Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta’ Diċembru 2008 li tikkonċerna kontribut finanzjarju għaċ-Ċentru Konġunt ta’ Riċerka tal-Kummissjoni fil-Belġju u l-Italja għal ċerti attivitajiet imwettqa skont ir-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill għas-sena 2009 (notifikata taħt id-dokument numru C(2008) 7702) (It-testi bil-Franċiż, bit-Taljan, u bl-Olandiż biss huma awtentiċi) (2008/935/KE)
Grade B
mapped from publisher markup. A grade says how a document's structure was obtained, not how reliable the law is.
Address https://gelex.eu/eli/EU/act/2008/935@2008-12-05/mt
Contents
IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,
Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-kontrolli uffiċjali mwettqa biex tiġi żgurata l-verifikazzjoni tal-konformità mal-liġi tal-għalf u l-ikel, mas-saħħa tal-annimali u mar-regoli dwar il-welfare tal-annimali, u partikolarment l-Artikolu 32(7) tiegħu,
Billi:
(1) Il-laboratorji ta’ referenza Komunitarji fil-qasam tal-kontroll tal-ikel u l-għalf jistgħu jingħataw kontribut finanzjarju Komunitarju skont l-Artikolu 28 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 90/424/KEE tas-26 ta’ Ġunju 1990 dwar in-nefqa fil-kamp veterinarju.
(2) Iċ-Ċentru Konġunt ta’ Riċerka tal-Kummissjoni Ewropea f’Ispra, l-Italja huwa elenkat fl-Anness VII tar-Regolament (KE) Nru 882/2004 bħala l-Laboratorju ta’ Referenza Komunitarju għal materjal maħsub biex jiġi f’kuntatt ma’ oġġetti tal-ikel u għal organiżmi modifikati ġenetikament. Iċ-Ċentru Konġunt ta’ Riċerka tal-Kummissjoni Ewropea f’Geel, il-Belġju huwa elenkat fl-Anness VII tar-Regolament (KE) Nru 882/2004 bħala l-Laboratorju ta’ Referenza Komunitarju għal metall tqil f’għalf u ikel, Mikotossiċi u għal Idrokarbonji Aromatiċi Poliċikliċi.
(3) Kemm iċ-Ċentru Konġunt ta’ Riċerka kif ukoll id-Direttorat Ġenerali għas-Saħħa u l-Konsumatur huma servizzi tal-Kummissjoni u r-relazzjoni tagħhom hija stipulata f’arranġament amministrattiv annwali appoġġjat minn programm ta’ ħidma u mill-baġit tiegħu.
(4) Il-programmi ta’ ħidma u l-istimi tal-baġit korrispondenti tal-laboratorji ta’ referenza fi ħdan iċ-Ċentru Konġunt ta’ Riċerka għas-sena 2009 ġew ivvalutati.
(5) Għaldaqstant, għandu jingħata kontribut finanzjarju Komunitarju għal ċerti attivitajiet taċ-Ċentru Konġunt ta’ Riċerka tal-Kummisjoni Ewropea f’Geel, il-Belġju u f’Ispra, l-Italja kif stipulat fir-Regolament (KE) Nru 882/2004. Il-kontribut finanzjarju Komunitaru għandu jkun bir-rata ta’ 100 % tal-ispejjeż eliġibbli kif definiti fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1754/2006.
(6) Skont l-Artikolu 3(2)(a) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005 tal-21 ta’ Ġunju 2005 dwar l-iffinanzjar tal-politika agrikola komuni, il-qerda tal-mard tal-annimali u l-programmi ta’ kontroll (miżuri veterinarji) għandhom jiġu ffinanzjati mill-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG). Barra minn hekk, l-Artikolu 13, it-tieni paragrafu ta’ dak ir-Regolament jipprevedi li f’każijiet eċċezzjonali ġġustifikati sew, għal miżuri u programmi koperti mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 90/424/KEE l-infiq marbut ma’ spejjeż amministrattivi u tal-persunal li jeħlu l-Istati Membri u l-benefiċjarji ta’ għajnuna mill-FAEG għandhom jitħallsu mill-Fond. Għal finijiet ta’ kontroll finanzjarju, japplikaw l-Artikoli 9, 36 u 37 tar-Regolament (KE) Nru 1290/2005.
(7) Il-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti għall-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1 Għandu jingħata kontribut finanzjarju Komunitarju għall-attivitajiet li ġejjin taċ-Ċentru Konġunt ta’ Riċerka tal-Kummissjoni Ewropea, f’Ispra, l-Italja, (il-laboratorju) li jsir skont l-Artikolu 32(1) tar-Regolament (KE) Nru 882/2004, u għall-organizzazzjoni ta’ workshops li jikkonċernaw attivitajiet bħal dawn, għall-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2009 sal-31 ta’ Diċembru 2009:
Artikolu 1
(1) L-attivitajiet relatati mal-materjal li jiġi f’kuntatt mal-oġġetti tal-ikel; dan il-kontribut ma għandux jaqbeż il-EUR 180003;
(2) L-orgnanizzazzjoni tal-workshops minn dak il-laboratorju, li jikkonċernaw l-attivitajiet imsemmija fil-punt (1); dan il-kontribut ma għandux jaqbeż il-EUR 75947;
(3) L-attivitajiet relatati mal-OMĠ; dan il-kontribut ma għandux jaqbeż it-EUR 13388;
(4) L-orgnanizzazzjoni tal-workshops minn dak il-laboratorju, li jikkonċernaw l-attivitajiet imsemmija fil-punt (3); dan il-kontribut ma għandux jaqbeż il-EUR 61440;
Artikolu 2 Għandu jingħata kontribut finanzjarju Komunitarju għall-attivitajiet li ġejjin taċ-Ċentru Konġunt ta’ Riċerka tal-Kummissjoni Ewropea, f’Geel, il-Belġju, (il-laboratorju) li jsiru skont l-Artikolu 32(1) tar-Regolament (KE) Nru 882/2004, u għall-organizzazzjoni ta’ workshops li jikkonċernaw attivitajiet bħal dawn, għall-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2009 sal-31 ta’ Diċembru 2009:
Artikolu 2
(1) L-attivitajiet relatati mal-metalli t-tqal fl-għalf u fl-ikel; dan il-kontribut ma għandux jaqbeż il-EUR 250000;
(2) L-orgnanizzazzjoni tal-workshops minn dak il-laboratorju, li jikkonċernaw l-attivitajiet imsemmija fil-punt (1); dan il-kontribut ma għandux jaqbeż il-EUR 25000;
(3) L-attivitajiet relatati mal-Mikotossini; dan il-kontribut ma għandux jaqbeż il-EUR 230000;
(4) L-orgnanizzazzjoni tal-workshops minn dak il-laboratorju, li jikkonċernaw l-attivitajiet imsemmija fil-punt (3); dan il-kontribut ma għandux jaqbeż it-EUR 22000;
(5) L-attivitajiet relatati mal-Idrokarbonji Aromatiċi Poliċikliċi; dan il-kontribut ma għandux jaqbeż il-EUR 232000;
(6) L-orgnanizzazzjoni tal-workshops minn dak il-laboratorju, li jikkonċerna l-attivitajiet imsemmija fil-punt (5); dan il-kontribut ma għandux jaqbeż it-EUR 22000;
Artikolu 3 Il-kontribut finanzjarju Komunitarju stipulat fl-Artikoli 1 sa 2 għandu jkun bir-rata ta’ 100 % tal-ispejjeż eliġibbli kif definiti fir-Regolament (KE) Nru 1754/2006.
Artikolu 4 Din id-Deċiżjoni hija indirizzata:
Għall-Materjali li jiġu f’Kuntatt mal-Ikel: Iċ-Ċentru Konġunt ta’ Riċerka, l-Istitut għas-Saħħa u l-Ħarsien tal-Konsumatur, Unità: Espożizzjonijiet fiżiċi u kimiċi, TP 260, Via E. Fermi, 1, 21020 Ispra (l-Italja)
Għall-Organiżmi Modifikati Ġenetikament: Iċ-Ċentru Konġunt ta’ Riċerka, l-Istitut għall-Ħarsien tas-Saħħa u l-Konsumatur, Unità tal-Bijoteknoloġija u l-OMĠ, Via E. Fermi, 1, 21020 Ispra (l-Italja)
Għall-Metalli t-Tqal: Iċ-Ċentru Konġunt ta’ Riċerka, Retieseweg 111, 2440 Geel (il-Belġju)
Għall-Mikotossini: Iċ-Ċentru Konġunt ta’ Riċerka, Retieseweg 111, 2440 Geel (il-Belġju)
Għall-PAHs: Iċ-Ċentru Konġunt ta’ Riċerka, Retieseweg 111, 2440 Geel (il-Belġju)
Magħmula fi Brussell, 5 ta’ Diċembru 2008. Għall-Kummissjoni Androulla Vassiliou Membru tal-Kummissjoni