Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-4 ta’ Ġunju 2009 li temenda, għal skopijiet ta’ adattament għall-progress tekniku, l-Anness għad-Direttiva 2002/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ eżenzjonijiet għall-applikazzjoni taċ-ċomb bħala impurità f’rotaturi Faraday RIG li jintużaw f’sistemi ta’ komunikazzjoni tal-fibra ottika (notifikata taħt id-dokument numru C(2009) 4165) (Test b’relevanza għaż-ŻEE) (2009/428/KE)
Grade B
mapped from publisher markup. A grade says how a document's structure was obtained, not how reliable the law is.
Address https://gelex.eu/eli/EU/act/2009/428@2009-06-04/mt
IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,
Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2002/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Jannar 2003 dwar ir-restrizzjoni tal-użu ta’ ċerti sustanzi ta’ riskju [perikolużi] fit-tagħmir elettriku u elettroniku, u b’mod partikolari l-Artikolu 5(1)(c) tagħha,
Billi:
(1) Id-Direttiva 2002/95/KE tesiġi li l-Kummissjoni tirrevedi l-eżenzjoni ta’ ċerti materjali u komponenti ta’ tagħmir elettriku u elettroniku mill-Artikolu 4(1) ta’ dik id-Direttiva.
(2) Il-valutazzjoni teknika u xjentifika meħtieġa twettqet, il-Kummissjoni tikkunsidra li r-rotaturi Faraday RIG (rare earth iron garnet) li jħarsu l-valuri massimi ta’ konċentrazzjoni stabbiliti bid-Direttiva 2002/95/KE huma attwalment disponibbli u li l-eżenzjoni mogħtija f’dan ir-rigward għandha tiġi rriveduta.
(3) Għalhekk id-Direttiva 2002/95/KE għandha tiġi emendata skont dan.
(4) Skont l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2002/95/KE, il-Kummissjoni kkonsultat il-partijiet rilevanti. Waqt il-konsultazzjoni ssemmiet il-ħtieġa li jiġi żgurat li l-produtturi jingħataw żmien suffiċjenti għall-kwalifika xierqa tar-rotaturi RIG Faraday bir-restrizzjoni taċ-ċomb kif stipulat bid-Direttiva 2002/95/KE. Għalhekk għandu jiġi żgurat li ma jkunx hemm il-possibbiltà li l-impatti fuq is-saħħa jew is-sikurezza tal-konsumatur ikkawżati bis-sostituzzjoni jgħelbu l-benefiċċji tas-sostituzzjoni għall-ambjent, is-saħħa u s-sikurezza tal-konsumatur, b’mod partikolari f’tagħmir rilevanti għas-sikurezza pereżempju s-sistemi ta’ komunikazzjoni.
(5) Il-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 18 tad-Direttiva 2006/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1 L-Anness għad-Direttiva 2002/95/KE huwa emendat kif stipulat fl-Anness għal din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2 Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmul fi Brussell, 4 ta’ Ġunju 2009. Għall-Kummissjoni Stavros Dimas Membru tal-Kummissjoni
ANNEX
ANNESS 22. Fl-Anness għad-Deċiżjoni 2002/95/KE, il-punt 22 għandu jinbidel b’dan li ġej: Iċ-ċomb bħala impurità f’rotaturi Faraday RIG (rare earth iron garnet) li jintużaw għal sistemi ta’ komunikazzjoni tal-fibra ottika sal-31 ta’ Diċembru 2009.