk, meta l-lift tal-vapuri jittawwal, l-irfigħ tal-vapuri tat-tip Panamax ikun jista’ jsir b’mod aktar faċli.
(63) Il-Kummissjoni hija għalhekk ta’ l-opinjoni li l-aġġustament ta’ l-impjanti tal-produzzjoni għall-bini b’mod kummerċjali ta’ vapuri Panamax tista’ titqies bħala rinnovazzjoni jew immodernizzar ta’ tarzna li diġà qed topera.
(64) Wara li jkun twettaq il-pjan ta’ investiment, il-produttività titla’ minn 32,6 tunellati ta’ azzar għal kull 1000 siegħa xogħol kif kienet fis-sena 2005, għal madwar 38,2 tunnellata azzar kull 1000 siegħa xogħol. Il-pjan ta’ investiment b’hekk se jgħolli l-produttività ta’ impjant li jeżisti. Il-kapaċità tat-tarzna mkejla f’CGT mhux se tinbidel. Il-kapaċità tax-xogħol ta’ l-azzar se titla’ minn 56000 tunellata fl-2005 għal 64000 fl-2006. Kif taraha l-Kummissjoni, din iż-żieda fil-kapaċità għal xogħol ta’ l-azzar hija riżultat sekondarju taż-żieda fil-produttività, u mhix sproporzjonata meta mqabbla maż-żieda fil-produttività li trid tintlaħaq.
(65) B’hekk il-Kummissjoni tasal għall-konklużjoni li dan il-pjan ta’ investiment jissoddisfa l-kundizzjonijiet li dan l-investiment huwa għar-rinnovazzjoni jew modernizzazzjoni ta’ tarzna li teżisti bl-iskop li żżid il-produttività ta’ impjanti li għandha. Il-Kummissjoni tagħraf ukoll li l-għajnuna hija bħala appoġġ għall-ispejjeż eliġibbli skond il-linji-gwida għal għajnuniet mill-istat għal skopijiet reġjonali u li se jinżamm il-limitu massimu stabbilit ta’ 22,5 %.
KONKLUŻJONI
(66) Il-Kummissjoni waslet għall-konklużjoni li l-għajnuna reġjonali ppjanata lill-VWS hija konformi mal-kundizzjonijiet għall-għajnuniet reġjonali skond il-kundizzjonijiet ta’ qafas għal għajnuniet għall-bini tal-vapuri. L-għajnuna b’hekk hija skond il-kundizzjonijiet, u għandha titqies bħala konformi mas-Suq Uniku,
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI
Artikolu 1 L-għajnuna mill-istat li l-Ġermanja qed tippjana li tagħti lil Volkswerft Stralsund għall-valur ta’ 4200500 EUR hija kumpatibbli, skond l-Artikolu 87(3)(c) tat-Trattat tal-KE, mas-Suq Uniku. L-għajnuna ta’ valur ta’ 4200500 EUR hija b’hekk approvata.
Artikolu 2 Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja.
Brussell, is-6 ta’ Diċembru 2006. Għall-Kummissjoni Neelie Kroes Membru tal-Kummissjoni