Gelex

Direttiva 2008/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2008 li temenda d-Direttiva 2002/95/KE dwar ir-restrizzjoni ta’ l-użu ta’ ċerti sustanzi ta’ riskju fit-tagħmir elettriku u elettroniku, fir-rigward tas-setgħat ta’ implimentazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni

In forceVersion 2008-03-11from 2008-03-21
Grade B

mapped from publisher markup. A grade says how a document's structure was obtained, not how reliable the law is.

Ask Gelex about this law

Address https://gelex.eu/eli/EU/act/2008/35@2008-03-11/mt

Contents
  1. Preamble
  2. Artikolu 1 Emendi
  3. 1.
  4. 2.
  5. L-Artikolu 7 Il-Kumitat
  6. Artikolu 2 Dħul fis-seħħ
  7. Artikolu 3 Destinatarji

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 95 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew,

Wara li kkonsultaw lill-Kumitat tar-Reġjuni,

Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat,

Billi:

(1) Id-Direttiva 2002/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tipprovdi li ċerti miżuri għandhom ikunu adottati skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta’ implimentazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni.

(2) Id-Deċiżjoni 1999/468/KE ġiet emendata bid-Deċiżjoni 2006/512/KE, li daħħlet il-proċedura regolatorja bi skrutinju għall-adozzjoni ta’ miżuri ta’ kamp ta’ applikazzjoni ġenerali u mfassla biex jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ strument bażiku adottat skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 251 tat-Trattat, inter alia billi jħassru xi wħud minn dawn l-elementi jew billi l-istrument jiġi ssupplimentat b’elementi mhux essenzjali ġodda.

(3) Skond id-dikjarazzjoni tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni dwar id-Deċiżjoni 2006/512/KE, sabiex il-proċedura regolatorja bi skrutinju tkun applikabbli għal strumenti adottati skond il-proċedura imsemmija fl-Artikolu 251 tat-Trattat, li jkunu diga’ fis-seħħ, dawk l-istrumenti għandhom jiġu aġġustati skond il-proċeduri applikabbli.

(4) Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa sabiex tadatta l-Annessi. Billi dawk il-miżuri huma ta’ kamp ta’ applikazzjoni ġenerali u huma mfassla sabiex jemendaw elementi mhux essenzjali tad-Direttiva 2002/95/KE, dawn għandhom ikunu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju prevista fl-Artikolu 5a tad-Deċiżjoni 1999/468/KE.

(5) Id-Direttiva 2002/95/KE għandha għalhekk tiġi emendata kif meħtieġ.

(6) Billi l-emendi li saru lid-Direttiva 2002/95/KE permezz ta’ din id-Direttiva huma ta’ natura teknika u jirrigwardaw biss il-proċedura tal-kumitat, huma ma jeħtiġux traspożizzjoni mill-Istati Membri. Għalhekk, m’huwiex meħtieġ li jiġu inklużi dispożizzjonijiet għal dan il-għan,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1 Emendi

Id-Direttiva 2002/95/KE hija permezz ta’ dan emendata kif ġej:

1. L-Artikolu 5(1) għandu jiġi emendat kif ġej:

1.

(a) il-frażi ta’ introduzzjoni għandha tiġi sostitwita b’dan li ġej:

(a)

1. Kwalunkwe emenda li tkun meħtieġa biex tadatta l-Anness għall-progress xjentifiku u tekniku għall-iskopijiet li ġejjin għandha tiġi adottata:;

(b) Għandu jiżdied is-subparagrafu li ġej: Il-miżuri msemmija fil-punti (a), (b) u (ċ) ta’ l-ewwel subparagrafu, mfassla sabiex jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ din id-Direttiva għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 7(2).;

2. L-Artikolu 7 għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

2.

L-Artikolu 7 Il-Kumitat

1. Il-Kummissjoni għandha tkun assistita minn Kumitat stabbilit skond l-Artikolu 18 tad-Direttiva tal-Kunsill 75/442/KEE tal-15 ta’ Lulju 1975 dwar l-iskart.

2. Fejn ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 5a(1) sa (4), u l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, b’kont meħud tad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 8 tagħha.

Artikolu 2 Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara l-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 3 Destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Strasburgu, 11 ta’ Marzu 2008. Għall-Parlament Ewropew Il-President H.-G. Pöttering Għall-Kunsill Il-President J. Lenarčič

Versions

  1. 2008-03-11