Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 649/2008 tat-8 ta’ Lulju 2008 li jimponi dazju definittiv kontra l-iddampjar fuq importazzjonijiet ta’ trab tal-karbon attivat li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina
Grade B
mapped from publisher markup. A grade says how a document's structure was obtained, not how reliable the law is.
Address https://gelex.eu/eli/EU/act/2008/649@2008-07-08/mt
Contents
IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,
Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 tat-22 ta’ Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ir-Regolament bażiku) u b’mod partikolari l-Artikoli 9 u 11(2) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mressqa mill-Kummissjoni wara li kkonsultat il-Kumitat Konsultattiv,
Billi: PROĊEDURA Miżuri fis-seħħ
(1) Skond ir-Regolament (KE) Nru 1006/96, wara investigazzjoni kontra l-iddampjar, il-Kunsill impona dazju definittiv kontra l-iddampjar ta’ 323 EUR għal kull tunnellata ta’ importazzjonijiet ta’ trab ta’ karbon attivat li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (RPĊ) (l-investigazzjoni oriġinali).
(2) Skond ir-Regolament (KE) Nru 1011/2002, wara reviżjoni ta’ l-iskadenza skond l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku, il-Kunsill ġedded l-impożizzjoni tad-dazju definittiv kontra l-iddampjar fuq trab tal-karbon attivat li joriġina fir-RPĊ (l-ewwel investigazzjoni għar-reviżjoni ta’ skadenza).
It-talba għal reviżjoni (L-investigazzjoni preżenti)
(3) Wara l-pubblikazzjoni ta’ l-avviż ta’ skadenza imminenti, fit-12 ta’ Marzu 2007, il-Kummissjoni rċeviet talba għal reviżjoni ta’ l-iskadenza skond l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku.
(4) Din it-talba tressqet mill-Kunsill Ewroprew ta’ l-Industrija tal-Kimiċi (CEFIC) (l-applikant) f’isem żewġ produtturi li jirrappreżentaw parti kbira, f’dan il-każ aktar minn 50 %, tal-produzzjoni totali tal-Komunità ta’ trab tal-karbon attivat. It-talba kienet ibbażata fuq il-fatt li l-iskadenza tal-miżuri aktarx tirriżulta fl-issuktar jew ir-rikorrenza ta’ ddampjar u ħsara lill-industrija Komunitarja.
(5) Wara li ġie kkonsultat il-kumitat konsultattiv u ġie determinat li kien hemm biżżejjed evidenza għat-tnedija tar-reviżjoni ta’ l-iskadenza, il-Kummissjoni nediet din ir-reviżjoni fit-13 ta’ Ġunju 2007, b’avviż ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali ta‘ l-Unjoni Ewropea (l-avviż ta’ tnedija).
Partijiet ikkonċernati mill-investigazzjoni
(6) Il-Kummissjoni avżat uffiċjalment lill-esportaturi/produtturi, lir-rappreżentanti tal-pajjiż ta’ l-esportazzjoni, l-importaturi, il-fornituri, il-produtturi, l-utenti fil-Komunità u lill-applikant bit-tnedija tar-reviżjoni ta’ l-iskadenza. Il-partijiet interessati ngħataw l-opportunità li jikkomunikaw il-fehmiet tagħhom bil-miktub u li jitolbu seduta ta’ smigħ fil-limitu taż-żmien stipulat fl-avviż ta’ ftuħ. Il-partijiet interessati kollha li talbu hekk u li wrew li kien hemm raġunijiet partikolari għaliex għandhom jinstemgħu, ingћataw seduta ta’ smigħ.
Kampjun ta’ esportaturi/produtturi fir-RPĊ
(7) Fid-dawl ta’ l-għadd kbir ta’ esportaturi/produtturi fir-RPĊ li apparentement hemm (132 imniżżla fit-talba għar-reviżjoni), tqies xieraq li jiġi eżaminat jekk għandhomx jintużaw il-kampjuni fir-reviżjoni ta’ skadenza skond l-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku. Sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tiddeċiedi jekk hemmx bżonn ta’ l-użu ta’ kampjun u, jekk ikun il-każ, biex tagħżel kampjun, l-esportaturi/il-produtturi Komunitarji ntalbu, skond l-Artikolu 17(2) tar-Regolament bażiku, biex jippreżentaw lilhom infushom fi żmien 15-il jum mill-bidu tar-reviżjoni ta’ l-iskadenza u biex jipprovdu lill-Kummissjoni t-tagħrif mitlub fl-avviż ta’ tnedija. Madankollu, ebda esportatur/produttur ma wieġeb għall-mistoqsijiet jew ippreżentata lilu nnifsu b’xi mod ieħor b’rispons għall-avviż ta’ tnedija u, għalhekk, l-użu ta’ kampjun għall-esportaturi/produtturi ma kienx rilevanti.
Kampjun tal-produtturi Komunitarji
(8) Fid-dawl ta’ l-għadd kbir ta’ importaturi fil-Komunità li apparentement hemm (33 imniżżla fit-talba għar-reviżjoni), tqies xieraq li jiġi eżaminat jekk għandhomx jintużaw il-kampjuni fir-reviżjoni ta’ skadenza skond l-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku. Sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tiddeċiedi jekk hemmx bżonn ta’ l-użu ta’ kampjuni u, jekk ikun il-każ, biex tagħżel kampjun, l-importaturi fil-Komunità ntalbu, skond l-Artikolu 17(2) tar-Regolament bażiku, biex jippreżentaw lilhom infushom fi żmien 15-il jum mill-bidu tar-reviżjoni ta’ l-iskadenza u biex jipprovdu lill-Kummissjoni t-tagħrif mitlub fl-avviż ta’ ftuħ.
(9) Madankollu, billi tlieta biss mit-33 importatur li ġew ikkuntattjati wieġbu għall-mistoqsijiet tal-kampjun u qablu li jikkooperaw, ġie deċiż li l-użu ta’ kampjun ma kienx neċessarju f’dan il-każ.
Kwestjonarji u verifiki
(10) Il-kwestjonarji ntbagħtu lir-rappreżentanti tal-pajjiż esportatur u lill-importaturi, il-fornituri, il-produtturi u l-utenti kollha magħrufa fil-Komunità u l-produtturi fil-pajjiż analagu, l-Istati Uniti ta’ l-Amerika (USA) (ara l-premessi (22) sa (24) hawn taħt).
(11) Waslu tweġibiet sħaħ għall-kwestjonarju minn tliet fornituri tal-materja prima lill-industrija Komunitarja, tliet utenti, żewġ produtturi Komunitarji li appoġġaw it-talba għal reviżjoni, produttur ieħor li kien kontra l-proċedimenti u produttur wieħed fil-pajjiż analogu. Ebda produttur esportatur fir-RPĊ ma kkoopera.
(12) Il-Kummissjoni fittxet u vverifikat it-tagħrif kollu li tqis neċessarju għall-analiżi tagħha, u wettqet żjarat ta’ verifika fl-istabbilimenti tal-kumpaniji li ġejjin:
(12)
(a) Il-produtturi Komunitarji
Norit B.V., Amersfoort, l-Olanda, u Glasgow, ir-Renju Unit
CECA S.A., Pariġi u Bordeaux, Franza
(b) Produttur ieħor
Chemviron Carbon S.A., Feluy, il-Belġju
(ċ) Fornituri Komunitarji
Klasmann & Deilmann GmbH, Geeste, Niedersachsen, il-Ġermanja
Rheinbraun Brennstoff GmbH, Cologne, il-Ġermanja
WTL International Ltd., Macclesfield, Cheshire, ir-Renju Unit
(d) Produttur fil-pajjiż analogu
Norit Americas Inc., Marshall, Texas, USA
Perjodu għall-investigazzjoni tar-reviżjoni
(13) L-investigazzjoni tal-probabbiltà ta’ l-issuktar jew ir-rikorrenza ta’ ddampjar jew ħsara kopriet il-perjodu mill-1 ta’ April 2006 sal-31 ta’ Marzu 2007 (il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-reviżjoni jew PIR).
(14) L-eżaminazzjoni tat-tendenzi rilevanti għall-verifika tal-probabbiltà ta’ ssuktar jew rikorrenza tal-ħsara kopriet il-perjodu li jibda fl-1 ta’ Jannar 2003 u jibqa’ sejjer sa l-aħħar tal-PIR (perjodu kkunsidrat).
IL-PRODOTT IKKONĊERNAT U L-PRODOTT SIMILI
(15) Il-prodott li qed jiġi kkunsidrat huwa l-istess bħal fl-investigazzjoni oriġinali u r-reviżjoni sussegwenti ta’ l-iskadenza, jiġifieri trab tal-karbon attivat (PAC - powdered activated carbon) li bħalissa huwa klassifikabbli bil-kodiċi tan-NK ex38021000. Il-PAC huwa għamla mikroporuża tal-karbon, miksub minn varjetà ta’ materja prima bħalma huma l-faħam, il-pit, l-injam, il-lignite, l-għadam taż-żebbuġ jew il-qxur tal-ġewż ta’ l-indi, li tiġi attivata permezz tal-fwar jew proċessi kimiċi. Il-PAC huwa trab fin ħafna. Il-karbons attivati jinbiegħu wkoll f’għamla granulari (karbon attivat granulat jew GAC – granulated activated carbon) li mhumiex koperti mill-miżuri fis-seħħ u lanqas minn din ir-reviżjoni.
(16) Kif ikkonfermat mir-reviżjoni preċedenti ta’ l-iskadenza, id-definizzjoni tal-PAC tgħid illi mill-inqas 90 % tal-massa (% m/m) tiegħu tkun partikoli b’daqs ta’ inqas minn 0.5 mm.
(17) L-applikazzjonijiet ġenerali tal-PAC huma t-trattament ta’ l-ilma (l-ilma għax-xorb kif ukoll it-trattament ta’ l-ilma skart), il-purifikazzjoni tal-gass u ta’ l-arja, l-irkupru tas-solvent, it-tneħħija tal-kulur taz-zokkor, iż-żjut u x-xaħmijiet veġetali, it-tneħħija tar-riħa u l-purifikazzjoni ta’ prodotti differenti fl-industriji kimiċi (jiġifieri l-aċidi organiċi), farmaċewtiċi (jiġifieri kapsuli gastrointestinali) jew ta’ l-ikel (jiġifieri x-xorb alkoliku u minerali).
(18) L-investigazzjoni preżenti kkonfermat li l-PAC prodott u mibjugħ mill-produtturi Komunitarji u l-PAC impurtat mir-RPĊ kif ukoll il-PAC prodott u mibjugħ fil-pajjiż analogu (USA) għandhom l-istess karatteristiċi fiżiċi u tekniċi u huma identiċi fl-aspetti kollha. Għalhekk, huma meqjusa li huma prodotti simili fit-tifsira ta’ l-Artikolu 1(4) tar-Regolament bażiku.
IL-PROBABBILTÀ TA’ L-ISSUKTAR U/JEW IR-RIKORRENZA TA’ L-IDDAMPJAR Rimarki preliminari
(19) Bi qbil ma’ l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku, l-għan ta’ reviżjoni ta’ skadenza huwa biex jiġi stabbilit jekk l-iskadenza tal-miżuri aktarx twassal għal issuktar jew rikorrenza ta’ l-iddampjar.
(20) Fil-bidu, il-volumi esportati lill-Komunità matul il-PIR ġew eżaminati. Għandu jiġi nnotat li ladarba l-ebda produttur esportatur Ċiniż u l-ebda importatur fil-Komunità ma kkoopera fl-investigazzjoni preżenti, id-data dwar l-esportazzjonijiet ġiet stabbilita skond l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, jiġifieri fuq il-bażi ta’ tagħrif disponibbli. F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li ebda produttur esportatur Ċiniż jew importatur Komunitarju ma kien ikkoopera fl-ewwel investigazzjoni għar-reviżjoni ta’ l-iskadenza. Madankollu, mindu twaqqaf id-dazju definittiv kontra l-iddampjar fl-1996, l-istatistika tal-Komunità saret disponibbli għal importazzjonijiet tal-PAC. Din l-istatistika ġiet ikkonfermata minn tagħrif ta’ riċerka tas-suq ippreżentat mill-industrija Komunitarja. Fuq din il-bażi, u fl-assenza ta’ tagħrif ieħor ta’ min joqgħod fuqu aktar, din l-istatistika ntużat. Din uriet li matul il-PIR, madwar 529 tunnellata metrika ta’ PAC ġew impurtati miċ-Ċina fil-Komunità. Din il-kwantità hija żgħira meta mqabbla mal-kwantità impurtata fil-Komunità qabel it-twaqqif tal-miżuri, iżda xorta waħda rrappreżentat iktar minn 1 % tal-konsum tal-PAC fil-Komunità matul il-PIR. Madankollu, sar kalkolu indikattiv ta’ l-iddampjar.
Possibilità ta’ ssuktar ta’ l-iddampjar
(21) Fil-kuntest tal-possibilitá ta’ l-issuktar ta’ l-iddampjar, ġie investigat jekk l-iddampjar ta’ l-esportazzjonijiet mir-RPĊ kienx qiegħed isir fil-waqt. Dan sar bil-ħsieb li, jekk kien qed iseħħ l-iddampjar f’dak il-waqt, dan kien ikun indikazzjoni importanti li l-iddampjar aktarx ikompli fil-futur, jekk il-miżuri jitħallew jiskadu.
Il-Pajjiż analogu
(22) Minħabba li r-RPĊ hija ekonomija fi transizzjoni, il-valur normali ġie stabbilit fuq il-bażi ta’ tagħrif miksub f’pajjiż terz xieraq b’ekonomija tas-suq magħżul bi qbil ma’ l-Artikolu 2(7) tar-Regolament bażiku.
(23) L-Istati Uniti ntagħżel bħala l-pajjiż analogu xieraq fl-investigazzjoni oriġinali u fl-ewwel reviżjoni ta’ l-iskadenza. Kif indikat fl-Avviż tat-Tnedija, il-Kummissjoni ħasbet li tuża wkoll l-Istati Uniti bħala l-pajjiż analogu xieraq fl-investigazzjoni preżenti. F’dan ir-rigward, l-investigazzjoni żvelat li l-Istati Uniti kien il-pajjiż analogu l-aktar xieraq għar-raġunijiet li ġejjin: L-Istati Uniti huwa wieħed mill-akbar pajjiżi produtturi tal-PAC fid-dinja. Ċifri sottomessi mill-produttur li kkoopera fl-Istati Uniti u l-produtturi tal-Komunità fit-talba ta’ reviżjoni wrew li l-volum ta’ produzzjoni taż-żewġ pajjiżi huwa paragunabbli. Barra minn hekk, kif imsemmi fil-premessa (18), il-PAC prodott u mibjugħ fl-Istati Uniti nstab li huwa prodott simili għall-PAC prodott fir-RPĊ u esportat lejn il-Komunità. Il-bejgħ domestiku tal-produttur li kkoopera ta’ l-Istati Uniti (f’termini ta’ volum) kien rappreżentattiv meta pparagunat ma’ l-importazzjonijiet tal-PAC mir-RPĊ fil-Komunità. Fl-aħħarnett, instab li l-livell ta’ kompetizzjoni fl-Istati Uniti kien għoli ħafna. Tabilħaqq, minbarra l-kompetizzjoni fost bosta produtturi fl-Istati Uniti, kien hemm ukoll kompetizzjoni minn PAC impurtat (prinċipalment mir-RPĊ, is-Sri Lanka u l-Filippini), li seta’ jiġi impurtat mingħajr restrizzjonijiet kwantitattivi jew dazji fuq l-importazzjoni. Barra minn hekk, il-produttur ewlieni tal-PAC fl-Istati Uniti kien lest jikkoopera.
(24) Meta jitqies dak li ssemma hawn fuq, u billi ma waslux kummenti dwar l-għażla tal-pajjiż analogu mill-partijiet interessati, l-Istati Uniti konsegwentement intgħażlu bħala l-pajjiż analogu l-aktar xieraq.
Il-valur normali
(25) Bi qbil ma’ l-Artikolu 2(1) tar-Regolament bażiku, ġie analizzat jekk il-bejgħ domestiku rappreżentattiv tal-PAC fl-Istati Uniti, meta jitqies il-prezz mitlub, sarx waqt kummerċ ordinarju. F’dan ir-rigward, ġie eżaminat jekk il-bejgħ domestiku sarx bi qligħ. Għal dan il-għan, l-ispiża sħiħa ta’ produzzjoni għal kull grad matul il-PIR tqabblet mal-prezz medju tat-tranżazzjonijiet tal-bejgħ ta’ kull grad li saru fl-istess perjodu. Instab li l-biċċa l-kbira tal-bejgħ sar bi qligħ. L-investigazzjoni żvelat ukoll li l-bejgħ kollu sar lil pajjiżi indipendenti. B’riżultat ta’ dan, il-prezzijiet imħallsa jew dovuti għall-PAC minn klijenti indipendenti fis-suq domestiku ta’ l-Istati Uniti waqt kummerċ ordinarju intużaw biex jiġi stabbilit il-valur normali skond l-Artikolu 2(1) tar-Regolament bażiku.
Il-prezz ta’ l-esportazzjoni
(26) Kif issemma hawn fuq, ebda produttur esportatur Ċiniż jew importatur tal-PAC fil-Komunità ma kkoopera f’din l-investigazzjoni tar-reviżjoni ta’ l-iskadenza. Għalhekk, il-prezz ta’ l-esportazzjoni ġie stabbilit fuq il-bażi ta’ fatti disponibbli bi qbil ma’ l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku. Kif issemma diġà fil-premessa (20) hawn fuq u fin-nuqqas ta’ kwalunkwe informazzjoni oħra affidabbli, dan sar b’referenza għall-prezz medju mill-istatistika dwar l-importazzjonijiet ta’ l-Eurostat (TARIC) matul il-PIR.
Il-paragun
(27) Bil-għan li jiġi żgurat paragun ġust bejn il-valur normali u l-prezz ta’ l-esportazzjoni, tqiesu d-differenzi fil-fatturi, li nstabu li jaffettwaw il-prezzijiet u l-paragun tal-prezzijiet, bi qbil ma’ l-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku. F’dan ir-rigward, saru aġġustamenti għad-differenzi fit-trasport tal-merkanzija bil-baħar, l-assigurazzjoni u t-trasport fuq l-art. Fin-nuqqas ta’ informazzjoni mill-produtturi esportaturi Ċiniżi, l-aġġustamenti fil-prezz ta’ l-esportazzjoni ġew ibbażati fuq il-fatti disponibbli, f’dan il-każ fuq informazzjoni relevanti mogħtija fit-talba għar-reviżjoni.
Il-marġni ta’ ddampjar
(28) It-tqabbil tal-valur normali medju ddifferenzjat mal-prezz medju ddifferenzjat ta’ l-esportazzjoni tal-gradi kollha wera li l-esportazzjonijiet tal-PAC fil-Komunità kienu għadhom qed jiġu ddampjati b’marġni sostanzjali matul il-PIR. Il-marġni ta’ ddampjar kien daqs l-ammont li bih il-valur normali qabeż il-prezzijiet għall-esportazzjonijiet fil-Komunità. Il-marġni ta’ ddampjar medju ddifferenzjat qabeż l-20 %. Minkejja li dan il-marġni ta’ ddampjar kellu jkun ibbażat, fil-biċċa l-kbira, fuq il-fatti disponibbli minħabba n-nuqqas ta’ kooperazzjoni tal-produtturi esportaturi Ċiniżi, huwa madankollu indikattiv ta’ l-imġiba attwali taċ-Ċiniżi fl-esportazzjoni. Ovvjament, li kieku kien hemm kooperazzjoni mill-produtturi esportaturi Ċiniżi, dan kien jippermetti kalkolu iktar preċiż.
L-iżvilupp ta’ l-esportazzjonijiet lill-Komunità f’każ li l-miżuri jiskadu
(29) Ġie eżaminat ukoll kif l-esportazzjonijiet tal-PAC mir-RPĊ lill-Komunità jiżviluppaw jekk jiskadu l-miżuri. Għal dak il-għan, ġew eżaminati l-kapaċità ta’ produzzjoni żejda fir-RPĊ, il-volum ta’ l-esportazzjoni u s-suq domestiku fir-RPĊ kif ukoll l-imġiba tal-prezz Ċiniż fir-rigward ta’ pajjiżi terzi oħra. Fl-assenza ta’ kooperazzjoni minn produtturi esportaturi, intuża tagħrif ta’ riċerka tas-suq ippreżentat mill-industrija tal-Komunità.
Il-kapaċità ta’ produzzjoni, is-suq domestiku fiċ-Ċina u l-volum ta’ esportazzjoni
(30) It-tagħrif li kellha l-Kummissjoni wera li r-RPĊ, b’madwar 300 manifattur, hija l-akbar produttur u esporatur tal-karbon attivat (granulari u fi trab) fid-dinja. Matul il-PIR, il-kapaċità ta’ produzzjoni Ċiniża tal-PAC kienet stmata għal madwar 190000 tunnellata, li minnhom madwar 70000 tunnellata nbiegħu fis-suq domestiku u madwar 60000 tunnellata ġew esportati. Għalhekk, kienet disponibbli kapaċità żejda ta’ madwar 60000 tunnellata. Wieħed għandu jinnota li din il-kapaċità żejda tisboq il-konsum tal-Komunità fil-PIR.
(31) Is-swieq ewlenija għall-esportazzjoni tal-PAC Ċiniż kienu x-Xlokk ta’ l-Ażja, ir-Repubblika tal-Korea, l-Istati Uniti ta’ l-Amerika u l-Ewropa. Madankollu, skond l-evidenza li tressqet mill-industrija tal-Komunità, il-bżonn addizzjonali għal PAC impurtat f’pajjiżi terzi huwa minimu u l-kapaċità li jiġu assorbiti aktar esportazzjonijiet Ċiniżi għalhekk tkun kważi negliġibbli. Barra minn hekk, wieħed għandu jinnota li għadd ta’ swieq potenzjali għall-esportazzjoni fir-reġjun ta’ l-Ażja, bħall-Indja u l-Indoneżja, japplikaw tariffi tad-dwana għoljin fuq il-PAC.
(32) Fuq il-bażi tad-data disponibbli, huwa stmat li l-rata annwali ta’ tkabbir tal-konsum domestiku, il-produzzjoni u l-kapaċità ta’ produzzjoni tal-PAC fir-RPĊ se tkun ta’ madwar 5 %. Meta wieħed iqis li l-Istati Uniti imponew miżuri kontra l-iddampjar fuq PAC Ċiniż attivat bl-istim f’April 2007 (jiġifieri wara l-PI), l-esportazzjonijiet jistgħu saħansitra jonqsu. Għalhekk, il-kapaċitajiet żejda ċertament mhux se jonqsu iżda aktarx saħansitra se jiżdiedu fil-ġejjieni.
(33) Barra minn hekk, skond l-informazzjoni li għandha l-Kummissjoni, l-industrija Ċiniża tal-karbon attivat bħalissa qed taffaċċja problemi finanzjarji, partikolarment minħabba li l-utilizzazzjoni baxxa tal-kapaċità qed twassal għal żieda fl-ispejjeż. Dan iżid ukoll il-pressjoni biex issir esportazzjoni bi prezzijiet iddampjati sabiex ikun hemm aktar ekonomiji ta’ l-iskala.
(34) F’dawn iċ-ċirkostanzi, li kieku kellhom jitneħħew il-miżuri u l-Komunità ssir suq attraenti għall-esportazzjoni, aktarx li l-produtturi Ċiniżi jżidu l-utilizzazzjoni tal-kapaċità tagħhom sabiex jesportaw volumi sinifikanti u, għalhekk, inaqqsu l-ispejjeż tagħhom u jtejbu s-sitwazzjoni finanzjarja.
L-imġiba tal-prezzijiet fi swieq ta’ pajjiżi terzi
(35) Analiżi tal-prezzijiet ta’ esportazzjonijiet Ċiniżi lejn pajjiżi terzi oħra, bħall-Istati Uniti, żvelat li l-esportazzjonijiet tal-PAC saru wkoll bi prezzijiet baxxi ħafna u wkoll iddampjati b’rati sinifikanti ħafna (ogħla mill-marġni ta’ ddampjar stabbilit fl-investigazzjoni preżenti għar-reviżjoni ta’ l-iskadenza, ara l-premessa (28) hawn fuq). Huwa ovvju li hemm prassi ta’ ddampjar fl-esportazzjonijiet Ċiniżi ta’ dan il-prodott.
(36) Konsegwentement, jekk jitneħħa d-dazju kontra l-iddampjar, is-suq Komunitarju aktarx jattira kwantitajiet kbar ta’ PAC Ċiniż bi prezzijiet baxxi ddampjati. F’dan ir-rigward, wieħed għandu jinnota wkoll li l-importazzjonijiet Ċiniżi baqgħu preżenti, għalkemm fi kwantitajiet iżgħar, fis-suq Komunitarju mindu ġew imposti l-miżuri kontra l-iddampjar fl-1996, u dan jiffaċilita ż-żieda fl-importazzjonijiet jekk il-miżuri jitħallew jiskadu.
Konklużjoni fuq il-possibbiltà li l-iddampjar jissokta
(37) L-importazzjonijiet tal-PAC Ċiniż matul il-PIR saru f’livelli ogħla mil-livelli de minimis u xorta ġew iddampjati. Ġie stabbilit li l-iddampjar baqa’ sejjer u li hemm possibbiltà qawwija li jissokta jekk dawn il-miżuri jitħallew jiskadu. Barra minn hekk, f’każ bħal dan aktarx li l-esportazzjonijiet tal-PAC Ċiniż fil-Komunità jiżdiedu sostanzjalment (u jmorru lura għallinqas għal-livelli li nstabu fl-investigazzjoni oriġinali) billi hemm kapaċitajiet żejda sinifikanti disponibbli fir-RPĊ. Il-prezzijiet ta’ dawn il-kwantitajiet addizzjonali ta’ importazzjonijiet aktarx li jiġu ddampjati kollha f’livelli sinifikanti.
ID-DEFINIZZJONI TA’ L-INDUSTRIJA TAL-KOMUNITÀ
(38) L-investigazzjoni wriet li l-PAC bħalissa qed jiġi prodott minn għadd limitat ta’ produtturi fil-Komunità. Iż-żewġ produtturi applikanti u żewġ produtturi oħra, li ma kkooperawx fl-investigazzjoni, isegwu l-proċess tradizzjonali fejn il-materja prima neċessarja titħallat biex jinkiseb PAC bi proċessi ta’ attivazzjoni.
(39) Instab ukoll li ċerti produtturi oħra fil-Komunità jipproduċu PAC billi jitħnu GAC impurtat mir-RPĊ. Fuq il-bażi ta’ estimi miksuba mill-industrija Komunitarja, mill-GAC li qed jiġi impurtat mir-RPĊ, madwar 10000 tunnellata qed jiġu mitħuna f’PAC fil-Komunità. Tabilħaqq, produttur ieħor li kkoopera mal-Kummissjoni matul l-investigazzjoni mmanifattura l-PAC b’dan il-mod. Madankollu, kif kien il-każ fl-ewwel investigazzjoni ta’ reviżjoni, dawn il-kwantitajiet ma ġewx inklużi fil-kalkolu tal-produzzjoni totali Komunitarja u fil-konsum Komunitarju.
(40) Iż-żewġ produtturi Komunitarji, li f’isimhom tressqet it-talba għar-reviżjoni, kkoperaw fl-investigazzjoni. Dawn irrappreżentaw aktar minn 80 % tal-produzzjoni tal-Komunità tal-PAC u għalhekk jikkostitwixxu l-industrija tal-Komunità skond it-tifsira ta’ l-Artikoli 4(1) u 5(4) tar-Regolament bażiku.
(41) Billi l-industrija Komunitarja tikkonsisti minn żewġ produtturi Komunitarji, l-informazzjoni dwar l-industrija Komunitarja kellha tiġi indiċjata kull fejn xieraq biex titħares il-kunfidenzjalità ta’ data sensittiva.
IL-QAGĦDA TAS-SUQ TAL-KOMUNITÁ Il-konsum fis-suq tal-Komunità
(42) Il-konsum Komunitarju (UE-27) ġie stabbilit fuq il-bażi ta’:
Bejgħ fis-suq Komunitarju miż-żewġ produtturi Komunitarji li kooperaw
Bejgħ fis-suq Komunitarju mill-produtturi Komunitarji tal-PAC li ma kooperawx (kif stmat mill-applikant)
Statistika dwar l-importazzjonijiet miksuba mill-Eurostat.
(43) Kif issemma diġà fil-premessa (39), hemm ċerti kwantitajiet ta’ PAC li qed jiġu mmanifatturati billi jiġi mitħun il-GAC impurtat mir-RPĊ, li ma ġewx inklużi fil-kalkolu tal-konsum Komunitarju.
(44) Fuq il-bażi ta’ dan hawn fuq, il-konsum Komunitarju ta’ PAC żdied b’7 % fil-perjodu meqjus. Żieda bejn l-2003 u l-2005 ta’ 10 % ġiet segwita bi tnaqqis żgħir fl-2006; wara dan, il-konsum baqa’ stabbli matul il-PIR. 2003 2004 2005 2006 PIR Konsum (tunnellati) 38163 39499 41983 40697 40783 Indiċi (2003 = 100) 100 104 110 107 107
Importazzjonijiet attwali mir-RPĊ Volum u sehem mis-suq
(45) Abbażi ta’ l-informazzjoni mill-Eurostat, l-iżvilupp tal-volumi u s-sehem mis-suq ta’ l-importazzjonijiet tal-PAC mir-RPĊ jinsab fit-tabella hawn taħt. Il-volum ta’ l-importazzjonijiet mir-RPĊ żdied fil-perjodu meqjus b’55 %, iżda s-sehem mis-suq tagħhom baqa’ kumplessivament taħt it-2 %. 2003 2004 2005 2006 PIR Volum ta’ importazzjonijiet (tunnellati) 341 662 600 515 529 Indiċi (2003 = 100) 100 194 176 151 155 Is-sehem mis-suq 0,9 % 1,7 % 1,4 % 1,3 % 1,3 %
Imġiba tal-prezz ta’ l-importazzjonijiet
(46) Il-prezzijiet medji ta’ l-importazzjoni tal-PAC li oriġina mir-RPĊ, kif miksuba mill-Eurostat u bl-addizzjoni ta’ l-ispejjeż ta’ wara l-importazzjoni u d-dazji doganali u ta’ kontra l-iddampjar, urew żieda pjuttost moderata ta’ 8 % fil-perjodu meqjus kif jidher fit-tabella li ġejja. 2003 2004 2005 2006 PIR Prezz (EUR/tunnellata) 1169 1104 1187 1217 1267 Indiċi (2003 = 100) 100 94 102 104 108
(47) Fin-nuqqas ta’ data dettaljata tal-bejgħ mill-produtturi esportaturi fir-RPĊ, il-Kummissjoni kellha tqabbel il-prezzijiet aġġustati ta’ l-importazzjoni miksuba mill-Eurostat mal-prezzijiet medji tal-bejgħ ex works ta’ l-industrija Komunitarja kumplessivament, jiġifieri mingħajr distinzjoni bejn il-gradi differenti tal-PAC. Dan it-tqabbil wera li l-prezzijiet Ċiniżi ta’ l-esportazzjoni fil-PIR kienu bejn 25 % u 30 % inqas mill-prezzijiet mitluba mill-industrija Komunitarja fl-istess perjodu.
Importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħra
(48) L-importazzjonijiet ta’ PAC minn pajjiżi oħra mhux ir-RPĊ żdiedu sewwa fil-perjodu meqjus minn madwar 7300 tunnellata fl-2003 għal 10000 tunnellata fil-PIR, u dan jirrappreżenta ishma mis-suq ta’ madwar 19 % u 25 % rispettivament. Il-pajjiżi esportaturi ewlenin kienu l-Malażja, l-Indoneżja, il-Filippini u l-Istati Uniti.
(49) Filwaqt li l-importazzjonijiet mill-Istati Uniti naqsu bin-nofs, l-importazzjonijiet mill-Malażja, l-Indoneżja, u l-Filippini żdiedu minn 2800 tunnellata fl-2003 għal 6200 tunnellata fil-PIR, u dan jirrappreżenta sehem kombinat mis-suq tal-Komunità ta’ 15 % fil-PIR. L-investigazzjoni wriet li wħud mill-importazzjonijiet minn dawn it-tliet pajjiżi jikkonsistu f’PAC magħmul minn qxur tal-ġewż ta’ l-indi, li l-produtturi Komunitarji ma jistgħux jipproduċu huma nfushom minħabba n-nuqqas ta’ disponibilità tal-materja prima kkonċernata,. Għalhekk, partijiet minn dawn l-importazzjonijiet rriżultaw mill-industrija Komunitarja nnifisha sabiex iżidu mal-firxa tagħhom ta’ PAC li joffru lill-utenti Komunitarji.
(50) Fir-rigward tal-prezzijiet, il-prezzijiet medji ta’ l-importazzjonijiet mill-Malażja, l-Indoneżja u l-Filippini kienu inqas minn dawk ta’ l-industrija Komunitarja. Il-prezzijiet ta’ l-importazzjonijiet mill-Malażja u l-Indoneżja kienu fl-istess firxa bħall-prezzijiet ta’ l-importazzjonijiet ta’ PAC mir-RPĊ, filwaqt li l-prezzijiet ta’ l-importazzjonijiet mill-Filippini żdiedu sostanzjalment fil-perjodu meqjus (37 %) u kienu 20 % iktar mill-prezzijiet Ċiniżi ta’ importazzjoni fil-PIR.
(51) Il-prezzijiet ta’ l-importazzjonijiet mill-Istati Uniti nstabu li huma ogħla sewwa minn dawk ta’ l-industrija Komunitarja. Il-biċċa l-kbira ta’ dawn l-importazzjonijiet huma gradi speċjalizzati ta’ PAC li jiksbu prezzijiet għoljin fis-suq Komunitarju.
(52) Fil-qosor, l-investigazzjoni wriet li xi importazzjonijiet ta’ PAC minn pajjiżi terzi huma komplemetari għall-produzzjoni ta’ l-industrija Komunitarja. Xi importazzjonijiet oħra saru bi prezzijiet li fil-biċċa l-kbira kienu ogħla mill-prezz medju mitlub mill-industrija Komunitarja. Kien hemm ukoll importazzjonijiet oħra li saru bi prezzijiet relattivament baxxi li jista’ jkollhom ċertu effett fuq is-suq Komunitarju. Madankollu, fuq il-bażi tax-xejriet li ġew osservati fil-perjodu meqjus, jidher li aktarx din is-sitwazzjoni ma għandhiex tespandi.
Qagħda ekonomika ta’ l-industrija Komunitarja Produzzjoni, kapaċità ta’ produzzjoni installata u rata ta’ l-utilizzazzjoni tal-kapaċità
(53) Il-kapaċità għall-produzzjoni tal-PAC tista’ tvarja skond it-taħlita ta’ komposti attivati ftit (inqas ħin fil-forn) u attivati ħafna (ħin itwal fil-forn). Għalhekk, il-kapaċità li tidher fit-tabella hawn taħt ġiet stabbilita fuq il-bażi ta’ taħlita ta’ PAC attivat ftit u PAC attivat ħafna li fil-fatt jiġi prodott. 2003 2004 2005 2006 PIR Produzzjoni (tunnellati) 100 105 95 100 100 Kapaċità ta’ produzzjoni installata (tunnellati) 100 90 85 86 86 Rata ta’ l-utilizzazzjoni tal-kapaċità 100 118 112 118 116
(54) Il-produzzjoni tal-PAC mill-industrija tal-Komunità kienet stabbli fil-perjodu meqjus, b’xi varjazzjonijiet fl-2004 u l-2005.
(55) Il-kapaċità installata naqset bejn l-2003 u l-2005. Dan it-tnaqqis kien konsegwenza tal-leġiżlazzjoni ambjentali introdotta fl-2003 mill-awtoritajiet lokali fi Stat Membru wieħed fejn jinsab impjant industrijali tal-Komunità. B’riżultat ta’ dan, il-produttur Komunitarju kkonċernat kellu jwaqqaf it-tħaddim ta’ wieħed mill-impjanti ta’ attivazzjoni tiegħu minħabba dawn ir-rekwiżiti ambjentali.
(56) B’konsegwenza diretta tat-tnaqqis fil-kapaċitajiet ta’ produzzjoni disponibbli, ir-rata ta’ l-utilizzazzjoni tal-kapaċità tnaqqset ukoll b’rata korrispondenti.
Il-volumi tal-bejgħ, is-sehem mis-suq tal-konsum Komunitarju, il-prezz medju tal-bejgħ u t-tkabbir 2003 2004 2005 2006 PIR Il-volumi tal-bejgħ 100 96 94 96 96 Is-sehem mis-suq 100 93 87 91 91 Il-prezzijiet medji tal-bejgħ 100 99 98 99 99 Tkabbir 100 96 92 95 96
(57) Il-volumi tal-bejgħ kienu 4 % inqas fil-PIR meta mqabbel mal-bidu tal-perjodu meqjus. Billi l-konsum tal-Komunità naqas b’7 % fil-perjodu meqjus (ara l-premessa (44) hawn fuq), is-sehem mis-suq ta’ l-industrija Komunitarja naqas b’9 % fil-perjodu meqjus. Minkejja dan it-tnaqqis fis-sehem mis-suq, is-sehem mis-suq ta’ l-industrija Komunitarja nżamm f’livell ogħla minn 50 % fil-perjodu meqjus.
(58) Il-prezzijiet medji tal-bejgħ ta’ l-industrija Komunitarja fis-suq tal-Komunità baqgħu pjuttost stabbli fil-perjodu meqjus. Il-prezzijiet stabbli tal-bejgħ fil-preżenza ta’ volumi inqas tal-bejgħ wasslu għal tkabbir negattiv ta’ 4 % fil-perjodu meqjus, u dan irrifletta t-tnaqqis fil-volumi tal-bejgħ bl-istess punti perċentwali.
Ħażniet 2003 2004 2005 2006 PIR Ħażniet 100 138 115 97 85
(59) Minħabba l-interruzzjoni ta’ waħda mil-linji ta’ produzzjoni tagħha fl-2004 (ara l-premessa (55) hawn fuq) u sabiex tkun tista’ taqdi lill-klijenti tagħha, l-industrija tal-Komunità kellha żżid temporanjament il-ħażniet tagħha. Madankollu, matul is-snin ta’ wara, il-livell tal-ħażniet reġa’ laħaq il-livelli inizjali, b’madwar 10 %–20 % tal-volumi ta’ produzzjoni.
Profitt, ir-redditu mill-investimenti u l-likwidità 2003 2004 2005 2006 PIR Profittabilità tal-bejgħ Komunitarju 100 383 337 200 226 Ir-redditu mill-investimenti 100 1051 692 215 348 Likwidità (f’% ta’ Bejgħ Komunitarju) 100 143 119 100 128
(60) Dawn it-tliet indikaturi segwew xejra simili (minkejja li sa punti differenti) fil-perjodu meqjus, jiġifieri żieda qawwija bejn l-2003 u l-2004 segwita bi tnaqqis gradwali sa tmiem il-PIR.
(61) L-evoluzzjoni tal-profittabilità, ir-redditu mill-investiment u l-likwidità bejn l-2003 u l-2004 għandha titqies fid-dawl tal-fatt li, fl-2003, ir-rendiment finanzjarju ta’ l-industrija tal-Komunità kien pjuttost batut, u l-profittabilità tal-bejgħ kien ftit ogħla mil-livell fejn id-dħul jibbilanċja l-infiq. Ir-rendiment baxx ta’ l-industrija tal-Komunità fl-2003 kien riżultat tad-diffikultajiet li ffaċċja wieħed mill-produtturi Komunitarji f’dik is-sena.
(62) It-tnaqqis fil-profitt bejn l-2005 u l-2006 kien parzjalment minħabba l-ispejjeż li l-industrija Komunitarja ġarrbet biex tissodisfa ċerti rekwiżiti ambjentali (ara l-premessa (55) hawn fuq).
(63) Il-produttur tal-PAC l-ieħor li kkoopera, li jitħan GAC impurtat f’PAC (ara l-premessa (39) hawn fuq), allega li l-industrija Komunitarja, minħabba li żiedet il-livelli tal-profitti tagħha fuq il-PAC bejn l-2003 u l-2006 kif muri fl-ilment, setgħet issostni l-bejgħ tagħha ta’ GAC. Fi kliem ieħor, allega li mindu l-PAC ġie protett, l-industrija Komunitarja setgħet titlob prezzijiet ogħla għal PAC u, minħabba f’hekk, allegatament titlob inqas għall-bejgħ tagħha ta’ GAC. Għal din ir-raġuni, din il-parti ma taqbilx ma’ l-issuktar tal-miżuri.
(64) Fir-rigward ta’ l-allegat sosteniment konġunt tal-GAC u l-PAC prodotti mill-industrija Komunitarja, wieħed jinnota li dan huwa parzjalment barra mill-ambitu ta’ din ir-reviżjoni billi l-profittabilità tal-bejgħ tal-GAC ma ġietx analizzata fil-qafas ta’ din l-investigazzjoni. Fir-rigward tal-livelli ta’ profitt, huwa nnutat li filwaqt li l-industrija Komunitarja kellha żieda qawwija fil-profittabililtà bejn l-2003 u l-2004, dan l-iżvilupp kien segwit minn perjodu ta’ tnaqqis fl-2006 u fil-PIR. Kif imsemmi fil-premessa (61) hawn fuq, iż-żieda qawwija bejn l-2003 u l-2004 għandha titqies fir-rigward tar-rendiment finanzjarju batut ta’ l-industrija Komunitarja fl-2003 milli fir-rigward tar-rendiment finanzjarju tajjeb fl-2004. Barra minn hekk, fil-perjodu meqjus, il-profittabilità ta’ l-industrija Komunitarja qatt ma kienet iktar minn 5.5 % fir-rigward tal-bejgħ tagħha tal-PAC fis-suq tal-Komunità. Għalhekk, il-possibilità allegata li ż-żieda fil-profittabilità fil-perjodu meqjus kienet f’livelli li kienu jippermettu lill-industrija Komunitarja tissussidja l-bejgħ tagħha ta’ prodotti oħra kellha tiġi mwarrba, billi l-profittabilità tal-bejgħ ta’ PAC f’dan il-perjodu kienet baxxa wisq biex tissostanzja l-allegazzjonijiet ta’ sosteniment konġunt.
Impjiegi, pagi u produttività 2003 2004 2005 2006 PIR Numru ta’ impjegati 100 97 88 90 90 Pagi/impjegat 100 100 99 100 97 Produttività (tunnellati/impjegat) 100 108 108 111 111
(65) Kif jidher fit-tabella hawn fuq, l-industrija Komunitarja naqqset l-għadd ta’ impjegati fil-perjodu meqjus b’madwar 10 %. Billi l-produzzjoni effettiva baqgħet stabbli fl-istess perjodu (ara l-premessa (54) hawn fuq), iż-żieda fil-produttività tirrifletti dawn iż-żewġ żviluppi.
(66) Barra minn hekk, il-pagi kienu pjuttost stabbli matul il-perjodu meqjus.
Investimenti 2003 2004 2005 2006 PIR Ivestimenti (EUR) 100 70 71 135 135
(67) It-tabella t’hawn fuq turi li matul l-2006 u l-PIR, l-industrija Komunitarja għamlet investimenti sinifikanti. Għal raġunijiet spjegati fil-premessa (55), dawn l-investimenti kienu b’riżultat ta’ rekwiżiti ambjentali.
Kapaċità għall-ħolqien ta’ kapital
(68) L-industrija Komunitarja ma rrapurtat ebda diffikultà fil-ħolqien ta’ kapital fil-perjodu meqjus.
L-ammont ta’ ddampjar
(69) Kif jidher hawn fuq, il-fatti disponibbli juru li l-marġni ta’ l-iddampjar jista’ jitqies bħala sinifikanti.
L-irkupru minn iddampjar fl-imgħoddi
(70) Kif diġà konkluż fir-reviżjoni preċedenti dwar l-iskadenza, minħabba l-miżuri kontra l-iddampjar li hemm fis-seħħ, l-industrija Komunitarja sa ċertu punt setgħet tirkupra minn iddampjar li seħħ fil-passat, iżda għadha f’qagħda vulnerabbli.
Attività ta’ esportazzjoni ta’ l-industrija tal-Komunità 2003 2004 2005 2006 PIR Volum ta’ bejgħ (tunnellati) għall-esportazzjoni 100 108 114 122 121 Il-prezzijiet medji tal-bejgħ (esportazzjoni) 100 94 96 99 101
(71) Il-volumi tal-bejgħ għall-esportazzjonijiet żdiedu matul il-perjodu meqjus, b’madwar 21 % bejn l-2003 u l-PIR.
(72) Il-prezzijiet medji tal-bejgħ tal-bejgħ ta’ l-esportazzjonijiet baqgħu stabbli meta jitqabblu l-prezzijiet tal-bejgħ ta’ l-esportazzjonijiet fl-2003 ma’ dawk fil-PIR. Filwaqt li l-prezzijiet waqgħu xi ftit fl-2004, l-industrija Komunitarja setgħet iżżid il-prezzijiet tagħha mill-2005.
Konklużjoni dwar il-qagħda fis-suq tal-Komunità
(73) Bejn l-2003 u l-PIR, l-indikaturi li ġejjin fir-rigward ta’ l-industrija Komunitarja żviluppaw b’mod pożittiv: profittabilità, redditu mill-investimenti, likwidità u utilizzazzjoni tal-kapaċità u ħażniet finali. Il-prezzijiet unitarji tal-bejgħ u l-produzzjoni baqgħu prattikament stabbli. Barra minn hekk, il-produttività żdiedet u l-industrija Komunitarja setgħet tinvesti sabiex tissodisfa ċerti rekwiżiti ambjentali.
(74) Bil-maqlub ta’ dan, l-indikaturi li ġejjin żviluppaw b’mod negattiv: il-volumi tal-bejgħ, is-sehem mis-suq u l-impjiegi. Barra minn hekk, il-kapaċità tal-produzzjoni naqset minħabba r-rekwiżiti ambjentali msemmija qabel.
(75) Kollox ma’ kollox, minkejja li s-sitwazzjoni hija mħallta, l-iżviluppi pożittivi jidhru li huma iktar mill-iżviluppi negattivi. Barra minn hekk, meta wieħed iqabbel ix-xejriet ta’ hawn fuq ma’ dawk li nstabu fl-investigazzjoni oriġinali, jidher ċar li l-miżuri fis-seħħ kontra l-iddampjar kellhom impatt pożittiv fuq is-sitwazzjoni ekonomika ta’ l-industrija Komunitarja. Madankollu, għandu jkun enfasizzat li anke indikaturi li juru żviluppi pożittivi, bħal, b’mod partikolari, il-profittabilità u r-redditu mill-investiment, għadhom xorta ‘l bogħod milli jilħqu l-livelli li jistgħu jkunu mistennija li kieku l-industrija Komunitarja rkuprat għal kollox mill-iddampjar dannuż tal-passat.
(76) Għalhekk ġie konkluż li, għalkemm is-sitwazzjoni ta’ l-industrija Komunitarja tjiebet, meta mqabbla mal-perjodu ta’ qabel l-impożizzjoni tal-miżuri, l-industrija Komunitarja għadha fraġli.
PROBABBILTÀ TA’ SSUKTAR JEW TA’ RIKORRENZA TAL-ĦSARA
(77) L-investigazzjoni wriet li l-kapaċitajiet żejda fir-RPĊ huma sostanzjali, u jisbqu l-konsum Komunitarju fil-PIR. Barra minn hekk, minħabba l-impożizzjoni mill-Istati Uniti ta’ miżuri kontra l-iddampjar għal importazzjonijiet ta’ PAC (attivat bl-istim) li joriġinaw fir-RPĊ, hemm riskju imminenti li, jekk il-miżuri jitħallew jiskadu, il-volumi li qabel kienu jiġu esportati lejn l-Istati Uniti jintbagħtu naħa oħra. Hemm riskju saħansitra ikbar billi l-prezzijiet li bihom il-PAC ġie impurtat lejn l-Istati Uniti kienu terġa’ orħos minn dawk li bihom kien jiġi impurtat fis-suq tal-Komunità.
(78) Barra minn hekk, il-prezzijiet li bihom qed jiġi impurtat il-PAC bħalissa ġew stabbiliti biex jiġu ddampjati u huma inqas sewwa mill-prezzijiet medji tal-bejgħ (u l-ispejjeż) ta’ l-industrija Komunitarja.
(79) Għalhekk, l-effett ikkombinat ta’ fatturi bħal: kollha jissuġġerixxu riskju serju ta’ rikorrenza tal-ħsara jekk il-miżuri jitħallew jiskadu.
il-kapaċitajiet żejda sinifikanti li jinsabu fir-RPĊ,
ir-riskju imminenti li l-kummerċ jiġi ddevjat minħabba l-impożizzjoni ta’ miżuri mill-Istati Uniti, u
il-livell baxx prevalenti tal-prezzijiet li bihom il-PAC li joriġina fir-RPĊ qed jiġi impurtat fil-Komunità kif ukoll fl-Istati Uniti
(80) Kif muri hawn fuq, għalkemm is-sitwazzjoni ta’ l-industrija Komunitarja tjiebet, meta mqabbla ma’ dik prevalenti qabel l-impożizzjoni tal-miżuri kontra l-iddampjar, xorta għadha fraġli. Aktarx li jekk l-industrija Komunitarja tiġi esposta għal volumi ikbar ta’ importazzjonijiet mir-RPĊ bi prezzijiet iddampjati, dan jirriżulta f’deterjorament tas-sitwazzjoni finanzjarja tagħha kif instab fl-investigazzjoni oriġinali. Abbażi ta’ dan, il-konklużjoni għalhekk hija li t-tneħħija tal-miżuri aktarx tirriżulta fir-rikorrenza tal-ħsara lill-industrija Komunitarja.
INTERESS TAL-KOMUNITÀ Rimarki preliminari
(81) Skond l-Artikolu 21 tar-Regolament bażiku, ġie eżaminat jekk l-issuktar tal-miżuri eżistenti kontra l-iddampjar imurx kontra l-interess tal-Komunità b’mod ġenerali. Id-determinazzjoni ta’ l-interess Komunitarju ssejset fuq stima ta’ l-interessi differenti kollha involuti. Din l-investigazzjoni tanalizza sitwazzjoni fejn il-miżuri kontra l-iddampjar kienu diġà fis-seħħ u tippermetti għal evalwazzjoni ta’ kwalunkwe impatt negattiv fuq il-partijiet ikkonċernati minħabba l-miżuri attwali kontra l-iddampjar.
(82) Fuq din il-bażi, ġie eżaminat jekk, minkejja l-konklużjonijiet dwar il-probabbiltà ta’ ssuktar jew rikorrenza ta’ ddampjar dannuż, kienx hemm raġunijiet b’saħħithom li jwasslu għall-konklużjoni li mhuwiex fl-interess tal-Komunità li jinżammu l-miżuri f’dan il-każ partikolari.
(83) Għal din ir-raġuni, minbarra lit-tliet produtturi msemmija fil-premessa (11), intbagħtu kwestjonarji lil produtturi oħra (inklużi dawk il-produtturi li qed jitħnu GAC impurtat f’PAC), erba’ fornituri Komunitarji, it-tliet importaturi Komunitarji li qablu li jikkooperaw (ara l-premessa (9) hawn fuq) u 37 utent imsemmija fl-applikazzjoni u/jew li taf bihom il-Kummissjoni.
Interess ta’ l-industrija Komunitarja
(84) Wieħed jista’ raġonevolment jistenna li l-industrija Komunitarja tkompli tibbenefika mill-miżuri imposti attwalment u tkompli tirkupra billi tirkupra s-sehem mis-suq u ttejjeb il-profittabilità. Jekk il-miżuri ma jinżammux, x’aktarx l-industrija Komunitarja terġa’ tibda ssofri ħsarat minn żieda fl-importazzjonijiet bi prezzijiet iddampjati mill-pajjiż ikkonċernat u s-sitwazzjoni finanzjarja fraġli tagħha bħalissa tkompli teħżien.
(85) Fuq din il-bażi, meta wieħed iqis li l-industrija Komunitarja tirrappreżenta iktar mill-maġġoranza tal-produzzjoni Komunitarja u li ż-żewġ produtturi Komunitarji li jikkostitwixxu l-industrija Komunitarja t-tnejn esprimew appoġġ għall-issuktar tal-miżuri, jista’ jiġi konkluż li l-issuktar tal-miżuri ikun fl-interess ta’ l-industrija Komunitarja.
L-interess ta’ fornituri Komunitarji
(86) Il-Kummissjoni rċeviet tweġibiet għall-kwestjonarju minn tliet fornituri Komunitarji tal-materja prima (lignite, pit u serratura) lill-industrija Komunitarja. It-tlieta li huma appoġġaw l-issuktar tal-miżuri u stqarru li parti sinifikanti mill-bejgħ tagħhom tkun fir-riskju jekk il-miżuri jitħallew jiskadu, u b’hekk l-istabbilità finanzjarja tagħhom titqiegħed fil-periklu.
(87) Ġie għalhekk konkluż li l-issuktar tal-miżuri ikun fl-interess tal-fornituri Komunitarji ta’ l-industrija tal-Komunità.
L-interess ta’ l-importaturi Komunitarji
(88) Kif imsemmi fil-premessa (8), il-Kummissjoni kkuntattjat 33 importatur li kienu elenkati fit-talba għal din ir-reviżjoni. Tliet importaturi biss qablu li jikkooperaw f’din l-investigazzjoni. Madankollu, l-ebda wieħed mit-tliet importaturi ma wieġeb għall-kwestjonarju mibgħut mill-Kummissjoni.
(89) Għalhekk, in-nuqqas ta’ interess li jikkooperaw ma’ l-investigazzjoni jista’ tabilħaqq jitqies bħala indikazzjoni li l-attivitajiet ta’ importazzjoni ta’ kull importatur tal-PAC mhux se jintlaqtu serjament mill-issuktar tal-miżuri.
L-interess ta’ l-utenti Komunitarji
(90) Kif imsemmi fil-premessa (83) hawn fuq, 37 utent ġew ikkuntattjati u ħafna minnhom kienu klijenti ta’ l-industrija Komunitarja. Fl-aħħar, waslu biss tliet tweġibiet għall-kwestjonarju.
(91) L-ebda wieħed minn dawn it-tliet utenti ma aċċetta li ssir verifika fuq il-post tat-tweġibiet tagħhom għall-kwestjonarju. Madankollu, mill-eżami tad-data mhux verifikata nstab li l-PAC, bħala medja ddifferenzjata, jirrappreżenta proporzjon żgħir ħafna mill-ispejjeż tat-tħaddim ta’ l-utenti kkonċernati.
(92) Fuq din il-bażi, ġie konkluż li l-attivitajiet ta’ kwalunkwe utent tal-PAC mhux se jkunu milquta serjament mill-issuktar tal-miżuri.
Konklużjoni dwar l-interess tal-Komunità
(93) Jekk jitqiesu l-interessi tal-partijiet kollha li ppreżentaw irwieħhom matul l-investigazzjoni, jidher li m’hemmx raġunijiet kbar fir-rigward ta’ l-interess Komunitarju kontra l-issuktar tal-miżuri kontra l-iddampjar.
DISPOŻIZZJONIJIET FINALI
(94) Il-partijiet kollha ġew infurmati bil-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li fuq il-bażi tagħhom kien maħsub li ssir rakkomandazzjoni li l-miżuri eżistenti dwar l-importazzjonijiet tal-PAC jinżammu. Ingħataw ukoll perjodu li fih ikunu jistgħu jagħmlu rappreżentazzjonijiet wara dan l-iżvelar.
(95) Minn dak li ntqal fuq jirriżulta, skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku, li l-miżuri kontra l-iddampjar applikabbli għall-importazzjonijiet tal-PAC li joriġinaw mir-RPĊ għandhom jinżammu.
DAZJI
(96) Fid-dawl tal-konklużjonijiet li ntlaħqu rigward l-issuktar ta’ l-iddampjar, il-probabbiltà ta’ rikorrenza tal-ħsara u l-interess Komunitarju, il-miżuri kontra l-iddampjar fuq l-importazzjonijiet ta’ PAC li joriġinaw mir-RPĊ għandhom jinżammu sabiex jipprevjenu li terġa’ ssir ħsara lill-industrija Komunitarja minħabba l-importazzjonijiet iddampjati.
(97) Il-livell attwali tad-dazju kontra l-iddampjar, ibbażat fuq livell tat-tneħħija tal-ħsara ta’ 38.6 %, huwa stipulat għal € 323/tunnellata (dazju fiss).
(98) Fir-rigward tal-livell tad-dazju, parti interessata waħda argumentat li, billi t-tneħħija tar-rifużjoni fuq il-VAT li l-produtturi esportaturi Ċiniżi jiksbu meta jesportaw prodotti miksuba minn materja prima mixtrija miċ-Ċina stess, il-marġnijiet ta’ l-iddampjar għandhom ikunu inqas.
(99) Madankollu, fin-nuqqas sħiħ ta’ kwalunkwe għamla ta’ kooperazzjoni mill-produtturi esportaturi Ċiniżi u n-nuqqas ta’ talba ta’ reviżjoni interim skond l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku, din il-bidla allegata ta’ l-ispiża tal-produzzjoni għall-prodotti esportati ma tistax tiġi sostanzjata u konsegwentement twarrbet,
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
1. Dazju definittiv kontra l-iddampjar huwa b’dan impost fuq l-importazzjonijiet ta’ trab tal-karbon attivat bil-kodiċi tan-NK ex38021000 (kodiċi TARIC 3802100020) li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina.
2. L-ammont tad-dazju definittiv kontra l-iddampjar għandu jkun 323 EUR kull tunnellata (użin nett).
3. Fil-każijiet fejn il-merkanzija tkun ġarrbet xi ħsarat qabel id-dħul tagħha fil-moviment ħieles u, għalhekk, il-prezz li jkun tħallas effettivament jew li jkun pagabbli ikun apporzjonat għad-determinazzjoni tal-valur tad-dwana skond l-Artikolu 145 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 tat-2 ta’ Lulju 1993 jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali Komunitarju, l-ammont ta’ dazju kontra l-iddampjar, ikkalkulat fuq il-bażi ta’ l-ammonti stipulati hawn fuq, għandu jitnaqqas b’persentaġġ li jikkorrispondi ma’ l-apporzjonament tal-prezz li kien effettivament imħallas jew li jkun pagabbli.
Artikolu 2 Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieћor, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet dwar id-dazji doganali li huma fis-seħħ.
Artikolu 3 Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha. Magħmul fi Brussell, 8 ta’ Lulju 2008. Għall-Kunsill Il-President C. Lagarde