Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta’ April 2008 Dwar għajnuna mill-Istat Nru C 41/2007 (ex NN 49/2007) implimentata mir-Rumanija għal Tructoral (notifikata taħt id-dokument numru C(2008) 1102) (Il-verżjoni bir-Rumen biss hija awtentika) (Test b’relevanza għaż-ŻEE) (2008/767/KE)
Grade B
mapped from publisher markup. A grade says how a document's structure was obtained, not how reliable the law is.
Address https://gelex.eu/eli/EU/act/2008/767@2008-04-02/mt
Contents
IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,
Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 88(2) tiegħu,
Wara li kkunsidrat il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 62(1) (a) tiegħu,
Wara li talbet lill-partijiet interessati biex jissottomettu l-kummenti tagħhom skond id-dispożizzjonijiet imsemmija hawn fuq u wara li kkunsidrat il-kummenti tagħhom,
Billi: IL-PROĊEDURA
(1) Fis-17 ta’ Jannar 2007, il-Kummissjoni talbet informazzjoni ġenerali dwar numru ta’ impriżi pubbliċi Rumeni, inkluża SC Tractorul U.T.B. SA Brașov (minn hawn ‘il quddiem imsejħa Tractorul), fil-kuntest tal-proċedura ta’ likwidazzjoni volontarja. Ir-Rumanija bagħtet l-informazzjoni b’ittra datata l-15 ta’ Frar 2007. Il-Kummissjoni talbet aktar informazzjoni fit-8 ta’ Marzu u fit-22 ta’ Mejju 2007 u din inbgħatet mir-Rumanija b’ittri datati l-21 ta’ Marzu, il-25 ta’ Mejju u l-31 ta’ Mejju 2007. Saret laqgħa ma’ l-awtoritajiet Rumeni fit-3 ta’ Mejju 2007.
(2) Permezz ta’ ittri fil-5 ta’ Lulju 2007 u t-30 ta’ Lulju 2007, il-Kummissjoni ħeġġet lill-awtoritajiet Rumeni biex ineħħu l-kundizzjonijiet speċifiċi marbuta mal-kuntratt ta’ privatizzazzjoni ta’ Tractorul, filwaqt li fl-istess ħin indikat li n-nuqqas ta’ sospensjoni ta’ kwalunkwe għajnuna illegali jista’ jwassal għall-adozzjoni mill-Kummissjoni ta’ deċiżjoni fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 88(2) tat-Trattat tal-KE u ta’ l-Artikolu 11(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta’ Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (mandat ta’ sospensjoni).
(3) B’ittri fit-8 u l-10 ta’ Awwissu 2007, l-awtoritajiet Rumeni bagħtu informazzjoni addizzjonali.
(4) Il-Kummissjoni għarrfet lir-Rumanija, b’ittra datata l-25 ta’ Settembru 2007, li kienet iddeċidiet li tagħti bidu għall-proċedura stipulata fl-Artikolu 88(2) tat-Trattat tal-KE fir-rigward ta’ l-għajnuna illegali u li toħroġ mandat ta’ sospensjoni. Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tagħti bidu għall-proċedura flimkien mal-mandat ta’ sospensjoni ġiet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea. Il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati sabiex iressqu l-kummenti tagħhom dwar l-għajnuna.
(5) Permezz ta’ ittra fis-27 ta’ Novembru 2007, ir-Rumanija bagħtet il-kummenti tagħha. Flavus Investiți SRL (minn hawn ‘il quddiem Flavus) bagħtet il-kummenti tagħha permezz ta’ ittra fit-28 ta’ Novembru 2007, imbagħad dawn intbagħtu lir-Rumanija fil-5 ta’ Diċembru 2007. Ir-Rumanija bagħtet il-kummenti tagħha dwar il-kummenti ta’ Flavus b’ittra datata l-4 ta’ Jannar 2008.
(6) Il-Kummissjoni talbet informazzjoni addizzjonali permezz ta’ ittra fit-12 ta’ Diċembru 2007, u din ġiet mibgħuta permezz ta’ ittri fl-14 u l-15 ta’ Jannar 2008.
(7) Fid-19 ta’ Diċembru 2007, is-servizzi tal-Kummissjoni iltaqgħu mal-awtoritajiet Rumeni, flimkien mar-rappreżentatnti ta’ Flavus.
ID-DESKRIZZJONI L-impriża ikkonċernata
(8) Tractorul hija impriża statali. L-aġenzija pubblika Rumena tal-privatizzazzjoni, AVAS, għandha 80.17 % ta’ l-ishma, 17.15 % qegħdin f’fond ta’ investiment privat, SIF Transilvania, u l-bqija (2.67 %) huma ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi. Sa l-aħħar ta’ l-2006, Tractorul kienet produttriċi kbira ta’ tratturi u makkinarju għall-agrikoltura, bbażata fiż-żona industrijali viċin taċ-ċentru tal-belt ta’ Brașov, Tractorul kienet timpjega madwar 2300 ħaddiem.
(9) Fl-2006, Tractorul għamlet telf ta’ EUR 46 miljun u akkumulat dejn ta’ madwar EUR 250 miljun li EUR 200 miljun minnhom kienu dovuti lill-baġit ta’ l-Istat. Minħabba dan il-livell għoli ta’ telf u dejn, fit-23 ta’ Frar 2007 Tractorul waqqfet l-attivitajiet tagħha u daħlet f’likwidazzjoni volontarja skond l-Ordinanza ta’ Emerġenza Governattiva 3/2007.
(10) AVAS kienet ippruvat tipprivattizza l-kumpanija numru ta’ drabi, iżda ma rnexxielhiex.
(11) Tractorul hija bbażata fi Brașov, żona eliġibbli għall-għajnuna reġjonali skond l-Artikolu 87(3)(a) tat-Trattat tal-KE.
Deskrizzjoni tal-miżuri
(12) Fil-bidu ta’ l-2007, Tractorul akkumulat dejn sinifikanti, li ma setax jitħallas lura. Il-gvern Rumen, madanakollu, ippospona l-proċedura ta’ falliment għal sitt xhur, billi adotta il-GEO 3/2007, u matul dan iż-żmien, AVAS, bħala azzjonista, kellha tiddeċiedi jekk tipprivattizzax il-kumpanija jew tillikwidahiex volontarjament.
(13) Fit-23 ta’ Frar 2007, AVAS iddeċiediet li tillikwida l-kumpanija volontarjament. Għal dan il-għan, f’Mejju 2007, AVAS organizzat sejħa pubblika għall-offerti biex ikun maħtur likwidatur, u fl-istess ħin tiddetermina fid-dokumenti ta’ l-offerta l-iskop tal-likwidazzjoni: żewġ moduli funzjonali, jiġifieri l-produzzjoni tat-tratturi u l-produzzjoni ta’ komponenti tal-ħadid mikwi fil-forġa. Il-likwidatur Casa de Insolvență Transilvania (minn hawn ‘il quddiem CIT), rebaħ l-offerta u kien inkarigat mill-amministrazzjoni tal-bejgħ ta’ Tractorul.
(14) Wara l-identifikazzjoni ta’ l-assi li kienu l-oġġett tal-likwidazzjoni, fil-5 ta’ Lulju 2007, CIT organizza offerta fil-forma ta’ irkant għall-assi kollha tal-kumpanija, li jikkonsistu minn beni immbobbli (126 ettari ta’ art) kif ukoll il-bini tal-fabbrika, uffiċji u appartamenti, makkinarju, drittijiet ta’ proprjetà intelletwali u marki kummerċjali. Il-prezz inizjali għall-bejgħ ta’ kollox f’daqqa kien EUR 77035000.
(15) Numru ta’ impriżi ħabbru l-parteċipazzjoni tagħhom, iżda tnejn biss aċċettaw il-prezz inizjali ta’ EUR 77 miljun. Billi Flavus kienet l-ewwel impriża li ressqet l-offerta u l-kompetitur l-ieħor m’offriex prezz ogħla, Flavus rebħet l-offerta. Il-kuntratt-qafas tal-bejgħ u l-kuntratt tal-bejgħ u x-xiri ġew iffirmati ftit taż-żmien wara.
(16) Id-dokumenti ta’ l-offerta stipulaw numru ta’ obbligi għax-xerrej: li jżomm l-iskop ta’ l-attività, jiġifieri l-produzzjoni tat-tratturi, għal għaxar snin oħra; li jerġa’ jimpjega b’mod prijoritarju lill-ex ħaddiema ta’ Tractorul; jiżgura l-partijiet tal-bdil u s-servizz għas-senjtejn li ġejjin (garanzija) u l-għaxar snin ta’ wara (wara l-garanzija); iforni komponenti ta’ ħadid mikwi fil-forġa għal 5 snin oħra.
ID-DEĊIŻJONI GĦALL-BIDU TAL-PROĊEDURA TA’ INVESTIGAZZJONI FORMALI U GĦALL-ĦRUĠ TA’ MANDAT TA’ SOSPENSJONI
(17) Il-proċedura ta’ investigazzjoni formali nbdiet minħabba tħassib li l-proċess tal-likwidazzjoni kien fil-fatt privatizzazzjoni b’kundizzjonijiet magħha li jobbligaw il-kontinwazzjoni ta’ l-attività ta’ produzzjoni tal-kumpanija, li naqqset il-prezz tal-bejgħ, u għalhekk, setgħat tat vantaġġ għall-entità mibjugħa jew għax-xerrej.
(18) L-ewwel nett, skond l-informazzjoni disponibbli dak iż-żmien, li kienet prinċiparjament ibbażata fuq artikli fl-istampa, il-Kummissjoni għandha l-bażi biex tassumi li AVAS ħasbet li tagħmel ċerti kundizzjonijiet għall-bejgħ ta’ Tractorul li jiżguraw li jinżamm kif kien il-livell tal-produzzjoni attwali kif ukoll in-numru ta’ impiegati attwali. Il-Kummissjoni tissuspetta li dawn il-kundizzjonijiet kienu responsabbli li jnaqqsu l-prezz tal-bejgħ u setgħu żammew lura partijiet oħra possibilment interessati milli jitfgħu offerta.
(19) It-tieni, l-awtoritajiet Rumeni ma rnexxilhomx jipprovdu informazzjoni konklużiva li l-likwidazzjoni volontarja li nvolviet il-bejgħ tal-moduli funzjonali kienet tagħti l-iktar riżultat vantaġġjuż għall-Istat bħala azzjonist u għall-kredituri, kuntrarju għal likwidazzjoni ġuridika. Il-Kummissjoni għandha d-dubji jekk operatur f’ekonomija tas-suq kienx jgħaqqad flimkien art ta’ valur viċin taċ-ċentru tal-belt ta’ Brașov ma’ bini ta’ fabbrika u makkinarju skadenti minflok ma jikkategorizza l-art li ma kienitx neċessarja għall-attività tal-produzzjoni u jbigħha separatament, b’hekk possibilment iġib prezz ogħla.
(20) Billi, minkejja t-twissijiet ripetuti tal-Kummissjoni, l-awtoritajiet Rumeni għamlu sejħa pubblika għall–offerti għall-moduli vijabbli u kkonkludew il-kuntratt tal-bejgħ mar-rebbieħ ta’ l-offerta ftit wara, il-Kummissjoni ħarġet mandat ta’ sospensjoni dak il-ħin.
KUMMENTI MIR-RUMANIJA
(21) Ir-Rumanija targumenta li, meta AVAS biegħet il-moduli vijabbli ta’ Tractorul, hija aġġixxiet bħal operatur ekonomiku tas-suq, u ġabet l-ogħla prezz possibbli. Għalhekk, ma kien hemm ebda għajnuna mill-Istat involuta.
(22) L-ewwel nett, ir-Rumanija targumenta li Tractorul ma kinitx privatizzata, iżda fil-fatt ġiet illikwidata volontarjament. Waqt li l-privatizzazzjoni tinvolvi l-bejgħ ta’ l-ishma tal-kumpanija mill-Istat lill-partijiet terzi fil-waqt li l-kumpanija tibqa teżisti, il-likwidazzjoni volontarja tinvolvi l-bejgħ ta’ l-assi tal-kumpanija, il-ħlas tad-dejn lill-kredituri skond l-ordni stabbilit bil-liġi u t-tqassim ta’ l-ammont li baqa’ lill-azzjonisti. Fl-aħħar ta’ l-operazzjoni il-kumpanija ma tibqax teżisti u titħassar mir-reġistru tal-kumpaniji.
(23) Minbarra hekk, ir-Rumanija tispjega li l-likwidazzjoni volontarja tal-kumpanija kienet organizzata permezz ta’ sejħa għall-offerti miftuħa, trasparenti, mhux diskriminatorja u mingħajr kundizzjonijiet. Din is-sejħa għall-offerti kienet reklamata sew fl-istampa lokali u nazzjonali.
(24) L-offerta għall-moduli vijabbli kienet mingħajr kundizzjonijiet, biex il-preżż tal-bejgħ ma naqasx. Il-ftehim tal-bejgħ u xiri bejn Tractorul u Flavus ma jistipula ebda obbligu għax-xerrej li jżomm l-attività għal perjodu ta’ għaxar snin jew li jimpjega numru partikolari ta’ impjegati mill-kumpanija preċedenti. Għalhekk, il-prezz tal-bejgħ jirrappreżenta l-valur ta’ Tractorul fis-suq.
(25) It-tieni, ir-Rumanija targumenta li, għalkemm AVAS kellha l-intenzjoni li tbigħ iż-żewg moduli funzjonali separatament, il-likwidatur indipendenti, CIT, irrakkomanda wara valutazzjoni inizjali, il-bejgħ tal-pjattaforma industrijali kompleta f’daqqa, billi dan ikun iktar ta’ vantaġġ milli bejgħ biċċa biċċa, partikolarment billi l-pjattaforma industrijali għandha wkoll xi assi li mhumiex attrajenti (jiġifieri biċċiet ta’ art li m’għandhomx aċċess għall-infrastruttura lokali u/jew qegħdin viċin ta’ miżbla tal-belt, il-bini huwa qadim eċċ.), li probabilment ma kinux jinbigħu individwalment.
(26) Skond dan ir-rapport ta’ evalwazzjoni, is-somma ta’ l-assi totali inklużi fi Tractorul ammontat għal madwar EUR 100 miljun. Biex ikunu evitati spejjeż żejda ta’ likwidazzjoni u manutenzjoni tal-bejgħ ta’ l-assi individwalment, il-likwidatur offra l-assi kollha f’daqqa (modulu funzjonali) u kkalkola skont ta’ 23 %. Għalhekk, il-prezz iniżjali kien ta’ EUR 77 miljun u rrappreżenta il-valur fuq is-suq. Minbarra hekk, ebda kompetitur ieħor ma offra prezz ogħla.
(27) Fl-aħħar nett, ir-Rumanija spjegat li l-likwidazzjoni volontarja kienet possibbli skond il-liġi nazzjonali tal-kumpaniji (il-Liġi 31/1990) u skond il-liġi speċjali għat-tħaffif tal-privatizzazzjoni (il-Liġi 137/2002). Ir-Rumanija assigurat li l-likwidazzjoni volontarja kien proċess iktar mgħaġġel li jfisser inqas spejjeż għall-impriża. Fl-istess ħin, il-kredituri kellhom l-istess għodda ta’ kontroll disponibbli biex jiżguraw li d-drittijiet tagħhom ma jkunux vjolati.
KUMMENTTI MIBGĦUTA MINN PARTIJIET TERZI
(28) Permezz ta’ ittra tal-24 ta’ Ottubru 2007, Flavus intervjeniet bħala parti interessata fil-proċeduri tal-Kummissjoni.
(29) L-ewwel nett, Flavus targumenta li l-offerta ta’ Tractorul kienet miftuħa, trasparenti u mhux diskriminatorja. Din is-sejħa għall-offerti kienet reklamata sew fl-istampa lokali u nazzjonali.
(30) It-tieni, Flavus issostni li ma kien hemm ebda kundizzjonijiet bħala parti mill-bejgħ tal-moduli vijabbli ta’ Tractorul. Ir-rekwiżit li jinżamm l-iskop ta’ l-attività (jiġfieri l-produzzjoni tat-tratturi) għal għaxar snin oħra ma setax jikkwalifika bħala kundizzjoni billi ma tfissirx li hemm obbligu li verament ikunu prodotti t-tratturi. Minbarra hekk, Flavus tispjega li xtrat il-moduli vijabbli minħabba l-potenzjal ekonomiku ta’ l-art għal żvilupp ta’ propjetà immobbli u m’għandha ebda intenzjoni li terġa’ tibda l-produzzjoni tat-tratturi fuq is-sit. Għalhekk, ir-rekwiżit mhux ta’ xkiel, iżda biss proċedura amminstrattiva biex ikun reġistrat l-iskop ta’ l-attività mar-Reġistru tal-Kummerċ.
(31) Minbarra hekk, rigward l-obbligu li jkunu impiegati mill-ġdid bi prijorità l-ex ħaddiema ta’ Tractorul, Flavus targumenta li din ma kinetx kundizzjoni ta’ xkiel responsabbli li tnaqqas il-prezz tal-bejgħ.
(32) B’konkluzjoni, Flavus targumenta li dawn il-kundizzjonijiet marbuta mad-dokument ta’ l-offerta ma jnaqqsux il-prezz tal-bejgħ. Dan huwa rifless ukoll mir-rapport ta’ evalwazzjoni magħmul minn espert indipendenti maħtur mill-likwidatur biex jagħmel evalwazzjoni ta’ Tractorul.
EVALWAZZJONI L-eżistenza ta’ għajnuna statali fi ħdan it-tifsira ta’ l-Artikolu 87(1) tat-Trattat tal-KE
(33) L-Artikolu 87(1) tat-Trattat tal-KE jiddikjara li, ħlief fejn ipprovdut mod ieħor fit-Trattat, kull għajnuna mogħtija minn Stat Membru jew permezz tar-riżorsi ta’ l-istat li tgħawweġ jew thedded li tgħawweġ il-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew il-produzzjoni ta’ ċerti prodotti hija, fil-każ li taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri, inkompatibbli mas-suq komuni.
(34) L-Artikolu 295 tat-Trattat tal-KE jistipula li r-regoli Komunitarji huma newtrali fir-rigward ta’ proprjetà pubblika u privata. Skond l-Artikolu 86(1) tat-Trattat tal-KE, kumpaniji pubbliċi huma soġġetti l-istess għar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat.
(35) B’mod konformi mal-ġurisprudenza kostanti tal-Qrati Ewropej u mar-regoli u l-prattika żviluppata mill-Kummissjoni dwar l-għajnuna mill-Istat fil-kuntest ta’ privatizzazzjonijiet, meta Stat Membru għandu jew ibigħ impriżi, jew jakkwista jew ibigħ l-ishma f’impriżi, m’hemm ebda għajnuna mill-Istat jekk l-imġiba ta’ l-Istat Membru tkun l-istess bħal dik li jkollu investitur f’ekonomija tas-suq.
(36) Għalhekk, meta l-privatizzazzjoni sseħħ permezz ta’ bejgħ ta’ ishma fil-borża, ġeneralment hija kkunsidrata li hija skond il-kundizzjonijiet tas-suq u ma tinvolvix għajnuna. Meta l-privatizzazzjoni sseħħ permezz ta’ bejgħ kummerċjali, jista’ jkun ikkunsidrat bl-istess mod li ma kinitx involuta għajnuna jekk il-kundizzjonijiet li ġejjin jintlaħqu: l-ewwel nett, il-kumpanija tinbiegħ minn sejħa għall-offerti kompetittiva li hija miftuħa, trasparenti u mhux diskriminatorja; it-tieni, ma hija marbuta l-ebda kundizzjoni li mhijiex użata b’mod kurrenti fi tranżazzjonijiet komparabbli bejn partijiet privati u li hi kapaċi li tnaqqas potenzjalment il-prezz tal-bejgħ; it-tielet, il-kumpanija tinbiegħ lil min joffri l-iktar; u r-raba’, l-offerenti jridu jingħataw biżżejjed żmien u informazzjoni sabiex iwettqu valutazzjoni xierqa ta’ l-assi li qed issir offerta għalihom. F’każijiet oħra, il-bejgħ kummerċjali jrid jiġi eżaminat għal xi għajnuna possibbli u jrid għalhekk jiġi notifikat.
(37) F’dawn il-każijiet, li wieħed jevalwa jekk tranżazzjoni li tikkonċerna l-assi ta’ l-Istat tinvolvix l-għajnuna ġeneralment jirrikjedi li wieħed jiddetermina jekk operatur f’ekonomija tas-suq li jkun f’sitwazzjoni simili jkunx ġab ruħu bl-istess mod, jiġifieri jkunx biegħ il-kumpanija bl-istess prezz. Fl-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ l-investitur ekonomiku tas-suq, kunsiderazzjonijiet li mhumiex ekonomiċi, bħal raġunijiet ta’ politika industrijali, kunsiderazzjonijiet ta’ impjieg jew għanijiet ta’ żvilupp reġjonali, li ma jkunux aċċettabbli għall-operatur f’ekonomija tas-suq, ma jistgħux jitqiesu bħala raġunijiet sabiex jiġi aċċettat prezz aktar baxx imma, għall-kuntrarju, jindikaw l-eżistenza ta’ l-għajnuna. Dan il-prinċipju ġie spjegat ripetutament mill-Kummissjoni u kkonfermat kostantament mill-Qorti.
(38) Għalhekk, jekk xi wieħed mir-rekwiżiti imsemmija hawn fuq ma jiġix sodisfatt, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-bejgħ pubbliku għandu jiġi evalwat sabiex jiġi determinat jekk jinvolvix għanjuna mill-Istat u għalhekk għandux ikun notifikat. Għaldaqstant. il-konformità ma’ dawn ir-rekwiżiti tiżgura li l-Istat jikseb l-ogħla prezz, jiġifieri l-prezz tas-suq, għall-ishma tiegħu u għalhekk l-ebda għajnuna mill-Istat ma hija involuta.
(39) Bl-impożizzjoni ta’ ċerti kundizzjonijiet fuq ix-xerrej fil-privatizzazzjoni, l-Istat ibaxxi potenzjalment il-prezz tal-bejgħ u b’hekk jirrinunzja għal dħul addizzjonali. Barra minn hekk, xi kundizzjonijiet jistgħu jiskoraġġixxu lill-investituri potenzjalment interessati milli jissottomettu offerta fl-ewwel lok, għalhekk l-ambjent kompetittiv tas-sejħa għall-offerti jiġi mfixkel u anke l-offerta l-aktar għolja li eventwalment tiġi sottomessa mhux neċessarjament tirrappreżenta l-valur attwali tas-suq.
(40) Bl-impożizzjoni ta’ ċerti kundizzjonijiet sabiex b’hekk jiġi aċċettat li mhuwiex se jirċievi l-aħjar prezz għall-ishma jew l-assi li huma fil-pussess tiegħu, l-Istat ma jaġixxix bħala operatur f’ekonomija tas-suq, li normalment jipprova jikseb l-ogħla prezz possibbli. Minflok, l-Istat jagħżel li jbiegħ l-impriża bi prezz aktar baxx mill-valur tas-suq. Operatur f’ekonomija tas-suq ma jkollux interess ekonomiku li jagħmel kundizzjonijiet komparabbli (b’mod partikolari, iż-żamma tal-livell ta’ impjieg, il-kundizzjonijiet li huma ta’ benefiċċju għar-reġjun ġeografiku kkonċernat jew li jiżgura ċertu livell ta’ investiment) imma jbiegħ il-kumpanija lill-offerent li joffri l-iktar, li imbagħad ikun liberu li jiddetermina l-ġejjieni tal-kumpanija jew l-assi akkwistati.
(41) Dan ma jfissirx li l-kundizzjonijiet kollha fi privatizzazzjoni awtomatikament iwasslu għall-preżenza ta’ elementi ta’ għajnuna mill-Istat. L-ewwel nett, kundizzjonijiet li huma komuni wkoll fi tranżazzjonijiet bħal dawn bejn partijiet privati (jiġifieri ċertu kumpens standard, prova tal-qagħda finanzjarja ta’ l-offerent, jew konformità mar-regoli tas-suq tax-xogħol nazzjonali) ma jagħtu ebda problema. It-tieni, il-kundizzjonijiet li normalment ma jidhrux li huma preżenti fit-tranżazzjonijiet bejn persuni privati jirriżultaw biss fil-preżenza ta’ għajnuna mill-Istat sal-punt li jagħmluha possibbli li jitnaqqas il-prezz tal-bejgħ u li jista’ jingħata vantaġġ. Il-fatt li dawn il-kundizzjonijiet ma jirriżultawx f’għajnuna jrid jiġi muri f’kull każ ikkonċernat.
(42) Meta bdiet il-proċedura skond l-Artikolu 88(2) tat-Trattat, il-Kummissjoni kellha d-dubji jekk il-bejgħ ta’ Tractorul sarx fuq il-bażi ta’ offerta trasparenti, mhux diskriminatorja u mingħajr kundizzjonijet. Skond l-informazzjoni disponibbli f’dak l-istadju, li kienet ibbażata fuq artikli mill-istampa, il-Kummissjoni ssuspettat li, skond id-dokumenti ta’ l-offerta pubblikati minn AVAS biex taħtar likwidatur, AVAS iddeċidiet li tbiegħ Tractorul bħala moduli funzjonali u diġà fi stadju bikri għamlet il-kundizzjonijiet biex tiżgura l-manteniment ta’ l-attività tal-produzzjoni għal għaxar snin oħra u l-impieg mill-ġdid ta’ ħaddiema li kienu tat-Tractorul. Il-Kummissjoni kkunsidrat li dawn il-kundizzjonijiet setgħu ikunu responsabbli mit-tnaqqis tal-prezz tal-bejgħ, u għalhekk, meta għamilhom, l-Istat ma aġġixxiex bħala operatur f’ekonomija tas-suq. B’konklużjoni, il-kundizzjonijiet setgħu irriżultaw bħala għajnuna mill-Istat.
(43) Fuq il-bażi ta’ l-informazzjoni pprovduta mir-Rumanija, il-Kummissjoni nnutat li l-kundizzjonijiet marbuta mal-bejgħ ta’ Tractorul kienu fformulati b’mod li ma mponewx obbligi ta’ xkiel fuq ix-xerreja potenzjali, billi dawn kienu sempliċiment rekwiżiti formali. Il-kundizzjoni li jinżamm l-oġġett ta’ l-attività għal għaxar snin ta’ wara tirreferi għar-reġistrazzjoni ta’ l-iskop ta’ attività, jiġifieri l-produzzjoni ta’ tratturi u makkinarju agrikolu ieħor, fir-Reġistru tal-Kummerċ u ma tobbligax lix-xerrej biex ikompli jipproduċi t-tratturi effettivament. Ix-xerrej, Flavus, spjega li l-konsulent legali tiegħu kien ukoll ikkonferma li l-klawżola ma timplikax in-neċessità li ssir l-attività produttiva. F’kull każ, huma m’għandu ebda intenzjoni li jerġa’ jibda xi attività ta’ produzzjoni fis-sit.
(44) Bl-istess mod, l-obbligu li l-ex ħaddiema tat-Tractorul jingħataw prijorità jew li jkunu pprovduti l-partijiet u l-komponenti tal-bdil mhumiex obbligi ta’ xkiel. Kienu inklużi fid-dokumenti ta’ l-offerta bħala klawżoli ta’ l-aħjar sforz, u għalhekk mhumiex mandatorji u ma jorbtux lill-proprjetarju l-ġdid.
(45) L-awtoritajiet Rumeni spjegaw li AVAS kienet motivata li torbot dawn ir-rekwiżiti simboliċi minħabba x-xewqa li żżomm il-fama ta’ l-impriża u l-prodotti tagħha, li għandhom jinstabu fuq firxa kbira fis-suq Rumen.
(46) Wara l-kunsiderazzjonijiet ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni kkonkludiet li, billi dawn il-kundizzjonijiet ma kinux ta’ xkiel u dan kien ovvju għax-xerrejja kollha potenzjali mill-formulazzjoni tad-dokument ta’ l-offerta, ma naqqsux il-prezz tal-bejgħ u ma kellhomx il-potenzjal li jiskoraġġixxu investituri potenzjali milli jagħmlu offerta, u għalhekk ma involviex telf ta’ riżorsi statali għall-Istat. Astfel, acestea nu au implicat pentru stat pierderea resurselor sale. Din il-konklużjoni hija appoġġjata wkoll mill-fatt li ħadd mill-erba’ offerenti li pprateċipaw fl-offerta ma kien b’ebda mod involut fil-manifattura tat-tratturi. Għalhekk, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-kundizzjonijiet marbuta ma’ l-offerta ma jinvolvux għajnuna mill-Istat.
(47) Meta bdiet il-proċedura skond l-Artikolu 88(2) tat-Trattat tal-KE, il-Kummissjoni esprimiet id-dubji tagħha li l-likwidazzjoni volontarja li tinvolvi il-bejgħ ta’ moduli vijabbli tkun l-iktar riżultat vantaġġuż għall-Istat bħala azzjonist u l-kredituri meta mqabbla ma’ likwidazzjoni ġuridika jew bejgħ biċċa biċċa.
(48) Ir-Rumanija targumenta li AVAS aġġixxiet bħala operatur f’ekonomija tas-suq u ġabet l-ogħla prezz possibbli għal Tractorul. Għal dan il-għan, AVAS ħatret likwidatur indipendenti permezz ta’ offerta miftuħa, trasparenti, mhux diskriminatorja u mingħajr kundizzjonijiet, li kellu jwettaq il-likwidazzjoni volontarja.
(49) Fuq il-bażi ta’ l-informazzjoni li pprovdiet ir-Rumanija, il-Kummissjoni nnotat li, fil-bidu, AVAS kellha l-intenzjoni li tbigħ iż-żewġ moduli vijabbli separatament - l-impjant tat-tratturi u il-forġa u l-funderija tal-ħadid fondut. Madanakollu, bbażata fuq l-evalwazzjoni tagħha stess tas-37 assi individwali, is-CIT, il-likwidatur irrakkomnada l-bejgħ tal-pjattaforma industrijali f’daqqa biex ikun hemm dħul massimu, u fil-każ biss li ebda xerrej potenzjali ma wera interess fix-xiri taż-żona kollha kemm hi, kien se jkompli bil-bejgħ ta’ l-assi tal-kumpanija biċċa biċċa.
(50) Il-likwidatur issustanzja l-vantaġġi ta’ bejgħ komprensiv bħal dan. L-ewwel nett il-mapep ipprovduti mill-awtorijtajiet Rumeni juru li numru ta’ biċċiet ta’ art kienu fuq wara tal-pjattaforma industrijali, viċin tal-miżbla tal-belt, u mhumiex konnessi ma ebda triq, u għalhekk mhumiex aċċessibbli individwalment. It-tieni, il-valur ta’ l-assi individwali tal-pjattaforma industrijali ivarja b’mod sinifikanti u jiddependi fuq il-pożizzjoni individwali, l-istat tal-bini u l-eżistenza ta’ aċċess għall-infrastruttura lokali. It-tielet, il-maġġoranza ta’ l-investituri potenzjali kienu interessati fiż-żona bħala żvilupp għall-propjetà immobbli; mis-26 dokumenti ta’ l-offerta mixtrija b’kollox, 17 kienu mixtrija għall-pjattaforma Tractorul kollha.
(51) B’konsegwenza, il-likwidatur ikkunsidra li kien probabbli ħafna li l-assi inqas attrajenti ma setgħux jinbiegħu fuq bażi individwali lill-investitur potenzjali. B’riżultat ta’ dan, assi bħal dawn kienu jiġġeneraw spejjeż amministrattivi u ta’ manteniment żejda għal Tractorul u fl-aħħar mill-aħħar għall-AVAS bħala proprjetarja. Minbarra hekk, it-tqassim ta’ l-art kien jiġġenera spejjeż amministrattivi addizzjonali, pereżempju għall-qisien katastali u għar-reġistrazzjoni ta’ l-art.
(52) L-istrateġija li Tractorul tinbiegħ f’daqqa kienet aktar tard approvata wkoll mill-AVAS.
(53) Rigward il-prezz li nġieb, il-Kummissjoni tinnota li skond ir-rapport ta’ evalwazzjoni kkummissjonat mill-likwidatur, il-valur ta’ l-assi ta’ Tractorul (jiġifieri is-somma tal-valur tas-37 assi individwali) kien ta’ madwar EUR 100 miljun, li fuqu l-likwidatur applika skont ta’ 23 % għall-assi f’daqqa, b’hekk għamel prezz inizjali tal-bejgħ ta’ EUR 77 miljun. Skont bħal dan huwa bbażat fuq l-esperjenza tal-likwidatur u fuq il-fatt li l-bejgħ f’daqqa għandu vantaġġi sinifikanti fuq il-bejgħ biċċa biċċa.
(54) Il-proċedura magħżula mil-likwidatur għall-bejgħ ta’ Tractorul kienet il-metodu ta’ sejħa għall-offerti kompetttitiva. Skond ir-regoli proċedurali stabbiliti fid-Deċiżjoni Governattiva Nru 577/2002, jekk f’ċertu stadju ikun hemm mill-inqas żewġ offerenti, u ħadd minnhom ma joffri prezz ogħla f’dak l-istadju (li kien deċiż minn qabel ta’ 5 %, qabel l-offerta), l-offerent bl-iżgħar numru ta’ reġistrazzjoni jirbaħ l-offerta. Billi Flavus u investitur ieħor aċċettaw il-prezz inizjali, iżda ħadd minnhom ma kien lest li jżid l-offerta tiegħu, Tractorul kienet mibjugħa għal EUR 77 miljun lill-offerent bl-iżgħar numru ta’ reġistrazzjoni, jiġifieri Flavus. B’konsegwenza, il-likwidatur ġab il-prezz fis-suq ta’ l-assi tal-kumpanija u għalhekk ma ntilfux riżorsi statali.
(55) Wara dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni kkonkludiet li, minħabba l-partikolaritajiet tal-każ, bil-bejgħ ta’ l-assi ta’ Tractorul f’daqqa, AVAS ġabet il-prezz fis-suq tagħhom, għalhekk ma tilfitx riżorsi statali, u ġabet ruħha bħala operatur f’ekonomija tas-suq.
Klassifkazzjoni bħala għajnuna mill-Istat: konklużjoni
(56) Fuq il-bażi tal-valutazzjoni ta’ hawn fuq, ma kien hemm ebda kundizzjoni marbuta mal-bejgħ ta’ Tractorul li kienet responsabbli li tnaqqas il-prezz tal-bejgħ jew li tiskoraġġixxi investituri potenzjali milli jagħmlu offerta. Bil-bejgħ ta’ l-assi kollha f’daqqa bil-proċedura ta’ likwidazzjoni volontarja, AVAS ġabet l-ogħla prezz fis-suq, ma tilfet ebda rizorsi statali u aġġixxiet bħala operatur f’ekonomija tas-suq. B’hekk, il-bejgħ ta’ Tractorul ma jinvolvix għajnuna mill-Istat.
KONKLUŻJONI
(57) Il-Kummissjoni ssib li l-bejgħ ta’ Tractorul mill-Aġenzija Rumena ta’ privatizzazzjoni, AVAS, fis-6 ta’ Lulju 2007 ma jikkostitwix għajnuna.
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1 Il-bejgħ tal-pjattaforma industrijali Tractorul mir-Rumania lil Flavus Investiții SRL ma tinvolvix għajnuna fit-tifsira ta’ l-Artikolu 87(1) tat-Trattat.
Artikolu 2 Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Rumanija.
Magħmula fi Brussel, 2 ta’ April 2008. Għall-Kummissjoni Neelie Kroes Membru tal-Kummissjoni