Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 865/2008 tas-27 ta’ Awwissu 2008 li jestendi s-sospensjoni tad-dazju definittiv anti-dumping impost permezz tar-Regolament (KE) Nru 1420/2007 fuq l-importazzjonijiet tas-siliko-manganiż li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u mill-Każakistan
Grade B
mapped from publisher markup. A grade says how a document's structure was obtained, not how reliable the law is.
Address https://gelex.eu/eli/EU/act/2008/865@2008-08-27/mt
Contents
IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,
Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 tat-22 ta’ Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ir-Regolament bażiku), u b’mod partikolari l-Artikolu 14(4) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mressqa mill-Kummissjoni, wara li kkonsulta lill-Kumitat Konsultattiv,
Billi: PROĊEDURA
(1) Il-Kunsill, permezz tar-Regolament (KE) Nru 1420/2007, impona dazju definittiv anti-dumping fuq l-importazzjonijiet tas-siliko-manganiż (inkluż il-ferro-siliko-manganiż) (SiMn) li joriġina fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (RPĊ) u l-Każakistan, li jaqgħu fi ħdan il-kodiċijiet NM 72023000 u l-ex81110011 (kodiċi TARIC 8111001110) (il-prodott ikkonċernat). Ir-rata ta’ dazju anti-dumping hija ta’ 8,2 % u 6,5 % għall-importazzjonijiet ta’ prodotti li joriġinaw mir-RPĊ u l-Każakistan rispettivament.
(2) Permezz tad-Deċiżjoni 2007/789/KE (id-Deċiżjoni), il-Kummissjoni ssospendiet il-miżuri definittivi anti-dumping għal perjodu ta’ disa’ xhur, b’effett mis-6 ta’ Diċembru 2007.
RAĠUNIJIET GĦALL-ESTENSJONI TAS-SOSPENSJONI
(3) L-Artikolu 14(4) tar-Regolament bażiku jistipula li, fl-interess Komunitarju, il-miżuri anti-dumping jistgħu jiġu sospiżi minħabba li l-kundizzjonijiet tas-suq jkunu nbidlu temporanjament u li ma jkunx probabbli li l-ħsara terġa’ tfiġġ b’riżultat ta’ din is-sospensjoni, dejjem jekk l-industrija Komunitarja tkun ingħatat l-opportunità li tikkummenta u li dawn il-kummenti jkunu ġew ikkunsidrati. L-Artikolu 14(4) jispeċifika wkoll li s-sospensjoni tista’ tiġi estiża għal perjodu li ma jeċċedix sena, ladarba l-Kunsill jiddeċiedi hekk, u billi jaġixxi fuq proposta mill-Kummissjoni. L-Artikolu 14(4) jispeċifika wkoll li l-miżuri kkonċernati jistgħu jerġgħu jiddaħħlu mill-ġdid, fi kwalunkwe ħin, jekk ir-raġuni ta’ sospensjoni ma tibqax applikabbli.
(4) B’segwitu għas-sospensjoni tad-dazji definittivi anti-dumping, il-Kummissjoni, bi qbil mal-premessa (13) tad-Deċiżjoni, kompliet tissorvelja l-iżviluppi fis-suq, partikolarment bejn jidħol il-fluss ta’ l-importazzjonijiet u l-prezzijiet tas-SiMn. Barra minn din l-analiżi ta’ l-importazzjonijiet, intbagħat ukoll kwestjonarju lill-produtturi Komunitarji li kkooperaw, fejn intalbet data ta’ kull xahar dwar il-produzzjoni, il-bejgħ fil-volum u l-valur fis-suq Komunitarju kif ukoll dwar il-profittabbiltà għall-aħħar tliet xhur ta’ l-2007 u l-ewwel tliet xhur ta’ l-2008.
(5) Fuq il-bażi ta’ l-informazzjoni miġbura, kien stabbilit li l-prezzijiet tas-suq tas-SiMn fis-suq Komunitaju komplew ikunu relattivament għoljin u kienu ferm ogħla milli kienu waqt il-perjodu ta’ investigazzjoni oriġinali (mill-1 ta’ Lulju 2005 sat-30 ta’ Ġunju 2006). Żieda kontinwa tista’ tiġi osservata bejn is-seba’ u d-disa’ xahar ta’ l-2006, bil-medja tal-prezz tkun dik ta’ EUR 622/MT, b’medja ta’ EUR 1051/MT bejn is-seba’ u d-disa’ xahar ta’ l-2007, u b’medja ta’ EUR 1189/MT fl-ewwel tliet xhur tas-sena 2008. Dawn it-tendenzi kienu osservati wkoll għal importazzjonijiet tas-SiMn lejn il-Komunità.
(6) F’dak li jirrigwarda l-importazzjonijiet, bejn il-perjodu investigat għad-Deċiżjoni li ssospendiet il-miżuri (mill-1 ta’ Ottubru 2006 sat-30 ta’ Settembru 2007) (il-PI tad-Deċiżjoni) u l-perjodu mill-1 ta’ Marzu 2007 sad-29 ta’ Frar 2008 (il-Perjodu ta’ Sorveljanza), is-sehem tas-suq ta’ l-importazzjoni tas-SiMn li joriġina mir-RPĊ u mill-Kazakistan żdied biss marġinalment b’0,2 punti perċentwali għal 10 % tal-konsum globali fil-Komunità u baqa’ taħt is-sehem tas-suq rispettiv tagħhom waqt il-perjodu ta’ investigazzjoni oriġinali (10,4 %). Il-konsum fil-KE baqa’ stabbli, madwar 20 % ogħla milli tul il-perjodu ta’ investigazzjoni oriġinali.
(7) F’dak li jirrigwarda l-industrija Komunitarja, is-sitwazzjoni baqgħet aħjar meta mqabbla mal-perjodu ta’ investigazzjoni oriġinali (mill-1 ta’ Lulju 2005) sat-30 ta’ Ġunju 2006). Kif imsemmi fil-premessa (8) tad-Deċiżjoni, bejn il-perjodu ta’ investigazzjoni oriġinali u l-perjodu mill-1 ta’ Ottubru 2006 sat-30 ta’ Settembru 2007, il-volumi ta’ bejgħ u produzzjoni żdiedu bi 15 % u 19 % rispettivament u l-profittabbiltà ta’ l-industrija Komunitarja laħqet it-42 % bejn is-seba’ u d-disa’ xahar tas-sena 2007. L-informazzjoni l-ġdida li nġabret uriet li bejn il-PI tad-Deċiżjoni u l-Perjodu ta’ Sorveljanza, il-bejgħ ta’ l-industrija Komunitarja reġa’ żdied b’9 % u s-sehem tagħhom tas-suq żdied b’25,4 %. B’riżultat tal-livelli għoljin ta’ prezzijiet tas-SiMn, li ma qatgħu xejn, fis-suq ta’ l-UE, il-profittabbiltà ta’ l-industrija Komunitarja baqgħet straodinarja, anki jekk waqgħet xi ftit fl-ewwl tliet xhur tas-sena 2008 għal 36 %, hekk li xorta baqgħet taqbeż b’mod sostanzjali l-5 % tal-livell ta’ profitt stabbilit bħala xieraq mill-investigazzjoni oriġinali.
(8) Kif jidher fil-premessi (157) sa (163) tar-Regolament (KE) Nru 1420/2007 u kif imsemmi fil-premessa (9) tad-Deċiżjoni, l-impożizzjoni tal-miżuri kkonċernati kienet mistennija li jkollha xi effetti negattivi għall-utenti, għalkemm limitati, fil-forma ta’ żidiet fl-ispejjeż li ġejjin mill-ħtieġa possibbli ta’ arranġamenti għal provvisti ġodda jew alternattivi. Meta titqies il-bidla temporanja fil-kundizzjonijiet tas-suq u li bħala konsegwenza l-industrija Komunitarja bħalissa mhix qiegħda ġġarrab ħsara, kull effett negattiv fuq l-utenti jista’ jkompli jiġi eliminat billi tiġi estiża s-sospensjoni tal-miżuri. Għaldaqstant, wieħed jista’ jikkonkludi li l-estensjoni tas-sospensjoni hija fl-interess ġenerali tal-Komunità.
KONSULTAZZJONI MA’ L-INDUSTRIJA TAL-KOMUNITÀ
(9) Skond l-Artikolu 14(4) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni infurmat lill-industrija Komunitarja dwar l-intenzjoni tagħha li testendi s-sospensjoni tal-miżuri anti-dumping in kwistjoni. L-industrija Komunitarja ngħatat opportunità li tikkummenta u ma oġġezzjonatx għas-sospensjoni tal-miżuri anti-dumping.
KONKLUŻJONI
(10) Minn dak li jidher hawn fuq, wieħed iqis li, sostanzjalment, is-suq jinsab f’sitwazzjoni simili bħal meta l-miżuri kienu sospiżi. Tabilħaqq, meta titqies il-bidla temporanja fil-kundizzjonijiet tas-suq, u partikolarment il-livell għoli ta’ prezzijiet tas-SiMn li hemm fis-suq Komunitarju, li huwa wisq ogħla mil-livell ta’ prezz dannuż li nstab fl-investigazzjoni oriġinali, wieħed iqis li mhux probabbli li l-ħsara marbuta ma’ l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat li joriġina mir-RPĊ u mill-Każakistan terġa’ tibda b’riżultat ta’ l-estensjoni tas-sospensjoni.
(11) Fid-dawl tar-rivelazzjonijiet li ssemmew, huwa għalhekk suġġerit li s-sospensjoni tal-miżuri anti-dumping fuq l-importazzjonijiet tas-siliko-manganiż (inkluż il-ferro-siliko-manganiż) terġa’ tiġi estiża għal sena skond l-Artikolu 14(4) tar-Regolament bażiku.
(12) Il-Kummissjoni se tkompli tissorvelja l-iżvilupp ta’ l-importazzjoni u l-prezzijiet tal-prodott ikkonċernat. Jekk f’xi ħin tinħoloq sitwazzjoni fejn jerġa’ jkun hemm żieda fil-volumi bi prezzijiet iddampjati tal-prodott ikkonċernat mir-RPĊ u mill-Kazakistan u li, konsegwentement, tikkawża ħsara lill-industrija Komunitarja, il-Kummissjoni tieħu l-passi meħtieġa biex iddaħħal mill-ġdid id-dazju anti-dumping, filwaqt li tqis ir-regoli sostantivi li jirregolaw stima tad-danni. Jekk ikun xieraq, tista’ titnieda reviżjoni interim skond l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku,
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1 Is-sospensjoni tad-dazju definittiv anti-dumping li ġie impost permezz tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/789/KE hija b’dan estiża sas-6 ta’ Settembru 2009.
Artikolu 2 Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum ta’ wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha. Magħmul fi Brussell, 27 ta’ Awwissu 2008. Għall-Kunsill Il-President B. Kouchner