Direttiva tal-Kummissjoni 2008/43/KE ta’ l-4 ta’ April 2008 li twaqqaf, skond id-Direttiva tal-Kunsill 93/15/KEE, sistema għall-identifikazzjoni u t-traċċabilità ta' l-isplussivi għall-użi ċivili (Test b’relevanza għaż-ŻEE)
Grade B
mapped from publisher markup. A grade says how a document's structure was obtained, not how reliable the law is.
Address https://gelex.eu/eli/EU/act/2008/43@2008-04-04/mt
Contents
- Preamble
- KAPITOLU 1 DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI
- Artikolu 1 Suġġett
- Artikolu 2 Ambitu
- KAPITOLU 2 IDENTIFIKAZZJONI TAL-PRODOTT
- Artikolu 3 Identifikazzjoni unika
- Artikolu 4 Immarkar u twaħħil
- Artikolu 5 Splussivi f'skartoċċ u splussivi fi xkejjer
- Artikolu 6 Splussivi b'komponent ta' bi tnejn
- Artikolu 7 Detonaturi sempliċi u fjusijiet
- Artikolu 8 Detonaturi elettriċi, mhux elettriċi u elettroniċi
- Artikolu 9 Kapsijiet u aċċelleraturi ta' l-isplużjoni
- Artikolu 10 Miċeċ tad-detonazzjoni u fjusijiet tas-sikurezza
- Artikolu 11 Bottijiet u ċilindri li fihom l-isplussiv
- Artikolu 12 Kopji tat-tikketta oriġinali
- KAPITOLU 3 ĠBIR U ARKIVJAR TAD-DATA
- Artikolu 13 Ġbir ta' data
- Artikolu 14 L-obbligi ta' l- impriżi
- KAPITOLU 4 DISPOŻIZZJONIJIET FINALI
- Artikolu 15 It-traspożizzjoni
- Artikolu 16 Id-dħul fis-seħħ
- ANNEX
- 1.
IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,
Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 93/15/KEE tal-5 ta' April 1993 dwar l-armonizzazzjoni tad-dispożizzjonijiet li għandhom x'jaqsmu mat-tqegħid fis-suq u s-sorveljar ta' splussiv għall-użu ċivili u b'mod partikolari it-tieni sentenza tat-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 14 tagħha,
Billi:
(1) Id-Direttiva 93/15/KEE tistipula regoli li jiżguraw iċ-ċirkulazzjoni taħt sikurezza u sigurtà ta' l-isplussivi fis-suq komunitarju.
(2) Kif stipulat f'dik id-Direttiva, huwa neċessarju li jkun żġurat li l-impriżi fis-settur ta' l-isplussivi jippossedu sistema li żżomm traċċi ta' l-isplussivi sabiex tkun tista' tidentifika dawk li għandhom l-isplussivi fi kwalunkwe żmien.
(3) Identifikazzjoni unika ta' l-isplussivi hija essenzjali jekk rekords preċiżi u sħaħ ta' l-isplussivi jridu jinżammu fl-istadji kollha tal-katina ta' provvista. Dan għandu jippermetti l-identifikazzjoni u t-traċċabilità ta' l-isplussiv mis-sit tal-produzzjoni u l-ewwel tqegħid tiegħu fis-suq sa l-utent finali tiegħu u l-użu tiegħu bil-ħsieb li jkun evitat l-użu ħażin u s-serq u tingħata għajununa lill-awtoritajiet ta' l-infurzar tal-liġi fit-traċċabilità ta' splussivi mitlufa jew misruqa.
(4) Il-miżuri previsti f'din id-Direttiva huma bi qbil ma' l-opinjoni tal-Kumitat tat-Tmexxija stabbilit skond l-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 1993/15/KEE.
ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:
KAPITOLU 1 DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI
Artikolu 1 Suġġett
Din id-Direttiva twaqqaf sistema armonizzata għal identifikazzjoni unika u t-traċċabilità ta' l-isplussivi għal użi ċivili.
Artikolu 2 Ambitu
Din id-Direttiva m’għandhiex tapplika għal dawn li ġejjin:
(a) Splussivi trasportati u fornuti mhux ippakkjati jew fi trakkijiet bil-pompi biex jinħattu direttament fil-fornelli tal-mina;
(b) Splussivi manifatturati fuq is-siti ta' l-isplużjoni, u li jitgħabbew immedjatament wara li jkunu prodotti (produzzjoni in situ);
(ċ) munizzjon
KAPITOLU 2 IDENTIFIKAZZJONI TAL-PRODOTT
Artikolu 3 Identifikazzjoni unika
1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-impriżi fis-settur ta' l-isplussivi li jimmanifattura jew jimporta l-isplussivi jew jgħaqqdu d-detonaturi għandhom jimmarkaw l-isplussivi u kull unità ta' l-ippakkjar sa l-iżgħar waħda b'identifikazzjoni unika. Fejn splussiv huwa soġġett għal proċessi ulterjuri ta' manifattura, il-manifatturi ma għandhomx jintalbu jimmarkaw l-isplussiv b'identifikazzjoni unika ġdida ħlief jekk l-identifikazzjoni unika oriġinali ma baqgħetx immarkata iżjed b'konformità ma' l-Artikolu 4.
2. Il-Paragrafu 1 ma għandux japplika fejn l-isplussiv huwa mmanifatturat għall-esportazzjoni u huwa mmarkat b'identifikazzjoni skond ir-rekwiżiti tal-pajjiż ta' importazzjoni, li tippermetti traċċabilità ta' l-isplussiv.
3. L-identifikazzjoni unika għandha tkun magħmula minn komponenti deskritti fl-Anness.
4. Kull sit tal-manifattura għandha tingħata kodiċi ta' 3 figuri diġitali mill-awtorità nazzjonali ta' l-Istati Membri fejn hija stabbilita.
5. Fejn is-sit tal-manifattura jinsab barra l-Komunità, il-manifattur minħabba li huwa stabbilit fil-Komunità għandu jagħmel kuntatt ma' l-awtorità nazzjonali ta' l-Istat Membru li qed jimporta sabiex is-sit tal-manifattura tingħata kodiċi. Fejn is-sit tal-manifattura jinsab barra l-Komunità u l-manifattur mhuwiex stabbilit fil-Komunità, l-importatur ta' l-isplussivi kkonċernati għandu jagħmel kuntatt ma' l-Istat Membru li qed jimporta sabiex is-sit tal-manifattura tingħata kodiċi.
6. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-distributuri li jippakkjaw mill-ġdid l-isplussivi jiżguraw li l-identifikazzjoni unika titwaħħal fuq l-isplussiv u fuq l-iżgħar biċċa ta' l-ippakkjar.
Artikolu 4 Immarkar u twaħħil
L-identifikazzjoni unika għandha tkun immarkata fuq l-oġġett ikkonċernat jew imwaħħla sewwa fuqu b'mod li jibqa' matul iż-żmien sabiex ikun żgurat li hija tkun tista' tinqara ċar.
Artikolu 5 Splussivi f'skartoċċ u splussivi fi xkejjer
Għall-isplussivi bl-iskartoċċ u l-isplussivi fi xkejjer, l-identifikazzjoni unika għandha tikkonsisti f'tikketta adeżiva jew stampar dirett fuq kull skartoċċ jew xkora. Tikketta assoċjata għandha titqiegħad fuq kull kaxxa ta' skrataċ. Barra minn hekk, l-impriżi jistgħu jużaw tikketta elettronika ta' materjal inerti u passiv imwaħħla ma' kull skartoċċ jew xkora u bl-istess mod, titwaħħal tikketta elettronika assoċjata fuq kull kaxxa ta' skrataċ.
Artikolu 6 Splussivi b'komponent ta' bi tnejn
Għall-isplussivi b'komponent ta' bi tnejn, l-identifikazzjoni unika għandha tikkonsisti f'tikketta adeżiva jew stampar dirett fuq kull unità ta' l-ippakkjar sa l-iżgħar waħda li fiha ż-żewġ komponenti.
Artikolu 7 Detonaturi sempliċi u fjusijiet
Għad-detonaturi sempliċi jew il-fjusijiet, l-identifikazzjoni għandha tikkonsisti f'tikketta adeżiva jew stampar dirett jew timbru fuq il-qoxra tad-detonatur. Tikketta assoċjata għandha titwaħħal fuq kull kaxxa ta' detonaturi jew fjusijiet. Barra minn hekk, l-impriżi jistgħu jużaw tikketta elettonika ta' materjal inerti u passiv imwaħħla ma' kull detonatur jew fjus, u titwaħħal tikketta elettronika assoċjata fuq kull kaxxa ta' detonaturi jew fjusijiet.
Artikolu 8 Detonaturi elettriċi, mhux elettriċi u elettroniċi
Għad-detonaturi elettriċi, mhux elettriċi u elettroniċi, l-identifikazzjoni unika għandha tikkonsisti jew f'tikketta adeżiva fuq il-wajers jew it-tubu, jew tikketta adeżiva jew stampar dirett jew timbru fuq il-qoxra tad-detonatur. Tikketta assoċjata għandha titwaħħal fuq kull kaxxa ta' detonaturi. Barra minn hekk, l-impriżi jistgħu jużaw tikketta elettronika ta' materjal inerti u passiv imwaħħla ma' kull detonatur u tikketta assoċjata fuq kull kaxxa ta' detonaturi.
Artikolu 9 Kapsijiet u aċċelleraturi ta' l-isplużjoni
Għall-kapsijiet u l-aċċelleraturi ta' l-isplużjoni, l-identifikazzjoni unika għandha tikkonsisti f'tikketta adeżiva jew stampar dirett fuq il-kaps u l-aċċelleratur ta' l-isplużjoni. Tikketta assoċjata għandha titwaħħal fuq kull kaxxa tal-kapsijiet u l-aċċelleraturi ta' l-isplużjoni. Barra minn hekk, l-impriżi jistgħu jużaw tikketta elettronika ta' materjal inerti u passiv imwaħħla ma' kull kaps jew aċċelleratur ta' l-isplużjoni u tikketta assoċjata fuq kull kaxxa tal-kapsijiet u l-aċċelleraturi ta' l-isplużjoni.
Artikolu 10 Miċeċ tad-detonazzjoni u fjusijiet tas-sikurezza
Għall-miċeċ tad-detonazzjoni u l-fjusijiet tas-sikurezza, l-identifikazzjoni unika għandha tikkonsisti f'tikketta adeżiva jew stampar dirett fuq ir-rukkel. L-identifikazzjoni unika għandha tkun immarkata kull 5 metri jew fuq l-invilopp estern tal-miċċa jew il-fjus jew in-naħa interna tal-plastik estruż immedjatament taħt il-fibra esterna tal-miċċa jew il-fjus. Tikketta assoċjata għandha titwaħħal fuq kull kaxxa ta' miċeċ ta' detonazzjoni jew fjus. Barra minn hekk, l-impriżi jistgħu jużaw tikketta elettronika ta' materjal inerti u passiv imdaħħla ġol-miċċa, u tikketta assoċjata fuq kull kaxxa ta' miċeċ jew fjus.
Artikolu 11 Bottijiet u ċilindri li fihom l-isplussiv
Għall-bottijiet u ċ-ċilindri li fihom l-isplussiv, l-identifikazzjoni unika għandha tikkonsisti f'tikketta adeżiva jew stampar dirett fuq il-bott jew iċ-ċilindru li fih l-isplussiv. Barra minn hekk, l-imprżi jistghu jużaw tikketta elettronika ta' materjal inerti u passiv imwaħħla fuq kull bott u ċilindru.
Artikolu 12 Kopji tat-tikketta oriġinali
L-impriżi jistgħu jwaħħlu kopji tat-tikketta oriġinali adeżivi li jistgħu jinqalgħu fuq l-isplussivi għall-użu tal-klijenti tagħhom. Dawn il-kopji għandhom jidhru b'mod ċar bħala kopji ta' l-oriġinal biex ikun evitat l-użu ħażin.
KAPITOLU 3 ĠBIR U ARKIVJAR TAD-DATA
Artikolu 13 Ġbir ta' data
1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-impriżi fis-settur ta' l-isplussivi jwaqqfu sistema għall-ġbir ta' data f'relazzjoni ma' l-isplussivi inkluża l-identifikazzjoni unika tagħhom matul il-katina kollha ta' forniment u l-eżistenza tagħhom.
2. Is-sistema ta' ġbir ta' data għandha tippermetti li l-impriżi jkunu jistgħu jittraċċaw l-isplussivi b'tali mod li dawk li jkollhom l-isplussivi jistgħu jkunu identifikati fi kwalunkwe ħin.
3. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-data miġbura inklużi l-identifikazzjonijiet uniċi tinżamm u tkun arkivjata għal perjodu ta' 10 snin wara l-forniment jew meta jkun magħruf fi tmiem ta' l-eżistenza ta' l-isplussiv anke jekk l-impriżi jkunu waqqfu l-attività kummerċjali tagħhom.
Artikolu 14 L-obbligi ta' l- impriżi
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-impriżi fis-settur ta' l-isplussivi jissodisfaw dan li ġej: Għall-għan tal-punt d, l-impriża għandha, fil-każ ta' splussivi mmanifatturati jew importati qabel id-data speċifikata fit-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 15 (1), iżżomm ir-reġistri skond id-dispożizzjonijiet nazzjonali attwali.
(a) jarkivjaw l-identifikazzjonijiet kollha ta' l-isplussivi, flimkien ma' l-informazzjoni pertinenti inklużi t-tip ta' splussiv, il-kumpanija u l-persuna li ngħatat il-kustodja ta' l-isplussiv;
(b) l-arkivjar tal-lok ta' kull splussiv fil-waqt li l-isplussiv hu fil-possessjoni jew il-kustodja tagħhom sakemm tkun jew trasferita lil impriża oħra jew użata;
(ċ) jittestjaw fuq intervalli regolari s-sistema ta' ġbir ta' data sabiex ikun żgurat l-effettività tagħha u l-kwalità tad-data arkivjata;
(d) iżommu u jarkivjaw id-data miġbura inklużi l-identifikazzjonijiet uniċi għall-perjodu speċifikata fil-paragrafu 3 ta' l-Artikolu 13;
(e) jipproteġu d-data miġbura kontra kull ħsara aċċidentali jew malizzjuża;
(f) jipprovdu lill-awtoritajiet kompetenti, meta jintalbu, l-informazzjoni li tikkonċerna l-oriġni u l-lok ta' kull splussiv matul l-eżistenza tiegħu u matul il-katina ta' forniment;
(g) jipprovdu lill-awtoritajiet responsabbli ta' l-Istati Membri l-isem u d-dettalji tal-kuntatt ta' persuna li kapaċi tagħti l-informazzjoni deskritta f'punt (f) barra l-ħinijiet normali tan-negozju.
KAPITOLU 4 DISPOŻIZZJONIJIET FINALI
Artikolu 15 It-traspożizzjoni
1. L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sa mhux iktar tard minn 5 ta' April 2009, il-liġijiet, ir-regolamenti, u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex jaslu f'konformità ma' din id-Direttiva. Huma għandhom minnufih jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet u t-tabella ta’ korrelazzjoni bejn dawk id-dispożizzjonijiet u din id-Direttiva. Għandhom japplikaw dawn id-dispożizzjonijiet mill-5 ta' April 2012 Meta l-Istati Membri jadottaw dawn id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom ikollhom fihom referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati mit-tali referenza meta jiġu ppubblikati uffiċjalment. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu kif għandha ssir tali referenza.
2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.
Artikolu 16 Id-dħul fis-seħħ
Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.
Artikolu 17 Din id-Direttiva hi indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmula fi Brussell, 4 ta’ April 2008. Għall-Kummissjoni Günter Verheugen Viċi President
ANNEX
ANNESS
L-identifikazzjoni unika għandha tkun magħmula minn:
1. parti li tinqara mill-bniedem ta' l-identifikazzjoni li fiha dan li ġej:
1.
(a) l-isem tal-manifattur;
(b) kodiċi alfanumeriku li fih:
(b)
(i) 2 ittri li jidentifikaw l-Istat Membru (il-post tal-produzzjoni jew importazzjoni fis-suq Komunitarju, e.g. AT = l-Awstrija);
(ii) 3 figuri diġitali li jidentifikaw l-isem tas-sit ta' manifattura (mogħti mill-awtoritajiet nazzjonali);
(iii) il-kodiċi ta' prodott uniku u l-informazzjoni loġistika mfassla mill-manifattur;
2. identifikazzjoni elettronika li tinqara f'format ta' barcode u/jew matrix code li għandu x'jaqsam direttament mal-kodiċi ta' identifikazzjoni alfanumeriku. Eżempju:
3. Għal oġġetti żgħar ħafna biex jitwaħħlilhom kodiċi ta' prodott uniku u informazzjoni loġistika mfassla mill-manifattur, l-informazzjoni taħt 1 (b) (i), 1 (b) (ii) u 2 għandha titqies suffiċjenti.