Gelex

Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta’ Novembru 2009 dwar l-abbozz ta’ Digriet Leġiżlattiv Reġjonali li jiddikjara lir-Reġjun Awtonomu ta’ Madejra bħala Żona Ħielsa minn Organiżmi Modifikati Ġenetikament, notifikat mir-Repubblika tal-Portugall skont l-Artikolu 95(5) tat-Trattat tal-KE (notifikata bid-dokument numru C(2009) 8438) (Il-verżjoni bil-Portugiż biss hija awtentika) (Test b’relevanza għaż-ŻEE) (2009/828/KE)

In forceVersion 2009-11-03from 2009-11-04
Grade B

mapped from publisher markup. A grade says how a document's structure was obtained, not how reliable the law is.

Ask Gelex about this law

Address https://gelex.eu/eli/EU/act/2009/828@2009-11-03/mt

Contents
  1. Preamble
  2. (4)
  3. (13)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 95(6) tiegħu,

Billi:

(1) F’ittra li ġġib id-data tal-5 ta’ Mejju 2009, ir-Rappreżentanza Permanenti Portugiża għall-Unjoni Ewropea nnotifikat lill-Kummissjoni, skont l-Artikolu 95(5) tat-Trattat tal-KE, abbozz ta’ Digriet Leġiżlattiv Reġjonali l-abbozz tad-digriet) li jiddikjara lir-Reġjun Awtonomu ta’ Madejra bħala Żona Ħielsa mill-Organiżmi Modifikati Ġenetikament (OMG). L-abbozz tad-digriet kien akkumpanjat minn stqarrija spjegattiva u dokument li ta fil-qosor l-argumenti bir-raġunijiet u l-ġustifikazzjonijiet għad-dikjarazzjoni tar-Reġjun Awtonomu ta’ Madejra bħala Żona Ħielsa mill-OMG.

(2) B’ittra tas-26 ta’ Ġunju 2009, il-Kummissjoni infurmat lill-awtoritajiet Portugiżi li kienet irċieviet in-notifika skont l-Artikolu 95(5) tat-Trattat tal-KE u li l-perjodu ta’ sitt xhur biex tiġi eżaminata skont l-Artikolu 95(6) kien beda wara din in-notifika. In-notifika Portugiża ma kien fiha l-ebda letteratura xjentifika, studju inkella informazzjoni xjentifika oħra li setgħet tappoġġa l-argumenti rispettivi. Għaldaqstant, il-Kummissjoni talbet lill-Portugall, permezz ta’ dik l-ittra, sabiex issaħħaħ in-notifika tagħha b’informazzjoni aktar konkreta fil-forma ta’ letteratura xjentifika rilevanti li tindika l-evidenza marbuta mal-ħarsien tal-ambjent inkella l-ambjent tax-xogħol abbażi ta’ problema speċifika għar-reġjun ta’ Madejra. Il-Portugall ressaq l-informazzjoni komplementari fil-31 ta’ Lulju 2009.

(3) Il-Kummissjoni ppubblikat ukoll avviż fir-rigward tat-talba f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea sabiex tinforma lill-partijiet l-oħrajn interessati dwar l-abbozz tal-miżuri nazzjonali li l-Portugall kien biħsiebu jadotta. Il-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, id-Danimarka, Franza, Latvja, Malta u r-Rumanija ressqu l-kummenti tagħhom.

(4) L-Artikolu 95(5) u (6) tat-Trattat jipprovdi:

(4)

5. (…) Jekk, wara l-adozzjoni mill-Kunsill jew mill-Kummissjoni ta’ miżura ta’ armonizzazzjoni, Stat Membru jħoss li jkun meħtieġ li jintroduċi dispożizzjonijiet nazzjonali bbażati fuq prova xjentifika ġdida li għandha x’taqsam mal-ħarsien tal-ambjent jew tal-ambjent tax-xogħol fuq il-bażi ta’ xi problema speċifika għal dak l-Istat Membru li toriġina mill-adozzjoni ta’ miżura ta’ armonizzazzjoni, dan għandu jinforma lill-Kummissjoni bid-dispożizzjonijiet li jkollu l-ħsieb jintroduċi kif ukoll bil-bażi għall-introduzzjoni tagħhom.

6. Il-Kummissjoni għandha, fi żmien sitt xhur min-notifika imsemmija fil-paragrafi 4 u 5, tapprova jew tiċħad id-dispożizzjonijiet nazzjonali involuti, wara li tkun ivverifikat jekk humiex, jew le mezz ta’ diskriminazzjoni arbitrarja jew ta’ restrizzjoni moħbija fuq il-kummerċ bejn Stati Membri u jekk joħolqux, jew le ostakolu għall-funzjonament tas-suq intern. Fin-nuqqas ta’ deċiżjoni mill-Kummissjoni matul dan il-perjodu, id-disposizzjonijiet nazzjonali msemmija fil-paragrafi 4 u 5 għandhom jitqiesu bħala (li kienu) approvati. Meta tkun iġġustifikata mill-komplessità tal-materja u meta m’hemmx periklu għas-saħħa umana, il-Kummissjoni tista’ tgħarraf lill-Istat Membru kkonċernat li l-perjodu msemmi f’dan il-paragrafu jista’ jittawwal b’perjodu ieħor ta’ sitt xhur.

(5) F’konformità mal-Artikolu 1 tal-abbozz ta’ digriet, ir-Reġjun Awtonomu ta’ Madejra hija dikjarata bħala żona ħielsa mill-koltivazzjoni ta’ varjetajiet ta’ organiżmi modifikati ġenetikament (OMG). F’konformità mal-Artikolu 2, l-introduzzjoni ta’ materjal għall-propagazzjoni tal-pjanti jew iż-żrieragħ li fihom l-OMG fit-territorju tar-Reġjun Awtonomu ta’ Madejra u wkoll l-użu tiegħu fl-agrikoltura jkun ipprojbit. L-Artikolu 3 jkun jiddefinixxi l-ksur tad-dispożizzjonijiet tal-artikolu hawn fuq bħala offiża amministrattiva u l-Artikolu 4 jkun jistipula l-penali addizzjonali. L-Artikolu 5 jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet għall-investigazzjoni, il-prosekuzzjoni u d-deċiżjoni tal-offiżi amministrattivi u l-Artikolu 6 jistipulaw l-użu tal-introjtu mill-multi.

(6) L-ambitu tal-abbozzi tad-dispożizzjonijiet tal-aħħar, flimkien mal-ispjega tan-nota spjegattiva, jimplika li ġeneralment se jkollu impatt fuq:

il-koltivazzjoni ta’ varjetajiet ta’ żrieragħ modifikati ġenetikament awtorizzati skont id-dispożizzjonijiet tal-parti C (Artikoli 12-24) tad-Direttiva 2001/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Marzu 2001 dwar ir-rilaxx intenzjonat fl-ambjent ta’ organiżmi modifikati ġenetikament u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 90/220/KEE u minn issa ‘l quddiem Direttiva 2001/18),

Il-koltivazzjoni ta’ varjetajiet ta’ żrieragħ modifikati ġenetikament li diġà kienu approvati bid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kunsill 90/220/KEE tat-23 ta’ April 1990 dwar ir-rilaxx intenzjonat fl-ambjent ta’ orgniażmi modifikati ġenetikament [verżjoni mhux uffiċjali] u issa notifikati bħala prodotti eżistenti skont l-Artikoli 8 u 20 tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Settembru 2003 dwar ikel u għalf modifikat ġenetikament (minn issa ‘l-quddiem ir-Regolament 1829/2003),

il-koltivazzjoni ta’ varjetajiet ta’ żrieragħ modifikati ġenetikament, awtorizzati skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1829/2003.

(7) Id-Diretttiva 2001/18 hija bbażata fuq l-Artikolu 95 tat-Trattat tal-KE. Għandha l-għan li tqarreb il-leġiżlazzjoni u l-proċeduri fl-Istati Membri għall-awtorizzazzjoni ta’ OMĠ maħsuba għar-rilaxx intenzjonat fl-ambjent. Skont l-Artikolu 34 tagħha, l-Istati Membri kienu mitluba jittrasponuha f’liġi nazzjonali sas-17 ta’ Ottubru 2002.

(8) Skont l-Artikolu 1 tiegħu, ir-Regolament 1829/2003 hu mmirat biex (a) jipprovdi l-bażi biex jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tal-ħajja u s-saħħa umana, is-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali, l-ambjent u l-interessi tal-konsumaturi fir-rigward ta’ ikel u għalf modifikati ġenetikament, waqt li jiżgura l-funzjonament effettiv tas-suq intern; (b) jistabbilixxi l-proċeduri Komunitarji għall-awtorizzazzjoni u s-superviżjoni ta’ ikel u għalf modifikati ġenetikament u (c) jistabbilixxi dispożizzjonijiet għat-tikkjettar tal-ikel u l-għalf modifikati ġenetikament.

(9) Informazzjoni dwar l-abbozz tal-Att, li toffri interpretazzjoni dwar l-impatt tal-Att fuq il-leġiżlazzjoni Komunitarja, hija pprovduta:

Fid-dokument imressaq flimkien man-notifika tal-5 ta’ Mejju 2009 intitolata L-Istabbiliment tar-Reġjun Awtonomu ta’ Madejra (RAM) bħala Żona Ħielsa mill-Organiżmi Modifikati Ġenetikament (OMĠ) - Argumenti,

L-informazzjoni addizzjonali ppreżentata fil-31 ta’ Lulju 2009 intitolata L-Istabbiliment tar-Reġjun Awtonomu ta’ Madejra (RAM) bħala Żona Ħielsa mill-Organiżmi Modifikati Ġenetikament (OMĠ) – Informazzjoni addizzjonali.

(10) Fil-ġustifikazzjoni tiegħu, il-Portugall indika raġunijiet agrikoli u naturali.

(11) Ir-raġunijiet agrikoli jirreferu għall-impossibbiltà li l-għelejjel MĠ jeżistu flimkien mal-għelejjel konvenzjonali u/jew organiċi fiż-Żona Awtonoma ta’ Madejra. B’mod partikolari jsemmu aspetti bħalma huma d-distanza bejn l-għelieqi, ix-xfar tal-għelieqi, iż-żrigħ ta’ varjetajiet b’ċikli differenti tat-tkabbir, żoni ta’ rifuġju, installazzjoni ta’ nasbiet jew barrieri biex l-għabra tad-dakra ma titħalliex tixtered, sistemi tat-tinwib, ċikli tal-produzzjoni tal-għelejjel, it-tnaqqis tad-daqs tar-riżervi taż-żrieragħ (seed banks) permezz ta’ ħrit adegwat tal-ħamrija, il-ġestjoni tal-popolazzjonijiet fuq xfar lgħelieqi, l-għażla tal-aqwa dati għaż-żrigħ, il-manipulazzjoni taż-żrieragħ biex jiġi evitat it-taħlit inkella l-prevenzjoni tat-twaqqigħ taż-żrieragħ fil-vjaġġi lejn u mill-għelieqi u max-xfar tal-għelieqi.

(12) Ir-raġunijiet naturali huma marbuta mal-effetti tal-introduzzjoni tal-OMĠ fin-natura (fil-każ tar-RAM, il-foresta naturali ta’ Madejra), li ma ġewx studjati biżżejjed, minkejja li ġew ippubblikati bosta artikli li fihom tqajjem tħassib fir-rigward tal-konsegwenzi tar-rilaxx intenzjonat ta’ OMĠ fin-natura u l-effetti ambjentali li jirriżultaw, li wieħed jista’ jistennihom. Madankollu jeżistu bosta riskji potenzjali oħra li mhumiex koperti minn dawn l-istudji xjentifiċi.

(13) Ir-raġunijiet naturali jkomplu jirreferu għal:

(13)

(a) testijiet preliminari mwettqa bl-użu ta’ varjetajiet MĠ;

(b) mudell li juri l-kapaċità invażiva tal-varjetajiet MĠ;

(c) interazzjoni tal-mudell għall-użu ta’ pjanti li fihom l-OMĠ;

(d) il-kapaċità li pjanti transġeniċi jiddakkru minn xulxin;

(e) effetti paralleli ma’ speċijiet oħra;

(f) produzzjoni ta’ tossini;

(g) interazzjonijiet kollaterali;

(h) effetti marbuta ma’ alterazzjonijiet ġenetiċi;

(i) implikazzjonijiet fi prattiki agrikoli dgħajfa;

(j) trasferiment tal-ġeni;

(k) effetti fuq il-katina alimentari.

(14) Il-Portugall jikkonkludi li abbażi tal-punti hawn fuq, l-introduzzjoni ta’ materjal modifikat ġenetikament fir-RAM jista’ jkollha effetti perikolużi ferm għall-ambjent Madejran b’mod ġenerali (għalxejn issir distinzjoni bejn iż-żoni agrikoli u dawk forestali). Minkejja li ma jeżistux teoriji solidi dwar il-kwistjoni, ir-riċerka u l-esperimenti, kif ukoll ix-xebħ teoretiku, jissuġġerixxu li r-riskju għan-natura li jirriżulta mir-rilaxx intenzjonat tal-OMĠ tant huwa perikoluż u tant jhedded is-saħħa ambjentali u ekoloġika ta’ Madejra li lanqas ħaqq ikun hemm is-sogru li dawn jintużaw, la direttament fis-settur agrikolu u lanqas fuq bażi sperimentali.

(15) L-Artikolu 95(5) tat-Trattat tal-KE japplika għal miżuri nazzjonali ġodda, fuq il-bażi tal-ħarsien tal-ambjent jew tal-ambjent tax-xogħol, minħabba li problema speċifika għal dak l-Istat Membru li tirriżulta wara l-adozzjoni tal-miżura ta’ armonazzjoni u li huma ġustifikati minn evidenza xjentifika ġdida.

(16) Skont l-Artikolu 95(6) tat-Trattat tal-KE, il-Kummissjoni għandha, tapprova jew tiċħad l-abbozz tad-dispożizzjonijiet nazzjonali involuti wara li tkun ivverifikat jekk humiex mezz ta’ diskriminazzjoni arbitrarja inkella restrizzjoni moħbija fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri jew le u jekk humiex ta’ xkiel għall-ħidma tas-suq intern.

(17) Madankollu, skont l-istess dispożizzjoni, meta tkun iġġustifikata mill-komplessità tal-materja u meta m’hemmx periklu għas-saħħa umana, il-Kummissjoni tista tgħarraf lill-Istat Membru kkonċernat li l-perjodu msemmi f’dan il-paragrafu jista’ jittawwal b’perjodu ieħor ta’ sitt xhur.

(18) In-notifika mressqa mill-awtoritajiet Portugiżi fil-5 ta’ Mejju 2009 hija maħsuba biex tinkiseb approvazzjoni għall-introduzzjoni tal-abbozz ta’ digriet.

(19) Il-Portugall ma speċifikax l-att tal-Komunità Ewropea li minnu jidderoga l-abbozz ta’ digriet. Il-koltivazzjoni tal-OMĠ fil-biċċa l-kbira hija rregolata mid-Direttiva 2001/18 u r-Regolament 1829/2003.

(20) L-Artikolu 95(5) tat-Trattat jesiġi li meta Stat Membru jqis li tkun meħtieġa l-introduzzjoni ta’ dispożizzjonijeit nazzjonali li jidderogaw minn miżura ta’ armonizzazzjoni, dawk id-dispożizzjonijiet jistgħu jkunu ġustifikati skont il-kundizzjonijiet kumulattivi li ġejjin:

evidenza xjentifika ġdida;

raġunijiet ta’ ħarsien tal-ambjent jew tal-ambjent tax-xogħol;

minħabba problema speċifika għal dak l-Istat Membru;

minħabba l-adozzjoni tal-miżura ta’ armonizzazzjoni.

(21) Il-ġustifikazzjoni mressqa mill-Portugall tagħmel referenza estensiva għall-effetti potenzjali tal-kultivazzjoni tal-varjetajiet MĠ fuq l-ambjent. In-notifika fiha analiżi ta’ kwistjonijiet estiżi u kkumplikati bħalma huma t-testijiet preliminari li jsiru permezz ta’ varjetajiet MĠ, mudell li juri l-kapaċità invażiva tal-varjetajiet MĠ, l-interazzjoni tal-mudell mal-użu tal-pjanti li fihom OMĠ, il-kapaċità ta’ pjanti transġeniċi li jiddakkru minn xulxin, effetti paralleli ma’ speċijiet oħra, il-produzzjoni ta’ tossini, interazzjonijiet kollaterali, effetti marbuta ma’ alterazzjonijiet ġenetiċi, implikazzjonijiet fi prattiki agrikoli dgħajfa, it-trasferiment tal-ġeni u l-effetti fuq il-katina tal-ikel.

(22) Minn dawn il-ġustifikazzjonijiet jirriżulta li permezz ta’ valutazzjoni xjentifika tar-riskju, jkun meħtieġ li jiġi indikat jekk l-evidenza xjentifika mressqa tirrelatax għall-protezzjoni tal-ambjent inkella tal-ambjent tax-xogħol abbażi ta’ problema speċifika għar-Reġjun Awtonomu ta’ Madejra li tirriżulta wara l-adozzjoni tad-Direttiva 2001/18 u r-Regolament 1829/2003 inkella dispożizzjonijiet oħra tal-KE. Din il-valutazzjoni għandha ssir mill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) li, f’konformità mal-Artikolu 22(2) tar-Regolament (KE) 178/2002, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Jannar 2002 li jistabilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta’ sigurtà tal-ikel, hija kompetenti biex tipprovdi l-parir xjentifiku u l-appoġġ xjentifiku u tekniku għal-leġiżlazzjoni u l-politiki tal-Komunità fl-oqsma kollha li għandhom impatt dirett jew indirett fuq is-sikurezza tal-ikel u tal-għalf, u li għandha tipprovdi informazzjoni indipendenti dwar il-kwistjonijiet kollha f’dawn l-oqsma u tikkomunika dwar ir-riskji. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 29 ta’ dak ir-Regolament, l-EFSA għandha toħroġ opinjoni xjentifika fuq it-talba tal-Kummissjoni, dwar kwalunkwe kwistjoni fil-kompetenza tal-missjoni tagħha, u fil-każijiet kollha fejn il-leġiżlazzjoni tal-Komunità tipprovdi li l-Awtorità tiġi kkonsultata;

(23) Għalhekk, fit-23 ta’ Settembru 2009, il-Kummissjoni bagħtet mandat lill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) fejn talbitha, abbażi tal-evidenza ġdida pprovduta mill-Portugall u fid-dawl tar-rekwiżiti tal-Artikolu 95(5) tat-Trattat tal-KE, jekk l-evidenza partikolari tirrigwardax il-protezzjoni tal-ambjent għal raġunijiet ta’ xi problema speċifika għaż-żona konċernata, jiġifieri r-Reġjun Awtonomu ta’ Madejra.

(24) F’dawk iċ-ċirkostanzi, l-adozzjoni tal-Opinjoni tal-EFSA hija meħtieġa qabel l-adozzjoni ta’ deċiżjoni dwar in-notifika Portugiża. Fid-dawl tal-ambitu estiż tal-effetti ambjentali potenzjalment negattivi, indikati min-notifika Portugiża u l-kumplessità tal-aspetti xjentifiċi marbuta mal-koltivazzjoni tal-OMĠ fir-Reġjun Awtonomu ta’ Madejra, jeħtieġ li l-EFSA tingħata perjodu ta’ żmien raġjonevoli qabel l-adozzjoni tal-Opinjoni tagħha. Għalhekk, il-Kummissjoni talbet l-EFSA biex tagħti l-Opinjoni tagħha sal-31 ta’ Jannar 2010.

(25) Il-ġustifikazzjonijiet imressqa mill-Portugall ma jagħmlux referenzi speċifiċi għall-periklu għas-saħħa tal-bniedem li tkun ikkawżata mill-koltivazzjoni tal-OMĠ fir-Reġjun Awtonomu ta’ Madejra. Filwaqt li jirreferi speċifikament għar-riskji għall-ambjent u s-saħħa ekoloġika, ma tressqet l-ebda evidenza fir-rigward tal-effetti identifikati jew potenzjali fuq is-saħħa tal-bniedem. L-argumenti xjentifiċi kollha ffokaw biss fuq l-aspetti agrikoli u l-protezzjoni tal-bijodiversità f’Madejra.

(26) Fid-dawl ta’ dak li ssemma hawn fuq, l-adozzjoni ta’ deċiżjoni fi żmien sitt xhur, jiġifieri data ta’ skadenza tal-4 ta’ Novembru 2009, kif stipulat fl-Artikolu 95(6)(1) tat-Trattat tal-KE, jkollha nuqqasijiet fir-rigward tal-appoġġ xjentifiku meħtieġ għal kwistjoni kumplessa bħal din. Għaldaqstant, fid-dawl tal-kumplessità tal-kwistjoni u n-nuqqas ta’ periklu għas-saħħa tal-bniedem, il-Kummissjoni, f’konformità mal-Artikolu 95(6)(3) tat-Trattat tal-KE, għandha ttawwal il-perjodu għad-deċiżjoni dwar in-notifika Portugiża għal sitt xhur oħra, jiġifieri sal-4 ta’ Mejju 2010,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1 Il-perjodu għall-approvazzjoni jew ir-rifjut tad-Digriet Leġiżlattiv Reġjonali li jiddikjara lir-Reġjun Awtonomu ta’ Madejra bħala Żona Ħielsa minn Organiżmi Modifikati Ġenetikament, notifikat mir-Repubblika tal-Portugall f’konformità mal-Artikolu 95(5) tat-Trattat tal-KE, huwa mtawwal sal-4 ta’ Mejju 2010.

Artikolu 2 Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Portugall.

Magħmul fi Brussell, it-3 ta’ Novembru 2009. Għall-Kummissjoni Stavros Dimas Membru tal-Kummissjoni

Versions

  1. 2009-11-03