Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1329/2008 tat-22 ta' Diċembru 2008 li jadotta miżuri għall-appoġġ ta' emerġenza għas-suq tal-majjal fil-forma ta’ għajnuna għall-ħżin privat f’parti mir-Renju Unit
Grade B
mapped from publisher markup. A grade says how a document's structure was obtained, not how reliable the law is.
Address https://gelex.eu/eli/EU/act/2008/1329@2008-12-22/mt
IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,
Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta’ Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta' swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS), u b'mod partikolari l-Artikoli 37(43)(a) u (d), 191, flimkien mal-Artikolu 4 tiegħu,
Billi:
(1) L-Artikolu 37 tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 jipprovdi li meta l-prezz medju tas-suq Komunitarju għall-karkassi tal-ħanżir kif stabbilit b'referenza għall-prezzijiet reġistrati f'kull Stat Membru fuq is-swieq rappreżentattivi tal-Komunità u ppiżati permezz ta' koeffiċjenti li jirriflettu d-daqs relattiv tal-merħla tal-ħnieżer f'kull Stat Membru, ikun, u x'aktarx jibqa', inqas minn 103 % tal-prezz ta' referenza, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tagħti għajnuna għal ħżin privat.
(2) Il-prezzijiet tas-suq waqgħu taħt dak il-livell u, minħabba tendenzi staġjonali u ċikliċi, din is-sitwazzjoni tista’ tippersisti.
(3) Fil-qies tas-sejbiet riċenti tal-livelli elevati ta’ diossini fil-majjal li joriġina fl-Irlanda, is-sitwazzjoni tas-suq tal-majjal fl-Irlanda u fl-Irlanda ta’ Fuq hija partikolarment kritika. L-awtoritajiet kompetenti ħadu diversi miżuri biex jindirizzaw din is-sitwazzjoni.
(4) Għalf ikkontaminat tal-annimali kien ikkonsenjat fl-irziezet tal-ħnieżer fl-Irlanda. L-għalf ikkontaminat jikkostitwixxi porzjon kbir ħafna tad-dieta tal-ħnieżer u jirriżulta f’livell għoli ta’ diossini fil-laħam mill-ħnieżer mill-irziezet affetwati. Minħabba d-diffikultajiet biex jittraċċaw lura l-majjal fl-irziezet u minħabba l-livelli għoljin ta’ diossina li nstabu fil-majjal affetwat, l-awtoritajiet kompetenti ddeċidew li bħala miżura ta’ prekawzjoni jiġbru lura l-majjal kollu u l-prodotti tal-majjal mis-suq.
(5) L-applikazzjoni ta’ dawk il-miżuri qed toħloq disturbi serji ħafna tas-suq tal-majjal fl-Irlanda ta’ Fuq. Minħabba ċ-ċirkustanzi eċċezzjonali u d-diffikultajiet prattiċi li qed jesperjenza s-suq tal-majjal fl-Irlanda ta’ Fuq, huwa għalhekk xieraq li jiġu ppovduti miżuri ta’ appoġġ ta’ emerġenza għas-suq billi tingħata għajnuna għall-ħżin privat fl-Irlanda ta’ Fuq, għal perjodu limitat u relat għal kwantità limitata ta' prodotti.
(6) L-Artikolu 31 tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 jipprovdi li għajnuna għall-ħżin privat tista’ tingħata għall-majjal u dik l-għajnuna għandha tiġi stabbilita mill-Kummissjoni minn qabel jew permezz ta' proċedura ta' sejħiet għall-offerti.
(7) Minħabba li s-sitwazzjoni tas-suq tal-majjal fl-Irlanda ta’ Fuq tirrikjedi azzjoni prattika fi ftit żmien, l-aktar proċedura xierqa biex tingħata għajnuna għall-ħżin privat tkun li tkun iffissata minn qabel.
(8) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 826/2008 tal-20 ta’ Awwissu 2008 li jistabbilixxi regoli komuni għall-għotja ta’ għajnuna għall-ħżin privat ta’ ċerti prodotti agrikoli stabbilixxa regoli komuni għall-implimentazzjoni ta’ skema privata tal-għajnuna għall-ħżin.
(9) Skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 826/2008, għandha tingħata għajnuna stabbilita minn qabel skont ir-regoli u l-kundizzjonijiet dettaljati kif ipprovduti fil-Kapitolu III ta’ dak ir-Regolament.
(10) Fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari, jeħtieġ li jkun hemm rekwiżit li l-prodotti li se jitpoġġew fil-ħżin ikunu ġejjin minn ħnieżer li trabbew fi rziezet li huwa aċċertat li ma kinux affetwati mill-għalf ikkontaminat. Barra minn hekk, jeħtieġ li jiġi pprovdut li l-prodotti konċernati joriġinaw minn ħnieżer imrobbijin u maqtulin fl-Irlanda ta’ Fuq.
(11) Sabiex tiġi ffaċilitata l-ġestjoni tal-miżura, il-prodotti tal-majjal huma kklassifikati skont ix-xebh fir-rigward tal-livell tal-ispiża tal-ħżin.
(12) Sabiex jiġi ffaċilitat ix-xogħol amministrattiv u ta' kontroll rigward il-konklużjoni ta' kuntratti, għandhom jiġu stabbiliti kwantitajiet minimi ta’ prodotti li għandu jipprovdi kull applikant.
(13) Għandha tiġi stabbilita garanzija sabiex tiżgura li l-operaturi jwettqu l-obbligi kuntrattwali tagħhom u li l-miżura jkollha l-effett mixtieq fis-suq.
(14) L-esportaturi tal-majjal jikkontribwixxu biex jerġa' jintlaħaq il-bilanċ fis-suq. Għalhekk, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 28(3) tar-Regolament (KE) Nru 826/2008 għandhom japplikaw meta l-perjodu ta' ħżin jiqsar fejn prodotti mneħħija mill-ħżin ikunu maħsuba għall-esportazzjoni. Għandhom jiġu stabbiliti l-ammonti ta’ kuljum li se jiġu applikati għat-tnaqqis tal-ammont tal-għajnuna kif imsemmi f’dak l-Artikolu.
(15) Għall-fini tal-applikazzjoni tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 28(3) tar-Regolament (KE) Nru 826/2008 u għar-raġuni ta’ konsistenza u ċarezza għall-operaturi, jeħtieġ li l-perjodu ta’ xahrejn imsemmi hemmhekk jiġi espress fi ġranet.
(16) Il-miżuri pprovduti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tal-Ġestjoni tal-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli,
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1 Ambitu
1. L-għajnuna għall-ħżin privat għandha tingħata fir-rigward ta’ prodotti tal-majjal li jissodisfaw dawn il-kundizzjonijiet:
1.
(a) ġejjin minn ħnieżer li kienu mrobbijin fl-Irlanda u fl-Irlanda ta’ Fuq mill-inqas għall-aħħar xahrejn qabel ma nqatlu fl-Irlanda ta’ Fuq;
(b) huma ta’ kwalità ġenwina, ġusta u tajba għall-kummerċ u ġejjin minn ħnieżer imrobbijin fi rziezet li huwa stabbilit li ma użawx għalf ikkontaminat mil-livelli elevati ta’ diossini u bifenili poliklorinati (PCBs)
2. Il-lista tal-kategoriji tal-prodotti eliġibbli għall-għajnuna u l-ammonti rilevanti huma stabbiliti fl-Anness.
Artikolu 2 Regoli applikabbli
Ir-Regolament (KE) Nru 826/2008 għandu japplika, sakemm ma jkunx ipprovdut mod ieħor f'dan ir-Regolament.
Artikolu 3 Tressiq tal-applikazzjonijiet
1. Mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, applikazzjonijiet għall-għajnuna ta’ ħżin privat għall-kategoriji tal-prodotti tal-majjal eliġibbli għall-għajnuna skont l-Artikolu 1 jistgħu jitressqu fl-Irlanda ta’ Fuq.
2. L-applikazzjonijiet għandhom jirrigwardjaw perjodu ta’ ħżin ta’ 90, 120, 150 jew 180 jum.
3. L-applikazzjonijiet għandhom jitressqu għal waħda biss mill-kategoriji tal-prodotti mniżżlin fl-Anness, bl-indikazzjoni tal-kodiċi tan-NM rilevanti fi ħdan dik il-kategorija.
4. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa kollha biex jiżguraw il-konformità mal-Artikolu 1(1).
Artikolu 4 Kwantitajiet minimi
Il-kwantitajiet minimi għal kull applikazzjoni għandhom ikunu:
(a) 10 tunnellati għal prodotti diżussati;
(b) 15-il tunnellata għal prodotti oħrajn.
Artikolu 5 Garanziji
L-applikazzjonijiet għandu jkollhom garanzija li tammonta għal 20 % tal-ammonti tal-għajnuna stabbilita fil-kolonni minn 3 sa 6 tal-Anness.
Artikolu 6 Kwantità totali
Il-kwantità totali li għaliha jistgħu jiġu konklużi l-kuntratti, skont l-Artikolu 19 tar-Regolament (KE) Nru 826/2008, ma għandhiex taqbeż 15000 tunnellata piż tal-prodott.
Artikolu 7 It-tneħħija mill-ħżin tal-prodotti maħsuba għall-esportazzjoni
1. Għall-fini tal-applikazzjoni tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 28(3) tar-Regolament (KE) Nru 826/2008 għandha jkun hemm rekwiżit tal-iskadenza ta’ perjodu minimu ta’ ħżin ta’ 60 jum.
2. Għall-fini tal-applikazzjoni tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 28(3) tar-Regolament (KE) Nru 826/2008, l-ammonti ta’ kuljum huma stabbiliti fil-kolonna 7 tal-Anness għal dan ir-Regolament.
Artikolu 8 Id-dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha. Magħmul fi Brussell, 22 ta’ Diċembru 2008. Għall-Kummissjoni Mariann Fischer Boel Membru tal-Kummissjoni
ANNEX
ANNESS
Il-kategoriji tal-prodotti Il-prodotti li għalihom qed tingħata l-għajnuna L-ammont ta’ għajnuna għal perjodu ta' ħżin ta' (EUR/tunnellata) Tnaqqis (EUR) 90 jum 120 jum 150 jum 180 jum għal kull jum 1 2 3 4 5 6 7 Kategorija 1 ex02031110 In-nofs karkassi mingħajr is-sieq ta' quddiem, id-denb, il-kliewi, il-falda l-irqiqa u s-sinsla tad-dahar 278 315 352 389 1,24 Kategorija 2 ex02031211 Il-prieżet ex02031219 L-ispallejn ex02031911 It-trufijiet ta' quddiem ex02031913 Il-ġenbejn, bit-tarf tal-għonq jew mingħajru, jew it-truf tal-għonq separatament, il-ġenbejn biċ-chump jew mingħajrha 337 379 421 463 1,41 ex02031955 Ir-riġlejn, l-ispallejn, it-truf ta' quddiem, il-ġenbejn bit-tarf tal-għonq jew mingħajru, jew it-truf tal-għonq separatament, il-ġenbejn biċ-chump jew mingħajrha, diżussati Kategorija 3 ex02031915 Iż-żquq, sħaħ jew bix-xtur imneħħija b'qatgħa rettangolari 164 197 230 263 1,09 ex02031955 Iż-żquq, sħaħ jew bix-xtur imneħħija b'qatgħa rettangolari, mingħajr il-ġilda ta' barra u l-kustilji Kategorija 4 ex02031955 Il-qatgħat li jikkorrispondu man-nofisjiet, bil-ġilda ta' barra jew bix-xaħam jew mingħajrhom, diżussati 255 290 325 360 1,17