Direttiva tal-Kummissjoni 2007/70/KE tad-29 ta’ Novembru 2007 li temenda d-Direttiva 98/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill biex tinkludi d-dijossidu tal-karbonju bħala sustanza attiva fl-Anness IA għaliha (Test b’relevanza għaż-ŻEE)
Grade B
mapped from publisher markup. A grade says how a document's structure was obtained, not how reliable the law is.
Address https://gelex.eu/eli/EU/act/2007/70@2007-11-29/mt
Contents
IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,
Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva 98/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 1998 dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti bijoċidali, u b’mod partikolari it-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 16(2) tagħha,
Billi:
(1) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2032/2003 ta’ l-4 ta’ Novembru 2003 dwar it-tieni fażi tal-programm ta’ ħidma ta’ għaxar snin imsemmi fl-Artikolu 16(2) tad-Direttiva 98/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward it-tqegħid ta’ prodotti bijoċidali fis-suq u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1896/2000 jistabbilixxi lista ta’ sustanzi attivi li għandhom jiġu evalwati bil-għan li jkunu possibbilment inklużi fl-Anness I, IA jew IB għad-Direttiva 98/8/KE. Din il-lista tinkludi d-dijossidu tal-karbonju.
(2) Skond ir-Regolament (KE) Nru 2032/2003, id-dijossidu tal-karbonju ġie evalwat skond l-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 98/8/KE għall-użu fil-prodott tat-tip 14, rodentiċidi, kif iddefinit fl-Anness V tad-Direttiva 98/8/KE.
(3) Franza nħatret bħala l-Istat Membru Referent u ressqet ir-rapport ta’ l-awtorità kompetenti, flimkien ma’ rakkomandazzjoni, lill-Kummissjoni fil-15 ta’ Mejju 2006 skond l-Artikoli 10(5) u (7) tar-Regolament (KE) Nru 2032/2003.
(4) Ir-rapport ta’ l-awtorità kompetenti ġie analizzat mill-Istati Membri u l-Kummissjoni. Skond l-Artikolu 11(4) tar-Regolament (KE) Nru 2032/2003, is-sejbiet mill-analiżi ġew inkorporati, fi ħdan il-Kumitat Permanenti dwar il-Prodotti Bijoċidali fil-21 ta’ Ġunju 2007, f’rapport ta’ evalwazzjoni.
(5) L-eżami tad-dijossidu tal-karbonju ma kixef l-ebda kwistjoni jew tħassib mhux solvuti li għandhom jiġu ttrattati mill-Kumitat Xjentifiku dwar ir-Riskji għas-Saħħa u l-Ambjent.
(6) Mill-eżamijiet varji li twettqu jidher li wieħed jista’ jistenna li l-prodotti bijoċidali użati bħala rodentiċidi u li fihom id-dijossidu tal-karbonju jippreżentaw biss riskji żgħar għall-bniedem, l-annimali u l-ambjent, u li jissodisfaw ir-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 98/8/KE, b’mod partikolari fir-rigward ta’ l-użi li kienu eżaminati u ddetaljati fir-rapport ta’ evalwazzjoni. Għalhekk huwa xieraq li d-dijossidu tal-karbonju jiġi inkluż fl-Anness IA sabiex ikun żgurat li fl-Istati Membri kollha l-awtorizzazzjonijiet għall-prodotti bijoċidali użati bħala rodentiċidi u li fihom id-dijossidu tal-karbonju jistgħu jingħataw, jiġu mmodifikati jew ikkanċellati skond l-Artikolu 16(3) tad-Direttiva 98/8/KE.
(7) Huwa importanti li d-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva jkunu applikati b’mod simultanju fl-Istati Membri kollha sabiex jiġi żgurat it-trattament ugwali tal-prodotti bijoċidali fis-suq li fihom is-sustanza attiva dijossidu tal-karbonju u wkoll biex ikun iffaċilitat l-operat kif suppost tas-suq ġenerali tal-prodotti bijoċidali.
(8) Għandu jitħalla jgħaddi perjodu raġonevoli qabel ma sustanza attiva tiġi inkluża fl-Anness IA sabiex l-Istati Membri u l-partijiet interessati jkunu jistgħu jippreparaw irwieħhom biex jissodisfaw ir-rekwiżiti l-ġodda involuti u jiżguraw li l-applikanti li ppreparaw id-dokumentazzjoni jistgħu jibbenefikaw mill-perjodu ta’ għaxar snin ta’ protezzjoni tad-data, li skond l-Artikolu 12(1)(c)(ii) tad-Direttiva 98/8/KE jibda’ mid-data ta’ l-inklużjoni.
(9) Wara l-inklużjoni, l-Istati Membri għandhom jingħataw perjodu raġonevoli biex jimplimentaw l-Artikolu 16(3) tad-Direttiva 98/8/KE u b’mod partikolari biex jagħtu, jimmodifikaw jew jikkanċellaw l-awtorizzazzjonijiet tal-prodotti bijoċidali fil-prodotti tat-tip 14 li fihom id-dijossidu tal-karbonju biex jiżguraw li dawn jikkonformaw mad-Direttiva 98/8/KE.
(10) Id-Direttiva 98/8/KE għalhekk għandha tiġi emendata skond dan.
(11) Il-miżuri pprovduti f’din id-Direttiva huma f’konformità ma’ l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti tal-Prodotti Bijoċidali,
ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:
Artikolu 1 L-Anness IA għad-Direttiva 98/8/KE huwa emendat skond l-Anness għal din id-Direttiva.
Artikolu 2 Traspożizzjoni
1. L-Istati Membri għandhom jaddottaw u jippubblikaw, sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Ottubru 2008, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet neċessarji sabiex ikunu konformi ma’ din id-Direttiva. Għandhom jikkomunikaw minnufih lill-Kummissjoni t-test ta’ dawn id-dispożizzjonijiet u t-tabella ta’ korrelazzjoni bejn dawn id-dispożizzjonijiet u din id-Direttiva. Għandhom japplikaw dawk id-dispożizzjonijiet mill-1 ta’ Novembru 2009. Meta l-Istati Membri jadottaw dawn id-dispożizzjonijiet, dawn għandu jkun fihom referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati b’din ir-referenza meta jiġu ppubblikati uffiċjalment. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu kif għandha ssir tali referenza.
2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert b’din id-Direttiva.
Artikolu 3 Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak li fih tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.
Artikolu 4 Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmula fi Brussell, 29 ta’ Novembru 2007. Għall-Kummissjoni Stavros Dimas Membru tal-Kummissjoni
ANNEX
ANNESS
It-tabella li ġejja bl-entrata Nru 1 għandha tiddaħħal fl-ANNESS IA tad-Direttiva 98/8/KE Għall-implimentazzjoni tal-prinċipji komuni ta’ l-Anness VI, il-kontenut u l-konklużjonijiet tar-rapporti ta’ evalwazzjoni huma disponibbli fuq il-websajt tal-Kummissjoni: http://ec.europa.eu/comm/environment/biocides/index.htm Nru Isem Komuni Isem IUPAC Numri ta’ l-identifikazzjoni Purità minima tas-sustanza attiva fil-prodott bijoċidali kif jitqieħed fis-suq Data ta’ l-inklużjoni Skadenza sa meta għandha tiġi ddeterminata l-konformità ma’ l-Artikolu 16(3) (ħlief għall-prodotti li fihom iktar minn sustanza attiva waħda li għalihom l-iskadenza sa meta għandhom jikkonformaw ma’ l-Artikolu 16(3) għandha tkun dik stipulata fl-aħħar deċiżjoni minn dawk dwar l-inklużjoni marbuta mas-sustanzi attivi tagħhom) Skadenza ta’ l-inklużjoni Tip ta’ prodott Dispożizzjonijiet speċifiċi 1 dijossidu tal-karbonju Dijossidu tal-karbonju Nru tal-KE: 204-696-9 Nru tal-CAS: 124-38-9 990 ml/l 1 ta’ Novembru 2009 31 ta’ Ottubru 2011 31 ta’ Ottubru 2019 14 jiġi utilizzat biss f’ċilindri tal-gass lesti għall-użu li jaħdmu flimkien ma’ tagħmir għall-qbid tal-gass.