Gelex

Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 662/2008 tat-8 ta’ Lulju 2008 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 442/2007 tad-19 ta’ April 2007 li jimponi dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet tan-nitrat ta’ l-ammonju li joriġina fl-Ukrajna wara reviżjoni ta’ skadenza skond l-Artikolu 11(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96

In forceVersion 2008-07-08from 2008-07-13
Grade B

mapped from publisher markup. A grade says how a document's structure was obtained, not how reliable the law is.

Ask Gelex about this law

Address https://gelex.eu/eli/EU/act/2008/662@2008-07-08/mt

Contents
  1. Preamble
  2. Artikolu 1
  3. (1)
  4. Artikolu 1a
  5. ANNEX

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 tat-22 ta’ Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ir-Regolament bażiku), u b’mod partikolari l-Artikolu 8 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mressqa mill-Kummissjoni wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv,

Billi: PROĊEDURA

(1) Fit-22 ta’ Jannar 2001, il-Kunsill impona, permezz tar-Regolament (KE) Nru 132/2001 tat-22 ta’ Jannar 2001 li jimponi dazju antidumping definittiv u li jiġbor definittivament id-dazju proviżorju fuq l-importazzjoni tan-nitrat ta’ l-ammonju li joriġina mill-Polonja u l-Ukrajna, u li jtemm il-proċedura antidumping fir-rigward ta’ l-importazzjonijiet li joriġinaw mill-Litwanja, dazju antidumping definittiv ta’ EUR 33.25 t-tunnellata fuq l-importazzjonijiet tan-nitrat ta’ l-ammonju li jaqa’ taħt il-kodiċi NM 31023090 u 31024090 u li joriġina, inter alia, fl-Ukrajna. Wara reviżjoni ta’ skadenza mibdija f’Jannar 2006, il-Kunsill, permezz tar-Regolament (KE) Nru 442/2007 2007, ġedded dawn il-miżuri fil-livell attwali tagħhom għal sentejn.

(2) Fid-19 ta’ Diċembru 2006, il-Kummissjoni ħabbret permezz ta’ notifika ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea, il-bidu ta’ reviżjoni interim parżjali li tikkonċerna importazzjonijiet fil-Komunità ta’ nitrat ta’ l-ammonju li joriġina fl-Ukrajna mat-talba ta’ Kumpanija b’Ishma Konġunti Miftuħa, (KIKM) Azot Cherkassy (minn hawn ‘il quddiem il-produttur esportatur). Is-sejbiet u l-konklużjonijiet definittivi tar-reviżjoni interim parzjali huma stabbiliti fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 237/2008 li temm ir-reviżjoni mingħajr ma ġew emendati l-miżuri antidumping fis-seħħ.

IMPENN

(3) Waqt ir-reviżjoni interim il-produttur esportatur esprima interess li joffri impenn għall-prezz iżda naqas milli jibgħat offerta sostanzjata sew qabel il-limitu taż-żmien skond l-Artikolu 8(2) tar-Regolament bażiku. Madankollu kif stipulat fil-premessi (46) u (47) tar-Regolament (KE) Nru 237/2008, il-Kunsill qies li l-produttur esportatur għandu eċċezzjonalment jitħalla jispiċċa l-offerta ta’ impenn tiegħu fi żmien għaxart ijiem kalendarji mid-dħul fis-seħħ ta’ dak ir-Regolament minħabba l-kumplessità ta’ bosta kwistjonijiet, fosthom: (1) il-volatilità tal-prezz tal-prodott ikkonċernat li jeħtieġ xi tip ta’ indiċi ta’ prezzijiet minimi, filwaqt li l-volatilità mhix spjegata biżżejjed mill-mutur ewlieni ta’ l-ispejjeż; u (2) il-qagħda partikolari tas-suq għall-prodott ikkonċernat. Wara l-pubblikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 237/2008 u qabel il-limitu taż-żmien stipulat f’dak ir-Regolament, il-produttur esportatur bagħat impenn aċċettabbli tal-prezz skond l-Artikolu 8(1) tar-Regolament bażiku.

(4) Il-Kummissjoni, permezz tad-Deċiżjoni 2008/577/KE aċċettat l-offerta ta’ impenn. Il-Kunsill jagħraf li l-offerta ta’ impenn telimina l-effett ta’ ħsara tad-dumping u tillimita għal grad suffiċjenti r-riskju ta’ evażjoni.

(5) Biex il-Kummissjoni u l-awtoritajiet tad-dwana jkunu jisgħu jissorveljaw b’mod effettiv l-osservanza ta’ l-impenn mill-kumpanija, meta tiġi ppreżentata t-talba lill-awtorità rilevanti tad-dwana għaċ-ċirkolazzjoni libera, l-eżenzjoni mid-dazju ta’ antidumping għandha tiddependi minn (i) preżentazzjoni ta’ fattura ta’ impenn, li tkun fattura kummerċjali li jkollha mill-anqas l-elementi msemmija u d-dikjarazzjoni stipulata fl-Anness; (ii) il-prodotti importati jkunu ġew manifatturati, mibgħuta u mogħnija b’fattura direttament mill-produttur esportatur imsemmi lill-ewwel klijent indipendenti fil-Komunità; u (iii) il-prodotti ddikjarati u ppreżentati lid-dwana jkunu jaqblu preċiżament mad-deskrizzjoni tal-fattura ta’ l-impenn. Meta l-kondizzjonijiet ta’ hawn fuq ma jiġux sodisfatti, id-dazju antidumping xieraq għandu jiġi impost fil-ħin meta ssir id-dikjarazzjoni għar-rilaxx fiċ-ċirkolazzjoni ħielsa.

(6) Kull meta, skond l-Artikolu 8(9) tar-Regolament bażiku, l-Kummissjoni tirtira l-aċċettazzjoni tagħha ta’ l-impenn wara xi ksur billi tirreferi għal tranżazzjonijiet partikolari u tiddikjara bħala invalidi l-fatturi ta’ impenn rilevanti, jiġi impost dejn doganali fil-ħin ta’ l-aċċettazzjoni tad-dikjarazzjoni għar-rilaxx għal ċirkolazzjoni ħielsa ta’ dawn it-tranżazzjonijiet.

(7) L-importaturi għandhom dejjem ikunu konxji li dejn doganali jista’ jiġġarrab, bħala riskju normali tan-negozju, fil-mument ta’ l-aċċettazzjoni tad-dikjarazzjoni għar-rilaxx f’ċirkolazzjoni ħielsa hekk kif deskritt fil-premessi (5) u (6), anke jekk impenn offrut mill-manifattur li minnu kienu qegħdin jixtru, direttament jew indirettament, kien ġie aċċettat mill-Kummissjoni.

(8) Skond l-Artikolu 14(7) tar-Regolament bażiku, l-awtoritajiet tad-dwana għandhom jinformaw minnufih lill-Kummissjoni kull meta jinstabu indikazzjonijiet ta’ xi vjolazzjoni ta’ l-impenn.

(9) Minħabba r-raġunijiet imsemmija hawn fuq, l-impenn offrut mill-produttur esportatur huwa għalhekk meqjus aċċettabbli mill-Kummissjoni, u l-produttur esportatur ikkonċernat ġie infurmat bil-fatti, il-kunsiderazzjonijiet u l-obbligi essenzjali li l-aċċettazzjoni hija bbażata fuqhom.

(10) Fil-każ ta’ ksur jew irtirar ta’ l-impenn jew fil-każ ta’ rtirar ta’ l-aċċettazzjoni ta’ l-impenn mill-Kummissjoni, id-dazju antidumping impost mill-Kunsill, skond l-Artikolu 9(4) għandu japplika awtomatikament skond l-Artikolu 8(9) tar-Regolament bażiku,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1 Ir-Regolament (KE) Nru 442/2007 huwa b’dan emendat kif ġej:

Artikolu 1

(1) L-Artikolu li ġej għandu jiddaħħal wara l-Artikolu 1:

(1)

Artikolu 1a

1. Minkejja l-Artikolu 1, id-dazju antidumping definittiv m’għandux japplika għall-importazzjonijiet rilaxxati għaċ-ċirkolazzjoni libera skond il-paragrafi ta’ wara dan l-Artikolu.

2. Importazzjonijiet ta’ fertilizzanti solidi b’kontenut ta’ nitrat ta’ l-ammonju li jaqbeż it-80 % tat-toqol li joriġina fl-Ukrajna, li jidħlu fil-kodiċi NM 31023090, 31024090, ex31022900, ex31026000, ex31029000, ex31051000, ex31052010, ex31055100, ex31055900 u ex31059091 għar-rilaxx f’ċirkolazzjoni ħielsa li huma fatturati mill-produttur esportatur li l-impenn tiegħu ġie aċċettat mill-Kummissjoni u li ismu huwa elenkat fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/577/KE, kif emendata minn żmien għal żmien, għandhom ikunu eżenti mid-dazju antidumping impost mill-Artikolu 1, bil-kundizzjoni li:

dawn jiġu manifatturati, mibgħuta u mogħnija b’fattura direttament mill-produttur esportatur lill-ewwel klijent indipendenti fil-Komunità; u

importazzjonijiet bħal dawn ikunu akkumpanjati minn fattura ta’ impenn li hija fattura kummerċjali li jkun fiha mill-anqas l-elementi u d-dikjarazzjoni stipulati fl-Anness għal dan ir-Regolament; u

il-prodotti ddikjarati u ppreżentati lid-dwana jikkorrispondu preċiżament mad-deskrizzjoni fuq il-fattura ta’ l-impenn.

3. Dejn doganali għandu jiġi mġarrab fil-ħin ta’ l-aċċettazzjoni tad-dikjarazzjoni għar-rilaxx fiċ-ċirkolazzjoni ħielsa:

kull meta jiġi stabbilit, fir-rigward ta’ l-importazzjonijiet deskritti fil-paragrafu 1, li ma tiġix sodisfatta waħda jew aktar mill-kundizzjonijiet imsemmija f’dak il-paragrafu; jew

meta l-Kummissjoni tirtira l-aċċettazzjoni ta’ l-impenn skond l-Artikolu 8(9) tar-Regolament bażiku f’Regolament jew Deċiżjoni li tirreferi għal tranżazzjonijiet partikolari jew tiddikjara invalidi l-fatturi rilevanti ta’ l-impenn.

(2) għandu jiġi miżjud l-Anness li ġej:

Artikolu 2 Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha. Magħmul fi Brussell, 8 ta’ Lulju 2008. Għall-Kunsill Il-President C. Lagarde

ANNEX

ANNESS

L-elementi li ġejjin għandhom jiġu indikati fil-fattura kummerċjali li takkumpanja l-bejgħ tal-kumpanija fil-Komunità ta’ prodotti li huma suġġetti għall-impenn:

(1) L-Intestatura FATTURA KUMMERĊJALI LI TAKKUMPANJA L-PRODOTTI SUĠĠETTI GĦAL IMPENN.

(2) Isem il-kumpanija li toħroġ il-fattura kummerċjali.

(3) In-numru tal-fattura kummerċjali.

(4) Id-data tal-ħruġ tal-fattura kummerċjali.

(5) Il-Kodiċi addizzjonali TARIC li l-prodotti fuq il-fattura għandhom jiġu rilaxxati permezz tiegħu mid-dwana fil-fruntiera tal-Komunità.

(6) Id-deskrizzjoni eżatta tal-prodotti, inklużi:

il-kodiċi NM użat għall-fini ta’ l-impenn,

il-kontenut ta’ nitroġenu (N) tal-prodott (f’perċentwali),

Kodiċi Taric,

kwantità (tingħata f’tunnellati).

(7) Id-deskrizzjoni tal-kundizzjonijiet ta’ bejgħ, inkluż:

prezz it-tunnellata,

it-termini applikabbli għall-ħlas,

it-termini applikabbli għall-kunsinna,

ir-roħs u r-ribass totali.

(8) Isem il-kumpanija li tagħmilha ta’ importatur fil-Komunità li l-fattura kummerċjali li takkumpanja l-prodotti suġġetti għall-impenn tinħareġ lilha direttament mill-kumpanija.

(9) Isem l-uffiċjal tal-kumpanija li ħareġ il-fattura kummerċjali u d-dikjarazzjoni ffirmata li ġejja: Jiena, hawn taħt iffirmat, niċċertifika li l-bejgħ għall-esportazzjoni diretta lejn il-Komunità Ewropea tal-prodotti koperti minn din il-fattura qiegħed isir fi ħdan l-ambitu u skond il-kundizzjonijiet ta’ l-Impenn offrut minn [KUMPANIJA], u aċċettata mill-Kummissjoni Ewropea permezz ta’ [DEĊIŻJONI 2008/577/KE]. Niddikjara li t-tagħrif mogħti f’din il-fattura huwa sћiћ u korrett..

Versions

  1. 2008-07-08