Gelex

Deċiżjoni tal-Kummissjoni ta’ l-10 ta’ Lulju 2007 dwar l-għajnuna mill-Istat Ċ 20/2006 (ex NN 30/06) tas-Slovenja għal Novoles Lesna Industrija Straža d.d. (notifikata taħt id-dokument numru C(2007) 3223) (It-test bil-lingwa Slovena hija l-unika verżjoni awtentika) (Test b’relevanza għaż-ŻEE) (2008/90/KE)

In forceVersion 2007-07-10from 2008-02-02
Grade B

mapped from publisher markup. A grade says how a document's structure was obtained, not how reliable the law is.

Ask Gelex about this law

Address https://gelex.eu/eli/EU/act/2008/90@2007-07-10/mt

Contents
  1. Preamble
  2. (10) Tabella 1 L-indikaturi finanzjarji tal-kumpanija Novoles Straža
  3. (24) Tabella 2 In-nefqa tar-ristrutturazzjoni u l-iffinanzjar
  4. (28) Tabella 3 Parti mis-suq
  5. Artikolu 2

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITÀ EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari, is-subparagrafu ta’ l-Artikolu 88(2) tat-Trattat,

Wara li kkunsidrat il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, u b’mod partikolari, il-paragrafu, 62(1)(a) tal-Ftehim,

Wara appell lill-partijiet kollha interessati biex jibagħtu l-kummenti tagħhom skond l-Artikoli kkwotati,

Wara li kkunsidrat dan li ġej: Il-PROĊEDURA

(1) Fl-1 ta’ Diċembru 2004 il-Kummissjoni rċeviet ilment dwar allegata għajnuna lill-manifatturi ta’ l-injam Sloveni Novoles Lesna Industrija Straža d.d. (minn issa ’l quddiem Novoles Straža).

(2) L-ilment kien jikkonċerna miżuri finanzjarji applikati fis-27 ta’ Mejju 2004 lill-kumpanija Novoles Straža taħt ir-riżoluzzjoni tal-gvern Sloven fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 21 ta’ l-Att li Jirregola l-Għajnuna mill-Istat għas-Salvataġġ u r-Ristrutturazzjoni ta’ Kumpaniji f’Diffikultà. Din il-miżura ma kinetx innotifikata lill-Kummissjoni fuq il-bażi li kienet approvata mill-Kummissjoni tal-Monitoraġġ ta’ l-Għajnuna mill-Istat Slovena fit-23 ta’ April 2004, jiġifieri qabel l-adeżjoni. Madankollu, minħabba l-prattika tal-Kummissjoni li l-kriterju relevanti huwa att legali li jorbot li bih l-awtorità nazzjonali komponenti tintrabat li tagħti għajnuna mill-Istat, il-miżuri in kwestjoni jikkostitwixxu għajnuna ġdida u għandhom għalhekk ikunu notifikati fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 88 tat-Trattat tal-KE u evalwati taħt l-Artikolu 87 tat-Trattat tal-KE.

(3) Bl-ittra tas-16 ta’ Mejju 2006 il-Kummissjoni nnotifikat lis-Slovenja bid-deċiżjoni tagħha li tibda l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 88(2) tat-Trattat tal-KE.

(4) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tibda l-proċedura kienet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea. Il-Kummissjoni talbet lill-partijiet interessati biex jibagħtu l-kummenti tagħhom dwar l-għajnuna/dispożizzjoni.

(5) Il-Kummissjoni ma rċeviet l-ebda kumment mill-partijiet interessati.

(6) Is-Slovenja bagħtet kummenti bl-ittra tas-17 ta’ Lulju 2006. Intalbet informazzjoni addizzjonali permezz ta’ l-ittri tal-11 ta’ Ottubru 2006 u tat-23 ta’ Frar 2007 li ngħatat fit-30 ta’ Novembru 2006 u fit-23 ta’ April 2007. Barra minn hekk, fit-28 ta’ Ġunju ltaqgħu r-rappreżentanti tas-servizzi tal-Kummissjoni u l-awtoritajiet Sloveni.

DESKRIZZJONI DETTALJATA TA’ L-GĦAJNUNA Ir-riċevitur

(7) Il-Kumpanija Novoles Straža hija manifattur ta’ prodotti u għamara ta’ l-injam parzjalment lesti. Tinsab fil-belt ta’ Straža fis-Slovenja, li hija f’reġjun li jirċievi għajnuna skond l-Artikolu 87(3) (a) tat-Trattat tal-KE. Fl-2003 kellha madwar 800 impjegat u hija waħda mill-kumpaniji li l-aktar tħaddem nies fis-settur tal-manifattura ta’ l-injam u ta’ l-għamara fis-Slovenja.

(8) Il-kumpanija għandha ishma f’żewġ kumpaniji, Novoles-Primara, d.o.o. (100 %) u Pohištvo Brežice, d.d. (93,7 %). Is-Slovenja ddikjarat li dawn iż-żewġ kumpaniji wkoll huma fi stat finanzjarju ħażin. Għalkemm l-ewwel kumpanija għamlet qligħ żgħir ħafna fl-2003, il-kumpanija l-oħra għamlet telf.

(9) Il-kumpanija hija ta’ proprjetà ta’ diversi persuni naturali u ġuridiċi. Madankollu, l-ishma tal-kumpanija huma mifruxa bejn tant nies li l-ebda persuna weħidha m’għandha kontroll biżżejjed fuq il-kumpanija biex inqisu l-kumpanija bħala parti minn grupp akbar. Fil-fatt, l-akbar l-azzjonisti huma impjegati u eks-impjegati li mhumiex marbutin b’xi ftehim ta’ l-azzjonisti u għandhom sehem ta’ 22,3 %. Barra minn dan, bosta fondi ta’ l-Investiment PID flimkien għandhom parti ta’ 33,4 %. Iżda l-Kummissjoni tifhem li dawn il-fondi ta’ l-investiment PID huma biss korpi amministrattivi li jamministraw l-ishma ta’ azzjonisti privati. Din il-proprjetà ta’ l-ishma hija r-riżultat tal-privatizzazzjoni tal-kapital soċjali fis-Slovenja, jiġifieri kunċett li bih il-kumpaniji kienu proprjetà ta’ kulħadd. Il-bidla fil-proprjetà tal-kapital soċjali saret bil-ħruġ ta’ ċertifikati tal-proprjetà liċ-ċittadini, li setgħu jbiddluhom f’ishma. Ġew iffurmati PIDs biex jippermettu l-kooperazzjoni taċ-ċittadini f’din il-bidla ta’ proprjetà bil-kambju taċ-ċertifikati tagħhom ma’ ishma. L-awtoritajiet Sloveni kkonfermaw li l-PIDs m’għandhomx fondi għad-dispożizzjoni tagħhom li jistgħu jgħinu l-kumpanija tegħleb id-diffikultajiet tagħha.

L-istat finanzjarju tar-riċevitur

(10) Tabella 1 L-indikaturi finanzjarji tal-kumpanija Novoles Straža

L-istat finanzjarju ħażin tal-kumpanija jirriżulta mill-fatt li l-kumpanija tilfet ammont kbir tal-kapital inizjali rreġistrat tagħha, li ammonta għal 1262 biljun SIT (madwar 5,3 miljun ewro), iżda f’April 2004 kien għad hemm biss 0,75 biljun SIT. L-indikaturi finanzjarji u kummerċjali ewlenin li joħorġu mill-karta tal-bilanċ, ir-rendikont tad-dħul u r-rendikont tal-flussi finanzjarji huma kkwotati fl-iskeda li ġejja: Indikatur 1999 2000 2001 2002 2003 Bejgħ nett: 6341790 6507932 6602106 8093436 6014466 Stokks 880544 936471 1113218 955305 1279940 Talbiet 930585 1053433 1218067 1676595 1133643 Qligħ (Telf) 78809 109884 128843 110215 (511149) Livell ta’ ammonti pendenti 42,1 44,7 47,2 50,2 57,6

(11) L-awtoritajiet Sloveni spjegaw li t-telf tal-kumpanija rriżulta l-aktar minħabba li ma sarx pjan tal-bejgħ filwaqt li, min-naħa l-oħra, l-ispejjeż finanzjarji tagħha qegħdin jikbru. Dan juri li l-livell tad-dejn tal-kumpanija kien qiegħed dejjem jikber, flimkien mal-livelli medji ta’ l-istokk.

(12) Bħala risposta għall-bidu tal-proċedura, l-awtoritajiet Sloveni spjegaw li l-firxa tal-bejgħ ukoll kienet qiegħda tinżel, sa mill-2000 sa l-2001 u mill-2002 sa l-2003; filwaqt li ż-żieda fl-2002 kienet konsegwenza ta’ avvenimenti eċċezzjonali, jiġifieri xi xogħlijiet tal-kostruzzjoni fil-Kroazja (provvista ta’ għamara lil kumplessi kbar ta’ lukandi), l-introduzzjoni ta’ programm ta’ l-għamara ġdid u r-reviżjoni tad-dħul ta’ żewġ kumpaniji dipendenti li ngħaqdu ma’ Novoles fl-1 ta’ Jannar 2003.

(13) Minbarra dak, l-awtoritajiet Sloveni bagħtu evidenza ddokumentata lill-Kummissjoni li l-kumpanija ma setgħetx tikseb kwantità biżżejjed ta’ kapital ġdid fis-swieq tal-kapital. B’mod partikolari, il-banek ċaħdu talba mill-kumpanija Novoles Straža għal fondi ġodda minħabba r-reputazzjoni kummerċjali tagħha u nuqqas ta’ garanziji li setgħu jikkumpensaw għal livelli ta’ qligħ tant baxxi. Anki r-rahan ta’ l-istat li jiswa 65 % ta’ l-ammont mitlub ma kienx biżżejjed.

Programm ta’ ristrutturazzjoni

(14) Sabiex tegħleb id-diffikultajiet tagħha, f’April 2004 Novoles Straža ppreżentat il-programmi ta’ ristrutturazzjoni tagħha minn Marzu lill-Ministru ta’ l-Ekonomija dwar il-perjodu ta’ristrutturazzjoni mill-2004 sa l-2008.

(15) F’dan il-pjan il-kumpanija qalet li r-raġuni tas-sitwazzjoni preżenti tagħha kien it-tnaqqis fit-tkabbir ekonomiku tas-swieq ta’ l-esportazzjoni ewlenin tagħha (b’mod partikolari l-Ġermanja u l-Istati Uniti), fejn il-kumpanija kienet qiegħda tbigħ 60 % tal-produzzjoni tagħha. Barra minn hekk, id-domanda għal prodotti parzjalment lesti naqset. Kif ukoll, it-tnaqqis fid-dħul fl-2003 laħaq l-ogħla livell tiegħu fejn il-kumpanija ta’ setgħetx tħallas id-dejn tagħha mir-riżorsi tagħha stess iżda kellha tkabbr id-djun tagħha u l-piżijiet finanzjarji. Barra minn hekk, l-istruttura tal-kumpanija ma ppermettitilhiex li tipproduċi skond id-domanda.

(16) Biex tegħleb dawn id-diffikultajiet kienet ippjanata ristrutturazzjoni finanzjarja, li filwaqt li diġà kienet saret bl-iskop li s-self b’ipoteka fuq perjodu qasir fl-ammont ta’ 1669940776 SIT jinbidel f’dejn fuq perjodu twil bl-għajnuna ta’ garanzija ta’ l-istat bl-ammont ta’ 1.1 biljun SIT għal xi self ipotekarju li kien assigurat sa 65 %, filwaqt li l-iffinanzjar mill-ġdid li kien baqa’ bl-ammont ta’ 569940776 SIT kien iffinanzjat mingħajr għajnuna mill-Istat, fejn il-parti ipotekata kienet ta’ aktar minn 100 % tal-valur nominali.

(17) Barra minn hekk, il-kumpanija Novoles Straža bi ħsiebha tibdel id-direzzjoni ta’ l-attivitajiet tagħha, jiġifieri:

Se tbiddel l-istrateġija tal-marketing tagħha billi taqleb parzjalment mis-swieq ta’ l-UE u ta’ l-Amerika ta’ Fuq għal swieq fl-Ewropa tal-Lvant u r-Russja. L-awtoritajiet Sloveni bagħtu evidenza ta’ bosta proġetti tal-bejgħ li qegħdin jibdew fost oħrajn fir-Russja, fis-Slovakkja u fis-Serbja. Il-bejgħ fi swieq oħrajn fl-2008 se jikber għal 77 %, sadanittant laħaq is-70 % fl-2004, filwaqt li l-bejgħ fis-swieq ta’ l-Ewropa tal-Lvant se jammontaw għal 8 % (qabel kienu żero).

Il-kumpanija se tnaqqas il-proporzjon tal-prodotti nofshom lesti favur prodotti lesti. Fl-2008 il-prodotti lesti se jirrappreżentaw 33 % tal-produzzjoni (fl-2003 26%), prodotti taħt il-marka tal-kumpanija stess fl-2008 se jirrappreżentaw 26 % tal-produzzjoni (fl-2003 20 %), u l-proporzjon tal-prodotti nofshom lesti fl-2008 se jonqos minn 41 % għal 31 %. Minkejja dan, il-prodotti nofshom lesti se jibqgħu parti importanti mill-produzzjoni iżda se jkunu rrappreżentati biss minn partijiet relatati li bihom se jiżdied aktar valur. Il-vantaġġ tal-kumpanija f’dan il-qasam qiegħed f’li tipproduċi kwantitajiet iżgħar għal prodottur magħruf.

(18) Barra minn hekk, id-direzzjoni ġdida se tkun segwita minn ristrutturazzjoni teknoloġika sabiex tinkiseb produzzjoni b’anqas spejjeż u biex it-tagħmir teknoloġiku jkun adattat għall-produzzjoni mmexxija mid-domanda u biex jintlaħqu l-istandards ekoloġiċi. Qed ikunu ppjanati investimenti fl-ammont ta’ 1455 miljun SIT (6.06 miljun ewro), li ser ikunu mmirati b’mod partikolari għal miżuri li jżidu l-produttività, itejbu l-kondizzjonijiet tax-xogħol, itejbu l-applikazzjoni tal-materjal, jiffrankaw l-enerġija u jilħqu l-istandards ekoloġiċi. L-awtoritajiet Sloveni poġġew quddiem il-Kummissjoni lista ta’ investimenti li hija magħmula minn miżuri bħal modernizzazzjoni taċ-ċentri profitabbli tal-partijiet relatati, il-bidu ta’ proċedura tat-tnixxif iggwidata mill-kompjuter, il-modernizzazzjoni tal-produzzjoni f’ċentru profitabbli ta’ prodotti ġodda u armar mill-ġdid ta’ sistema tal-provvista ta’ l-enerġija u l-bidu ta’ sistema informatika ġdida. L-awtoritajiet Sloveni semmew diversi dewmien fit-twettiq ta’ xi investimenti importanti, bħall-produzzjoni f’ċentru profitabbli ta’ prodotti ġodda jew l-armar mill-ġdid tas-sistema ta’ l-enerġija, minħabba nuqqas ta’ fondi (dawn l-investimenti se jkunu ffinanzjati l-aktar minn fondi tagħha stess).

(19) Fl-aħħar nett, ir-ristrutturazzjoni tal-persunal se timmira għal tnaqqis ta’ 96 impjegat, filwaqt li l-kumpanija se tagħti taħriġ speċjali u ġenerali għall-impjegati li jibqa’. L-infieq ta’ 537 miljun SIT se jkun parzjalment kopert mill-fondi tagħha stess u parzjalment minn sussidju ta’ 283 miljun SIT (EUR 1,2 miljun).

(20) Is-Slovenja ppreżentat l-estimi ta’ l-operazzjonijiet għal perjodu ta’ ħames snin, li juru li l-pjan tar-ristrutturazzjoni se jippermetti lill-kumpanija Novoles Straža tkun profitabbli mill-ġdid.

(21) L-awtoritajiet Sloveni poġġew quddiem il-Kummissjoni id-data li fuqha qegħdin jibbażaw it-tbassir tal-bejgħ. F’dawn l-estimi, l-ewwel huwa mistenni tkabbir ta’ madwar 10 % fil-bejgħ fis-swieq ta’ l-Ewropa tal-Punent, u mill-2005 sa l-2007 madwar 20 % tkabbir fil-bejgħ fis-swieq ta’ l-Ewropa tal-Lvant. It-tieni, qed jiġi ppjanat ċaqliq mill-produzzjoni ta’ prodotti parzjalment lesti għal prodotti lesti (59 % prodotti lesti minflok 46 %).

(22) Fuq il-bażi ta’ dawn id-dispożizzjonijiet u flimkien mad-dikjarazzjoni ta’ l-impjegati mexxejja fil-qasam tal-marketing u fuq il-bażi ta’ informazzjoni miksuba minn fieri tal-bjegħ, minn rappreżentanti u direttament mill-klijenti, il-kumpanija Novoles Straža fformulat il-pjan tal-bejgħ tagħha għall-perjodu 2004–2008.

(23) Fuq il-bażi ta’ dispożizzjonijiet realistiċi fil-perjodu 2003–2008 huwa mistenni tkabbir fil-bejgħ domestiku minn 3,6 % sa 5,7 % flimkien ma’ 6,5 % sa 8,4 % tkabbir fil-bejgħ annwali ta’ barra. B’dan il-mod, ir-ristrutturazzjoni għandha tikseb fl-2008 11,7 % bilanċ favur. Il-profit operattiv imqabbel mal-kapital tas-sidien se jiżdied għal 12,6 % fl-2008.

In-nefqa tar-ristrutturazzjoni u l-iffinanzjar tagħha

(24) Tabella 2 In-nefqa tar-ristrutturazzjoni u l-iffinanzjar

Fl-iskeda ta’ hawn taħt qed issir analiżi tan-nefqa tar-ristrutturazzjoni: Fondi meħtieġa (f’ 000 SIT) Fondi tagħha Sussidji Gerenziji Total Ristrutturazzjoni finanzjarja 369000 1100000 1469000 Marketing u ristrutturazzjoni ta’ l-iżvilupp 675000 675000 Ristrutturazzjoni teknoloġika 1456000 200000 1656000 Ristrutturazzjoni tal-persunal 253988 282771 536759 Total: 2384988 282771 1300000 4337699

(25) Il-kumpanija rċeviet għajnuna mill-Istat li tammonta għal 1583 miljun SIT (6.6 miljun ewro) iżda, milli jidher, mhux qabel l-aħħar ta’ l-2004 u mhux f’nofs l-2004, kif ippjanat.

(26) L-għajnuna ewlenija ngħatat f’forma ta’ garanzija mill-Istat għal erba’ self li flimkien jammontaw għal 1,3 biljun SIT li qed tippermetti li l-kumpanija Novoles Straža tipprogramma mill-ġdid id-dejn eżistenti tagħha. Il-perjodu ta’ pagament huwa ta’ seba’ snin, inklużi sentejn ta’ moratorju. Ir-rata ta’ l-imgħax tammonta għal 4,5 %, inkluż il-pagament ta’ ammont uniku għall-konklużjoni u l-ġestjoni tat-tranżazzjoni tal-kreditu għal valur ta’ 0,1 %. Il-garanzija se tkopri 100 % tas-self u ser tkun ukoll assigurata minn ipoteka sal-livell ta’ 65 % bħala minimu.

(27) Is-Slovenja pproponiet li tiffinanza n-nefqa tar-ristrutturazzjoni ta’ 2385 miljun SIT mill-fondi tal-kumpanija stess. Iżda l-Kummissjoni hija ta’ l-opinjoni li żieda addizzjonali ta’ 569 miljun SIT minn iffinanzjar ta’ self privat tkun adegwata (sa l-ammont ta’ 8,5 %). Xi fondi tal-kumpanija stess għandhom jinħolqu permezz ta’ disinvestimenti (1323 miljun SIT, jiġifieri 30,5 %) u permezz ta’ l-amortizzazzjoni (29,76 %). Dwar il-bejgħ, l-awtoritajiet Sloveni poġġew quddiem il-Kummissjoni lista dettaljata ta’ disinvestimenti. Madwar 300 miljun SIT kienu diġà inkisbu fl-2005, għall-2006 aktar disinvestimenti huma ppjanati (u parzjalment miksuba) li jiswew madwar 600 miljun, u 450 miljun SIT għall-2007 u l-2008.

Ċirkostanzi fil-miżuri tas-suq u ta’ l-ekwalizzazzjoni

(28) Tabella 3 Parti mis-suq

Novoles Straža tipproduċi l-prodotti li ġejjin li fihom il-parti mis-suq tagħha fuq il-livell ta’ l-UE-25 tlaħħaq: Prodott Parti mis-suq 2003 Parti mis-suq 2005 Panewijiet komposti 0,14 % 0,13 % Siġġijiet u partijiet tagħhom 0,07 % 0,04 % Għamara u partijiet tagħha 0,08 % 0,05 % Medja 0,09 % 0,06 %

Għajnuna oħra

(29) L-awtoritajiet Sloveni rrevedew in-numri msemmijin fid-deċiżjoni li tinbeda l-proċedura u ddikjaraw li fl-2004 il-kumpanija Novoles Straža b’mod ieħor fil-fatt irċeviet self favorevoli, iżda self biss minn għejun pubbliċi u privat għal skopijiet ambjentali fl-ammont ta’ 115,2 miljun SIT (0,48 miljun ewro), li jnaqqas il-kontrovalur ta’ l-għotjiet għal 14,9 miljun SIT (62000 ewro). Din l-għajnuna kienet allokata fil-kwadru ta’ l-iskema Ko-finanzjamant ta’ Investimenti ambjentali i u kienet approvata fi Frar 2004.

(30) Is-Slovenja tirrapporta wkoll li fl-1999 il-Kumpanija rċeviet biss 18,1 miljun SIT (75000 ewro) ta’ għajnuna għas-sussidju tar-rati ta’ l-imgħax, għajnuna ta’ 11,5 miljun SIT (48000 ewro) għall-ħolqien ta’ impjiegi ġodda, 3,6 miljun SIT (15000 ewro) ta’ għajnuna għar-riċerka u żvilupp u 1.1 miljun SIT (4600 ewro) f’għajnuna għall-esportazzjoni.

(31) L-ewwel għajnuna msemmija fil-paragrafu ta’ qabel, li għall-ewwel kien maħsub li kienet għar-ristrutturazzjoni, kienet biss miżura għas-sussidju tar-rati ta’ l-imgħax peress li r-rati ta’ l-imgħax fis-Slovenja kienu relattivament għoljin meta mqabblin mar-rati ta’ l-imgħax barranin. Suppost, waħda mill-kondizzjonijiet biex kumpaniji jibbenefikaw mill-programmi kienet l-ammissjoni għall-gruppi tar-rati tal-kreditu A, B, Ċ jew D u li ma kinux għaddejjin minn proċeduri ta’ falliment. Il-kumpanija ppreżentat evidenza li f’dak il-perjodu kienet ġiet inkluża fil-grupp tar-rati tal-kreditu A/B.

BAŻI BIEX TINBEDA L-PROĊEDURA SKOND L-ARTIKOLU 88(2) TAT-TRATTAT TAL-KE

(32) Permezz ta’ ittra tas-16 ta’ Mejju 2006, il-Kummissjoni kienet ta’ l-opinjoni li l-miżuri rispettivi kienu jfissru għajnuna ġdida, li għandu tkun innotifikata skond l-Artikolu 88 tat-Trattat tal-KE kif evalwata taħt l-Artikolu 87 tat-Trattat tal-KE. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni reġgħet enfasizzat li l-kriterju relevanti huwa l-att li jorbtu legalment li bih l-awtorità nazzjonali kompetenti tintrabat li tagħti l-għajnuna, li saret f’Mejju 2004.

(33) Minbarra hekk, il-Kummissjoni kellha dubji dwar il-kompatibbiltà tal-miżuri mas-Suq Komuni, u b’mod partikolari mal- Linji gwida tal-Komunità dwar l-għajnuna għas-salvataġġ u r-ristrutturazzjoni ta’ kumpaniji diffikultà ta’ l-1999 fuq dan li ġej.

Ma kienx ċar jekk il-kumpanija wrietx is-sinjali tas-soltu ta’ kumpanija diffikultà, filwaqt li l-bejgħ żdied ukoll fl-2003 u l-livelli ta’ l-istokk komplew jonqsu fl-2002. Barra minn hekk, ma kienx ċar jekk il-kumpanija kinetx parti minn grupp akbar.

Ma kienx ċar kif il-kumpanija setgħet tistabbilixxi mill-ġdid il-vijabbiltà ekonomika fuq perjodu twil/profitt fuq id-dħul/profitabbiltà tagħha, b’mod partikolari peress li ma kienx hemm data li setgħet tipprovdi bażi għal tbassir finanzjarji għall-futur.

Ma kienx ċar jekk il-kumpanija kinetx ikkontribwiet parti importanti tal-fondi tagħha stess għar-ristrutturazzjoni peress li ma kienx ċar minn fejn kienu ġejjin il-fondi tagħha stess.

Ma kienet ippreżentat l-ebda analiżi tas-suq li tiġġustifika n-nuqqas ta’ miżuri ta’ kumpens.

It-twettiq tal-priċipji ta’ l-għajnuna ta’ darba kien dubjuż, billi l-kumpanija diġà rċeviet għajnuna għar-ristrutturazzjoni fl-1999.

IL-KUMMENTI TAS-SLOVENJA

(34) Is-Slovenja tinsisti li l-għajnuna mill-Istat għall-kumpanija Novoles Straža kienet allokata qabel l-adeżjoni tas-Slovenja ma’ l-Unjoni Ewropea peress li l-espożizzjoni ekonomika kienet magħrufa qabel l-adeżjoni.

(35) It-tieni, is-Slovenia kienet wieġbet għad-dubji tal-Kummissjoni Ewropea dwar jekk il-kumpanija Novoles Straža kinetx tagħmel parti minn grupp kummerċjali akbar u spjegat il-karatteristiċi ta’ l-istrutturi tal-proprjetà fis-Slovenja li kienu ppreżentati hawn fuq u pprovdiet l-informazzjoni korretta dwar il-persentaġġ ta’ l-ishma ta’ l-azzjonisti.

(36) It-tielet, is-Slovenja ppreżentat evidenza li l-kumpanija Novoles Straža hija kumpanija f’diffikultà u spjegat b’mod sostanzjalment ix-xejra ġenerali tad-diffikultajiet finanzjarji li l-kumpanija kienet qed tiffaċċa mill-1999 (indikati biż-żieda fl-istokk u d-djun, kif ukoll it-tnaqqis fil-bejgħ, għalkemm minħabba xi avvenimenti speċjali kienu jinvolvu żieda fl-2002), u laħqu l-għola livell fl-2004 meta l-kumpanija ma’ setgħetx takkwista finanzjament minn barra.

(37) Ir-raba’, l-awtoritajiet Sloveni ppreżentaw informazzjoni li turi li l-istrateġija tal-kumpanija Novoles Straža hija bbażata fuq ir-riċerka u t-tbassir tal-marketing li jindikaw bejgħ ta’ għamara relattivament għoli.

(38) Il-ħames, dwar il-miżuri ta’ kumpens, is-Slovenja ppreżentat studju tas-suq li juri li s-sehem tas-suq tal-kumpanija Novoles Straža fis-suq ta’ l-UE-25 fis-suq rispettiv tal-prodott huwa żgħir ħafna. L-awtoritajiet Sloveni jindikaw wkoll il-fatt li l-kumpanija Novoles Straža tinsab f’reġjun li qiegħed jirċievi għajnuna taħt l-Artikolu 87(3)(a) tat-Trattat tal-KE.

(39) Fl-aħħar, dwar l-għajnuna mill-Istat rċevuta fil-passat is-Slovenja rrevediet xi żbalji fit-tajping dwar l-ammonti riċevuti u, fuq kollox, assigurat li l-għajnuna li kienet aċċertata li kienet primarjament għajnuna għar-ristrutturazzjoni ma kinetx allokata għas-salvataġġ u r-ristrutturazzjoni kif identifikat fil-Linji gwida.

VALUTAZZJONI TA’ L-GĦAJNUNA Eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat

(40) Skond l-Artikolu 87 tat-Trattat tal-KE, kull għajnuna mogħtija minn Stat Membru jew mir-riżorsi ta’ l-istat f’kull forma li tfixkel jew thedded li tfixkel il-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi tal-produzzjoni jew ċerti prodotti, sal-punt li taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri, tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat inkompatibbli sakemm ma tistax tkun iġġustifikata taħt l-Artikoli 87(2) jew (3) tat-Trattat tal-KE.

(41) Il-Kummissjoni tinnota li l-għajnuna ngħatat mir-riżorsi ta’ l-istat lil kumpanija individwali. Jidher ċar li din hija suġġetta għal għajnuna diretta, iżda wkoll għal garanzija, b’mod partikolari jekk il-kumpanija tinsab f’diffikultà u l-garanzija kienet assigurata għal 100 % tas-self. Fil-fatt, il-garanzija tippermetti li l-kumpanija tikseb self akbar milli kienet tikseb mingħajr il-garanzija.

(42) Peress li hemm il-kummerċ fi prodotti ta’ l-injam bejn is-Slovenjau Stati Membri oħrajn, il-miżura x’aktarx ittejjeb il-pożizzjoni tar-riċevitur mal-kompetituri tiegħu fis-Slovenja u l-UE, u bħala riżultat tfixkel il-kompetizzjoni u taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri. Għalhekk, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-garanzija u s-sussidju preżenti favur Novoles Straža jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat skond l-Artikolu 87(1) tat-Trattat tal-KE.

Eżistenza ta’ għajnuna ġdida mill-Istat

(43) L-awtoritajiet Sloveni fil-bidu kellhom dubju jekk il-Kummissjoni kellhiex is-setgħa li tevalwa l-għajnuna skond l-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat tal-KE billi kienet ingħatat qabel l-adeżjoni. Il-Kummissjoni ċċarat fid-deċiżjoni tagħha li tibda l-proċedura li biex tistabbilixxi jekk l-għajnuna saritx qabel jew wara l-adeżjoni, il-kriterju relevanti huwa l-att legali li jorbot li bih l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jintrabtu li jagħtu l-għajnuna. In-nuqqas ta’ din id-deċiżjoni qabel l-adeżjoni tikkostitwixxi għajnuna ġdida, anki jekk l-espożizzjoni ta’ l-għajnuna mill-Istat kienet magħrufa qabel.

(44) Il-Kummissjoni tinsisti fuq il-konklużjoni inizjali tagħha li l-att relevanti li jorbot li bih l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti ntrabtu li jagħtu l-għajnuna ma sarx qabel l-adeżjoni. Il-liġi Slovena applikabbli tgħid li fuq il-bażi ta’ proposta mill-Ministeru deċiżjoni mill-gvern għandha tagħti l-għajnuna. Filwaqt li d-deċiżjonijiet ta’ qabel tal-kumitat espert interdipartimentali u l-Ministeru responsabbli kienu fil-fatt meħtieġa għall-għoti, ma kinux biżżejjed biex tingħata l-għajnuna. L-aħħar deċiżjoni hija tal-gvern. Din ir-riżoluzzjoni madankollu ħarġet fis-27 ta’ Mejju 2004 u s-Slovenja ngħaqdet ma’ l-Unjoni Ewropea fl-1 ta’ Mejju 2004. Għalhekk, il-miżuri jikkostitwixxu għajnuna ġdida u għandhom ikunu nnotifikati fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 88 tat-Trattat tal-KE u evalwati skond l-Artikolu 87 tat-Trattat tal-KE.

Kompatibbiltà ta’ l-għajnuna

(45) Filwaqt li l-għajnuna tikkostitwixxi għajnuna għar-ristrutturazzjoni, hija kompatibbli mas-suq komuni jekk tkun konformi mal-kriterji taħt il-Linji gwida tal-Komunità dwar l-għajnuna u r-ristrutturazzjoni tal-kumpaniji diffikultà (minn issa ’l quddiem: il-Linji gwida).

(46) Il-Kummissjoni fuq il-bażi tal-kummenti u l-informazzjoni tas-Slovenja li kienet ġabret matul l-investigazzjoni tagħha adottat il-konklużjonijiet li ġejjin dwar il-punti li fuqhom kienet inbdiet il-proċedura formali.

Eliġibbiltà

(47) Skond l-informazzjoni ppreżentata mis-Slovenja, il-Kummissjoni tieħu l-pożizzjoni li l-operazzjonijiet ta’ l-intrapriża deskritti fil-punti 24 u 27 juru li meta l-għajnuna kienet allokata l-kumpanija kienet verament f’diffikultà. Il-Kummissjoni tinnota b’mod speċifiku li l-problemi kienu parti minn xejra fil-perjodu 2002-2004 u mhux avveniment eċċezzjonali fl-2003. Minbarra hekk, l-awtoritajiet Sloveni pprovdew provi raġjonevoli li fl-2004 il-kumpanija ma setgħetx tiffinanzja mill-ġdid is-self fuq perjodu qasir tagħha weħidha. Dan ma jmurx kontra l-fatt li l-kumpanija rnexxielha tikseb xi finanzjament mill-ġdid mingħajr għajnuna, għax kien riżultat ta’ l-assigurazzjoni għolja li l-kumpanija ma setgħetx tipprovdi l-ammont tal-finanzjament kollu mill-ġdid.

(48) Il-Kummissjoni tikkunsidra wkoll in-noti ta’ spjegazzjoni tas-Slovenja dwar in-natura tal-proprjetà tal-kumpanija Novoles Straža. Wara li tikkunsidra n-natura passiva u l-kapitali limitati tas-sidien istituzzjonali tal-kumpanija Novoles Straža u l-firxa tal-proprjetà li jibqa’ fil-kumpanija, il-Kummissjoni taċċetta li l-kumpanija ma setgħetx tikseb il-fondi meħtieġa mill-azzjonisti tagħha. Għal din ir-raġuni u wara li kkunsidrat li l-ebda azzjonist individwali m’għandu aktar minn 22 % ta’ l-ishma kapitali ta’ Novoles Straža, il-Kummissjoni taċċetta wkoll il-pożizzjoni li l-kumpanija Novoles Straža m’hijiex part minn grupp kummerċjali akbar.

(49) Konformement ma’ dan, il-Kummissjoni taqbel li l-kumpanija Novoles Straža hija eliġibbli għall-għajnuna għar-ristrutturazzjoni.

Bini mill-ġdid tal-viabilità ekonomika

(50) Il-Kummissjoni ddikjarat fid-deċiżjoni tagħha li tibda l-proċedura li mhux ċar kif il-pjan tar-ristrutturazzjoni se jippermetti lill-kumpanija Novoles Straža li terġa tibni il-viabilità ekonomika tagħha fuq perjodu twil. Dan kien jappartjeni fuq kollox għall-perspettiva finanzjarja fuq ħames snin ta’ kif il-kumpanija għandha tiżviluppa minħabba l-miżuri tar-ristrutturazzjoni. Il-Kummissjoni wissiet li s-Slovenja ma kinetx ippreżentat l-informazzjoni meħtieġa sabiex hija tevalwa s-suppożizzjoni dwar l-operazzjonijiet li x’aktarx il-kumpanija kienet se twettaq skond il-pjan tar-ristrutturazzjoni.

(51) Matul il-proċedura is-Slovenja ppreżentat l-informazzjoni addizzjonali msemmija fil-paragrafi (21) u (22) ta’ qabel. Din l-informazzjoni tispjega biżżejjed ir-raġunijiet għal dawn is-suppożizzjonijiet. Il-Kummissjoni tinnota li s-suppożizzjonijiet dwar ix-xejriet tal-bejgħ tal-kumpanija Novoles Straža huma possibbilment ottimistiċi wisq wara li tikkunsidra li fl-2005 u l-2006 is-settur iffaċċja kompetizzjoni qawwija mil-Lvant Imbiegħed, li kkważat offerta eċċessiva u pressjoni għal tnaqqis fil-prezzijiet. Iżda ma kienx ċar jekk din l-informazzjoni kinetx diġà magħrufa fil-bidu ta’ l-2004. Minbarra hekk, il-Kummissjoni nnifisha fl-2006 tinnota: ‘il-produzzjoni u l-konsum ta’ panewijiet komposti żdiedet f’dawn l-aħħar ftit snin, filwaqt li għal xi klassijiet qiegħed jiżviluppa suq ta’ l-esportazzjoni qawwi’. Dwar il-fatt li l-Kummissjoni ma kinetx irċeviet xi informazzjoni kontradittorja, li biha setgħet tiddubita s-suppożizzjonijiet tal-kumpanija u s-suppożizzjonijiet tagħha stess, il-Kummissjoni wkoll ma kellha l-ebda raġuni valida biex ma taċċettahomx. Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li m’hemm l-ebda indikazzjoni li s-suppożizzjonijiet jistgħu jkunu impossibbli għalhekk il-Kummissjoni tikkunsidra li dawn id-dubji kienu solvuti.

(52) Il-Kummissjoni wkoll identifikat fid-deċiżjoni tagħha li tibda l-proċedura li l-pjan tar-ristrutturazzjoni fih bosta miżuri interni li, jekk iseħħu jistgħu iwasslu għal sitwazzjoni fejn kumpanija tkun f’diffikultà. Matul l-investigazzjoni l-Kummissjoni kisbet informazzjoni li turi li l-kumpanija ma kinetx għadha wettqet il-miżuri ppjanati tar-ristrutturazzjoni kollha. L-awtoritajiet Sloveni ddikjaraw li din kienet inter alia konsegwenza ta’ dewmien fir-riċeviment ta’ l-għajnuna mill-Istat, u riżultat tal-fatt li r-riżultati operattivi ma kienux tajbin daqskemm mistenni. Dwar dan, il-Kummissjoni tinnota li l-pjan tar-ristrutturazzjoni bassar l-iffinanzjar tar-ristrutturazzjoni teknika l-aktar mill-fondi tal-kumpanija stess. Iżda dan it-tip ta’ nuqqas ma kienx evidenti bil-quddiem u ma setax ikun iġġustifikat peress li l-għajnuna mill-Istat għandha verament tkun żgħira kemm jista’ jkun, b’mod speċjali għal Stat Membru li kkommetta ruħu għal-dak il-pjan eżatt qabel l-adeżjoni. Għalhekk, il-Kummissjoni mhux se tikkunsidra dak in-nuqqas bħala raġuni raġonevoli biex tiddubita l-eżistenza ta’ pjan ta’ ristrutturazzjoni li jista’ jintlaħaq. Iżda l-Kummissjoni twissi li l-awtorizzazzjoni ta’ l-għajnuna tingħata bil-kundizzjoni li l-pjan tar-ristrutturazzjoni (punt 43) jitwettaq kollu u se jkun sorveljat (punt 46).

(53) Il-Kummissjoni għalhekk tantiċipa li s-Slovenja, skond il-punt 46 tal- Linji gwida, se tippreżenta mill-anqas żewġ rapporti dwar il-monitoraġġ, wieħed sa l-aħħar ta’ Jannar 2008 dwar l-2007 u l-ieħor sa l-aħħar ta’ Jannar 2009 dwar l-2008, b’informazzjoni dettaljata dwar l-operazzjoni finanzjarja tal-kumpanija u dwar l-investimenti li rnexxielha twettaq. Il-Kummissjoni wissiet li l-kumpanija hija obbligata, anki jekk il-vijabilità ekonomika tagħha tkun stabbilita mill-ġdid, li tiżgura li l-parti ta’ l-għajnuna mill-Istat, jekk mhux l-investimenti kollha, titwettaq.

Limitazzjoni ta’ l-għajnuna sa l-anqas ammont possibbli

(54) L-għajnuna hija wkoll limitata sa l-anqas ammont possibbli. B’mod partikolari, id-dubji tal-Kummissjoni dwar il-provvista ta’ kontribuzzjoni importanti tal-kumpanija stess tneħħew. Skond il-punt 40 tal-Linji gwida, l-għajnuna għandha tkun limitata għal dak li huwa l-aktar urġenti biex il-vijabilità ekonomika tkun stabbilita mill-ġdid, filwaqt li huwa mistenni li r-riċevituri ta’ l-għajnuna jagħmlu kontribuzzjoni importanti għall-pjan tar-ristrutturazzjoni mill-fondi tagħhom stess.

(55) L-ispjegazzjonijiet ta’ l-awtoritajiet Sloveni dwar il-kontribuzzjoni tal-kumpanija stess huma dettaljati biżżejjed, kif ikkwotat fil-punt 27, biex jippermettu li l-Kummissjoni teżamina jekk il-kumpanija wettqitx jew hux se twettaq fl-2005-2008 numru akbar ta’ disinvestimenti sa 30,5 % tan-nefqa tar-ristrutturazzjoni. Minbarra hekk, il-Kummissjoni taċċerta li l-kumpanija Novoles Straža akkwistat iffinanzjar estern mingħajr għajnuna sa 8,5 %.

(56) Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni terġa’ tenfasizza li l-amortizzazzjoni ma tistax tkun aċċettata bħala kontribuzzjoni tagħha stess għax din ma tipprovdix lill-kumpanija b’fondi għad-dispożizzjoni tagħha u, barra minn hekk; l-amortizzazzjoni tiddependi fuq operazzjonijiet futuri li huma r-riżultat ta’ l-għajnuna mill-Istat.

(57) Għalhekk, il-Kummissjoni tista’ tikkonferma l-kontribuzzjoni komuni tal-kumpanija stess sa livell ta’ 39 %, li tista’ tkun ikkunsidrata importanti daqsha taħt il- Linji gwida mill-1999.

(58) Barra minn hekk, l-għajnuna hija limitata għal dak li huwa l-aktar urġenti biex il-vijabilità ekonomika tkun stabbilita mill-ġdid peress li tkopri l-aktar il-bżonnijiet diretti għal self fuq il-perjodu qasir li issa huwa dovut u b’hekk ma tipprovdix il-kumpanija b’likwidità żejda.

Miżuri ta’ l-ekwalizzazzjoni

(59) Skond il-punti 35 u 36 tal- Linji gwida, għandhom ikunu adottati miżuri li l-aktar inaqqsu l-effetti tal-ħsara ta’ l-għajnuna mill-Istat fuq il-pożizzjoni tal-kompetituri. Madankollu, skond il-punt 36 tal- Linji gwida dawn it-tipi ta’ miżuri ta’ ekwalizzazzjoni mhumiex meħtieġa meta l-parti mis-suq tar-riċevitur hija negliġibbli. Għalhekk, f’każi bħal dawn il-miżuri ta’ l-ekwalizzazzjoni mhumiex kondizzjoni biex l-għajnuna mill-Istat li tkun kompatibbli mas-suq komuni.

(60) Il-Kummissjoni ma tiċħadx id-dikjarazzjoni ta’ l-awtoritajiet Sloveni li l-kumpanija Novoles Straža hija attiva f’bosta swieq tal-produzzjoni, jiġifieri fis-suq tal-panewijiet komposti, is-suq tas-siġġijiet u ta’ għamara oħra. Dwar il-panewijiet komposti, il-Kummissjoni taċċerta li fil-każ ta’ inkorporazzjoni ‘ir-riċerka tas-suq fil-biċċa l-kbira kkonfermat li tipi differenti ta’ panewijiet ta’ l-injam, bħal panewijiet komposti, panewijiet tal-ħardbord, panewijiet ta’ biċċiet mhux ipproċessati u panewijiet ta’ biċċiet ipproċessati, laminati dekorattivi (HPL/CPL) u elementi magħmulin minn panewijiet ta’ l-injam għall-industrija ta’ l-għamara u tal-bini jappartjenu għal swieq tal-produzzjoni separati.

(61) Għal definizzjoni tas-suq in konsiderazzjoni, is-Slovenja ippreżentat lill-Kummissjoni studju tas-suq li juri l-partijiet tas-suq fis-swieq tal-prodotti fil-UE-25. Dwar dan il-Kummissjoni m’għandha l-ebda raġuni biex topponi s-suppożizzjoni fin-nota 20 tal- Linji gwida, jiġifieri li s-suq ikkunsidrat huwa suq taż-ŻEE. Il-Kummissjoni wissiet li għamlet xi riċerki tas-suq dwar l-industrija Ewropea tal-prodotti ta’ l-injam fil-passat (b’mod partikolari, panewijiet tal-biċċiet ta’ l-injam) fil-każ ta’ inkorporazzjoni u tqis li s-suq ikkunsidrat huwa aktar wiesa’ mis-suq nazzjonali u huwa mill-anqas suq reġjonali li jinvolvi aktar minn pajjiż wieħed. Dan kien iċċertifikat minn kurrenti importanti tal-kummerċ internazzjonali. L-eżistenza ta’ kurrenti simili tal-kummerċ ukoll fil-każ ta’ panewijiet komposti tivvalida l-informazzjoni ta’ l-esperti interni tal-Kummissjoni (ukoll in-negozju ta’ l-esportazzjoni ta’ Novoles Straža ġewwa l-Unjoni sal-livell ta’ 60 % fil-fatt jammonta għall-maġġoranza tal-bejgħ tagħha). Minbarra hekk, kien aċċertat li s-suq internazzjonali reġjonali jirreferi għal distanza ta’ madwar 1000 km, fejn id-distanza tagħmel differenza fil-valur miżjud tal-prodott, jiġifieri d-distanza għal prodotti lesti anki kienet akbar meta mqabbla mad-distanza ta’ prodotti mhux lesti. Peress li l-panewijiet komposti huma diġà ta’ kwalità ogħla u qegħdin ikunu esportati l-aktar f’forma ta’ panewijiet komposti tal-plajwud, l-ispejjeż tat-trasport huma anqas importanti għall-panewijiet komposti milli għall-panewijiet tal-biċċiet (u dan jgħodd aktar għas-siġġijiet u għamara oħra magħmula minn panewijiet komposti). Wara li kkunsidrat dak li ntqal hawn fuq, il-Kummissjoni hija ta’ l-opinjoni li s-suq ikkunsidrat għall-prodotti magħmulin mill-kumpanija Novoles Straža kellu jkun, jekk mhux iż-ŻEE jew l-UE-25 kollha, mill-anqas il-parti l-kbira ta’ l-UE-25.

(62) U dwar is-sehem tas-suq ta’ Novoles Straža fis-suq ta’ l-UE-25 fl-ebda każ ma taqbeż il-0.13 % u bħala prinċipju m’għandux jikber aktar mid-doppju jekk is-suq ġeografiku jonqos bin-nofs, il-Kummissjoni temmen li s-sehem tas-suq għadu taħt il-1 % sew, li jista’ flimkien mal-fatt li s-suq jiġbor numru kbir ta’ prodotturi żgħar u ta’ daqs medju jkun ikkunsidrat bħala parti negliġibbli. Għalhekk, il-miżuri ta’ l-ekwalizzazzjoni biex jiżguraw il-kompatibbiltà ta’ l-għajnuna mill-Istat mas-suq komuni mhumiex meħtieġa.

It-tieni għajnuna

(63) Fl-aħħar, is-Slovenja bagħtet lill-Kummissjoni biżżejjed informazzjoni dwar l-għajnuniet l-oħrajn kollha li l-kumpanija rċeviet u li tippermetti ġudizzju xieraq tal-prinċipju ta’ l-għajnuna ta’ darba. Skond dan il-prinċipju, fil-punt 48 u l-punti ta’ wara tal-Linji gwida, il-Kummissjoni ma tistax tapprova għajnuna għar-ristrutturazzjoni lill-kumpanija li kienet rċevuta qabel l-għajnuna tar-ristrutturazzjoni. Il-Kummissjoni temmen li fuq bażi ta’ dak il-prinċipju l-għajnuniet kollha għar-ristrutturazzjoni għandhom ikunu kkunsidrati li kienu allokati f’perjodu ta’ 10 snin qabel l-għajnuna kkunsidrata, irrispettivament ta’ jekk l-ewwel għajnuna mill-Istat kinetx allokata qabel l-adeżjoni ma’ l-UE ta’ l-Istat Membru li qiegħed jagħti l-għajnuna.

(64) Il-Kummissjoni l-ewwel taċċerta li l-kumpanija ma rċevietx xi għajnuna għar-ristrutturazzjoni fil-passat. Id dubji li kellha l-Kummissjoni dwar jekk l-għajnuna li kienet approvata fl-1999 sa livell ta’ 18,1 miljun SIT (75000 ewro) għas-sussidju tar-rata ta’ l-imgħax kienet verament għar-ristrutturazzjoni spiċċaw, peress li l-kumpanija dak iż-żmien kienet fil-klassi tal-kreditu A/B. Għalhekk, huwa impossibbli li l-kumpanija tkun ikkunsidrata f’diffikultà u huwa wkoll impossibbli li l-għajnuna tkun ikkunsidrata li tirrappreżenta l-għajnuna għar-ristrutturazzjoni li tista’ tagħti bidu għal ksur ta’ kondizzjoni ta’ għajnuna ta’ darba.

(65) Barra minn hekk, il-Kummissjoni tiżgura l-korrezzjoni ta’ l-iżball tat-tajping magħmul mill-awtoritajiet Sloveni qabel ma bagħtu l-informazzjoni li l-Kummissjoni qassret fid-deċiżjoni tagħha li tibda l-proċedura, li tfisser li l-għajnuna kollha msemmija fid-deċiżjoni li tibda l-proċedura hija għalhekk de minimis. Minbarra hekk, l-awtoritajiet Sloveni spjegaw li l-għajnuna kollha allokata qabel l-adeżjoni kienet għal skopijiet oħrajn u mhux għajnuna għar-ristrutturazzjoni. Peress li l-Kummissjoni għalhekk m’hijiex kompetenti biex tiġġudika l-għajnuna u peress li l-kumpanija kienet f’diffikultà dan ifisser li din l-għajnuna ma tirrappreżentax għajnuna għar-ristrutturazzjoni skond il-Linji gwida mill-1999, l-ebda għajnuna allokata fil-passat ma taqa’ taħt il-kondizzjoni ta’ l-għajnuna ta’ darba.

KONKLUŻJONIJIET

(66) Dwar dak imsemmi qabel, il-Kummissjoni taċċerta ruħha li l-għajnuna kkunsidrata tfisser għajnuna għar-ristrutturazzjoni li hija konformi mal-kundizzjonijiet tal- Linji gwida preżenti, jiġifieri l-Linji gwida dwar ir-ristrutturazzjoni mill-1999. Għalhekk, il-Kummissjoni ddeċidiet li l-għajnuna mill-Istat, anki jekk is-Slovenja ma tatx dik l-għajnuna għar-ristrutturazzjoni lill-kumpanija Novoles Straža skond il-liġi u bi ksur ta’ l-Artikolu 88(3) tat-Trattat tal-KE, hija kompatibbli mas-suq komuni –

IL-KUMMISSJONI ADOTTAT ID-DISPOŻIZZJONIJIET LI ĠEJJIN:

Artikolu 1 L-għajnuna mill-Istat Sloven lill-kumpanija Novoles Straža hija kompatibbli mas-suq komuni taħt l-Artikolu 87(3)(ċ) tat-Trattat tal-KE u l-Linji gwida dwar l-Għajnuna ta’ l-Istat għas-Salvataġġ u r-Ristrutturazzjoni ta’ Kumpaniji f’Diffikultà mill-1999.

Artikolu 2

1. Il-pjan tar-ristrutturazzjoni se jitlesta kollu. Il-miżuri kollha meħtieġa huma adottati biex jassiguraw li l-pjan jitwettaq.

2. Il-realizzazzjoni tal-pjan qiegħed ikun sorveljat fuq bażi tar-rapporti annwali li bihom is-Slovenja tavża lill-Kummissjoni. Rapport dettaljat dwar l-attivitajiet fl-2007 għandu jintbagħat sa l-aħħar ta’ Jannar 2008, flimkien ma’ rapport dwar l-attivitajiet fl-2008 sa l-aħħar ta’ Jannar 2009. Ir-rapport għandu jkun fih informazzjoni importanti dwar l-operazzjonijiet finanzjarji tal-kumpanija u dwar l-investimenti tagħha.

Artikolu 3 Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tas-Slovenja.

Magħmul fi Brussell, 10 ta’ Lulju 2007. Għall-Kummissjoni Neelie Kroes Membru tal-Kummissjoni

Versions

  1. 2007-07-10
  2. 2008-01-31