Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta’ Novembru 2007 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 92/34/KEE biex testendi d-deroga dwar il-kundizzjonijiet ta’ l-importazzjoni tal-materjal tal-propagazzjoni tal-pjanti tal-frott u tal-pjanti tal-frott maħsuba għall-produzzjoni tal-frott minn pajjiżi terzi (notifikata taħt id-dokument numru C(2007) 5693) (2007/776/KE)
Grade B
mapped from publisher markup. A grade says how a document's structure was obtained, not how reliable the law is.
Address https://gelex.eu/eli/EU/act/2007/776@2007-11-28/mt
Contents
IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,
Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 92/34/KEE tat-28 ta’ April 1992 dwar il-marketing tal-materjal tal-propagazzjoni tal-pjanti tal-frott u tal-pjanti tal-frott, maħsuba għall-produzzjoni tal-frott, u b’mod partikolari t-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 16(2) tagħha,
Billi:
(1) Il-Kummissjoni hija obbligata skond l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 92/34/KEE tiddeċiedi jekk il-materjal tal-propagazzjoni u l-pjanti tal-frott prodotti f’pajjiż terz u li joffru l-istess garanziji rigward l-obbligi dwar il-fornitur, l-identità, il-karatteristiċi, is-saħħa tal-pjanti, il-mezz ta’ tkabbir, il-pakkettjar, l-arranġamenti ta’ l-ispezzjoni, il-marka u s-siġill, humiex ekwivalenti f’dawn ir-rigwardi kollha għall-materjal tal-propagazzjoni u l-pjanti tal-frott prodotti fil-Komunità u li jħarsu l-ħtiġiet u l-kundizzjonijiet ta’ din id-Direttiva.
(2) Minkejja dan, l-informazzjoni disponibbli attwalment dwar il-kundizzjonijiet li japplikaw f’pajjiżi terzi għadha mhix biżżejjed biex tħalli lill-Kummissjoni tadotta xi deċiżjoni bħal din dwar xi pajjiż terz f’dan l-istadju.
(3) Sabiex ikun hemm inibizzjoni li jitħarbtu xejriet kummerċjali, l-Istati Membri li jimportaw il-materjal tal-propagazzjoni tal-pjanti tal-frott u tal-pjanti tal-frott maħsuba għall-produzzjoni tal-frott minn pajjiżi terzi għandhom jitħallew ikomplu japplikaw kundizzjonijiet ekwivalenti għal dawk applikabbli għal prodotti simili tal-Komunità skond l-Artikolu 16(2) tad-Direttiva 92/34/KEE. Il-perjodu ta’ applikazzjoni tad-deroga stipulat fid-Direttiva 92/34/KEE għal importazzjonijiet bħal dawn għandu għalhekk jiġi estiż għal wara l-31 ta’ Diċembru 2007.
(4) Id-Direttiva 92/34/KEE għandha għalhekk tiġi emendata skond dan.
(5) Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti tal-Materjal tal-Propagazzjoni u l-Ġeneri u l-Ispeċji tal-Pjanti tal-Frott,
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1 Fl-ewwel sub-paragrafu ta’ l-Artikolu 16(2) tad-Direttiva 92/34/KEE, id-data 31 ta’ Diċembru 2007 tinbidel b’ 31 ta’ Diċembru 2010.
Artikolu 2 Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmul fi Brussell, 28 ta’ Novembru 2007. Għall-Kummissjoni Markos Kyprianou Membru tal-Kummissjoni