Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1028/2008 tad-19 ta’ Settembru 2008 li jikkonċerna l-klassifikazzjoni ta' ċerti oġġetti fin-Nomenklatura Magħquda
Grade B
mapped from publisher markup. A grade says how a document's structure was obtained, not how reliable the law is.
Address https://gelex.eu/eli/EU/act/2008/1028@2008-09-19/mt
IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,
Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta' Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni u speċjalment l-Artikolu 9(1)(a) tiegħu,
Billi:
(1) Sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tan-Nomenklatura Magħquda annessa mar-Regolament (KEE) Nru 2658/87, hemm bżonn li jiġu adottati miżuri li jikkonċernaw il-klassifika ta’ l-oġġetti msemmija fl-Anness ta' dan ir-Regolament.
(2) Ir-Regolament (KEE) Nru 2658/87 stipula r-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda. Dawk ir-regoli japplikaw ukoll għal kwalunkwe nomenklatura oħra li hija totalment jew parzjalment ibbażata fuqha jew li żżidilha kwalunkwe subdiviżjoni addizzjonali u li hija stabbilita minn dispożizzjonijiet Komunitarji speċifiċi, bil-ħsieb ta' l-applikazzjoni ta' miżuri tariffarji u ta’ miżuri oħrajn li għandhom x'jaqsmu mal-kummerċ ta’ oġġetti.
(3) Skond dawk ir-regoli ġenerali, l-oġġetti msemmija fil-kolonna 1 tat-tabella mfassla fl-Anness għandhom ikunu kklassifikati taħt il-Kodiċi NM indikati fil-kolonna 2, bis-saħħa tar-raġunijiet imsemmija fil-kolonna 3 ta' dik it-tabella.
(4) Huwa xieraq li ssir kundizzjoni li, suġġetti għall-miżuri li jeżistu fil-Komunità dwar sistemi doppji ta’ kontroll u dwar sorveljanza tal-Komunità qabel u wara li ssir importazzjoni ta’ prodotti tessili fil-Komunità, informazzjoni fuq tariffa li torbot maħruġa mill-awtoritajiet tad-dwana ta’ l-Istati Membri dwar il-klassifikazzjoni tal-merkanzija fin-Nomenklatura Magħquda u li ma taqbilx ma’ dan ir-Regolament, tista’ tibqa’ tkun invokata mid-detentur għal perijodu ta’ 60 jum, taħt Artiklu 12(6) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta’ Ottubru 1992 li jistabilixxi l-Kodiċi tad-Dwana tal-Komunità.
(5) Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma skond l-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali,
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1 L-oġġetti deskritti fil-kolonna 1 tat-tabella li tidher fl-Anness għandha tkun ikklassifikata fin-Nomenklatura Magħquda taħt il-kodiċi NM indikata fil-kolonna 2 ta' dik it-tabella.
Artikolu 2 Suġġetti għall-miżuri li jeżistu fil-Komunità dwar sistemi doppji ta’ kontroll u dwar sorveljanza tal-Komunità qabel u wara li ssir importazzjoni ta’ prodotti tessili fil-Komunità, informazzjoni fuq tariffa li torbot maħruġa mill-awtoritajiet tad-dwana ta’ l-Istati Membri li ma taqbilx ma’ dan ir-Regolament, tista’ tkun invokata għal perijodu ta’ 60 jum, taħt Artiklu 12(6) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92.
Artikolu 3 Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha. Magħmul fi Brussell, 19 ta’ Settembru 2008. Għall-Kummissjoni László Kovács Membru tal-Kummissjoni
ANNEX
ANNESS
Deskrizzjoni ta’ l-oġġetti Klassifikazzjoni (Kodiċi NM) Raġunijiet (1) (2) (3) L-oġġett huwa magħmul minn drapp maħdum bil-labar, ta' kulur differenti, ta’ fibri magħmulin mill-bniedem. Id-drapp huwa tajjeb għall-malji ta' l-għawm. L-oġġett għandu jintlibes fuq il-laħam u jasal sa taħt is-sider. Meta l-oġġett jintlibes, il-biċċtejn drapp tat-tessut ta' forma trijangolari jiffurmaw cups għas-sider. Kull wieħed miż-żewġ trijangoli għandu nforra ta’ drapp maħdum bil-labar ta’ kulur wieħed u b'keffa fit-tlett itruf. Il-keffa tan-naħa t’isfel tifforma mina minn fejn jgħaddi lazz tal-lastiku tat-tessut. Lazz tal-lastiku tat-tessut huwa meħjut man-naħa ppuntata ta’ fuq ta’ kull trijangolu. Iż-żewġ lazzijiet vertikali tal-lastiku jintrabtu wara l-għonq u l-lazz tal-lastiku orizzontali jintrabat mad-dahar ta’ min jilbsu. (riċipetto) (Ara r-ritratti Nri 644 A u 644 B u 644 C) 62121090 Il-klassifika hija determinata mir-Regoli Ġenerali 1 u 6 għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda, nota 2(a) għal-Kapitlu 61 kif ukoll il-kliem tal-kodiċi NM 6212, 621210 u 62121090. Minkejja li, mill-apparenza ġenerali tiegħu, il-qatgħa u n-natura tad-drapp, l-oġġett jidher li huwa parti ta' fuq ta' malja ta' l-għawm f'biċċtejn (bikini), klassifikazzjoni f’titlu 6112 (malji ta' l-għawm) hija eskluża, għaliex l-oġġett jonqsu l-parti t’isfel tal-malja ta' l-għawm f'biċċtejn. (Ara wkoll in-Noti ta' Spjega SA għal titlu 6112 (Ċ). Barra minn hekk, l-oġġett mhuwiex oġġett inkomplet ta’ titlu 6112 (malji ta’ l-għawm) fi ħdan it-tifsira ta’ GIR 2 (a), għaliex l-oġġett ma għandux il-karattru essenzjali ta’ l-oġġett komplet (jiġifieri malja ta’ għawm f’biċċtejn), peress li ma jistax jintuża għall-għawm bħala tali. L-oġġett għandu l-karatteristiċi ta’ riċipetto, billi meta l-oġġett jintlibes, permezz tal-lazzijiet tat-tessut, il-biċċtejn drapp tat-tessut ta' forma trijangolari jiffurmaw cups għas-sider. L-irbit tal-lazzijiet orizzontali u vertikali b’mod issikkat madwar il-ġisem, jippermetti li jgħolli s-sider u jżommu merfugħ ‘il fuq. Għalhekk, l-oġġett huwa ta’ tip iddisinjat bħala lbies għas-sostenn tal-ġisem fi ħdan it-tifsira tan-Noti ta' Spjega SA f’titlu 6212, l-ewwel paragrafu. Barra minn hekk, bħal riċipetti oħra, l-oġġett huwa maħsub li jintlibes fuq il-laħam. L-oġġett għandu jkun ikklassifikat bħala riċipetto f’titlu 6212, għaliex dan it-titlu jinkludi riċipetti tat-tipi kollha. (Ara n-Noti ta' Spjega SA għal titlu 6212, it-tieni paragrafu, (1)).