Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 925/2009 tal-24 ta’ Settembru 2009 li jimponi dazju anti-dumping definittiv u jiġbor b’mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerta fuljetta tal-aluminju li joriġinaw mill-Armenja, mill-Brażil u mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina
Grade B
mapped from publisher markup. A grade says how a document's structure was obtained, not how reliable the law is.
Address https://gelex.eu/eli/EU/act/2009/925@2009-09-24/mt
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,
Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 tat-22 ta’ Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ir-Regolament bażiku) u b’mod partikolari l-Artikolu 9 tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mressqa mill-Kummissjoni wara li kkonsultat mal-Kumitat Konsultattiv,
Billi: PROĊEDURA Il-miżuri provviżorji
(1) Bir-Regolament (KE) Nru 287/2009 (ir-Regolament provviżorju) il-Kummissjoni imponiet dazju provviżorju anti-dumping fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerta fuljetta tal-aluminju li joriġinaw mill-Armenja, mill-Brażil u mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ir-RPĊ).
(2) Il-proċedura tressqet wara li tressaq ilment mill-Eurométaux (l-ilmentatur) f’isem il-produtturi li jirrappreżentaw proporzjon kbir, f’dan il-każ aktar minn 25 %, tal-produzzjoni totali tal-fuljetta tal-aluminju tal-Komunità.
(3) Kif stabbilit fil-premessa 13 tar-Regolament provviżorju, l-investigazzjoni ta’ dumping u ħsara kopriet il-perjodu mill-1 ta’ Lulju 2007 sat-30 ta’ Ġunju 2008 (il-perjodu ta’ investigazzjoni jew il-PI). L-eżami tax-xejriet għall-valutazzjoni tal-ħsara kopra l-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2005 sa tmiem il-perjodu tal-investigazzjoni (il-perjodu kkunsidrat).
Il-proċedura sussegwenti
(4) Wara li ġew żvelati l-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali, li fuqhom ġie deċiż li jkunu imposti miżuri provviżorji anti-dumping (pubblikazzjoni proviżorja), għadd ta’ partijiet interessati ressqu preżentazzjonijiet bil-miktub fejn urew il-fehmiet tagħhom dwar ir-riżultati provviżorji. Il-partijiet li talbu li jinstemgħu, ingħataw l-opportunità.
(5) Wara l-impożizzjoni tal-miżuri provviżorji anti-dumping, Il-Kummissjoni kompliet l-investigazzjoni tagħha fir-rigward tad-dumping, tal-ħsara u tal-interess tal-Komunità u kompliet fit-twettieq tal-analiżi u żjarat ta’ verifika tad-dejta fit-tweġibiet għall-kwestjonarju li taw xi produtturi esportaturi u produtturi fil-Komunità.
(6) Saru ħames żjarat addizzjonali ta’ verifika fuq il-post tal-produtturi Komunitarji li ġejjin:
Novelis UK Limited, Bridgnorth, Ir-Renju Unit,
Novelis Lussemburgu, Dudelange, Il-Gran Dukat tal-Lussemburgu,
Novelis Foil France S.A.S., Rugles, Franza,
Grupa Kęty SA, Kęty, il-Polonja,
Hydro Aluminium Inasa, S.A., Irurtzun, Spanja.
(7) Saret żjara addizzjonali waħda fuq il-post tal-kumpanija li ġejja konnessa mal-produtturi esportaturi:
Alcoa Transformación de Productos, S.L., Alicante, Spanja.
(8) Saru tliet żjarat addizzjonali fuq il-post tal-produtturi esportaturi li ġejjin:
Alcoa (Shanghai) Aluminium Products Co., Ltd, Shanghai u Alcoa (Bohai) Aluminium Industries Co., Ltd, Hebei,
Shandong Loften Aluminium Foil Co., Ltd, Shandong,
Zhenjiang Dinsheng Aluminium Industries Joint-Stock Limited Company, Jiangsu.
(9) Saret ukoll żjara għall-Shanghai Futures Exchange, Shanghai.
(10) Il-partijiet kollha ġew infurmati bil-fatti essenzjali u l-kunsiderazzjonijiet li minħabb fihom kien hemm ħsieb li tiġi rakkomandata l-impożizzjoni ta’ miżuri anti-dumping definittivi fuq importazzjonijiet ta’ ċerta fuljetta tal-aluminju li joriġinaw mill-Armenja, mill-Brażil u mir-RPĊ u l-ġbir definittiv tal-ammonti miġbura bħala dazju provviżorju. Ingħataw ukoll perjodu li fih setgħu jagħmlu l-appelli wara li dan ġie żvelat.
(11) Il-kummenti orali u bil-miktub ppreżentati mill-partijiet interessati tqiesu u, fejn xieraq, ir-riżultati ġew modifikati skont dawn.
L-ambitu tal-investigazzjoni
(12) L-esportatur produttur Brażiljan argumenta li kellha tkun inkluża fl-ambitu tal-investigazzjoni r-Russja billi, waqt il-perjodu kkunsidrat il-volumi tal-importazzjoni u l-ishma tas-suq mir-Russja kienu sinifikanti u anki akbar minn dawk mill-Armenja. Barra minn hekk, il-produttur esportatur Brażiljan allega li l-prezzijiet tal-importazzjoni mir-Russja kienu tal-istess livell mal-prezzijiet tal-importazzjoni mill-pajjiżi kkonċernati u li kien hemm evidenza prima facie ta’ dumping fi żmien il-bidu tal-investigazzjoni.
(13) Meta analizzat l-ilment, il-Kummissjoni waslet għall-konklużjoni li ma kienx hemm biżżejjed evidenza prima facie ta’ dumping min-naħa tar-Russja. Għaldaqstant, kien iġġustifikat li r-Russja ma kinetx imdaħħla fl-ilment. Fin-nuqqas ta’ evidenza ta’ dumping, mhuwiex rilevanti li l-volumi tal-importazzjoni u/jew l-ishma tas-suq ta’ importazzjonijiet li oriġinaw mir-Russja kienu ogħla minn dawk ta’ xi pajjiż jew pajjiżi li daħlu fl-ambitu tal-investigazzjoni. Id-dikjarazzjoni tal-produttur esportatur Brażiljan għaldaqstant ġiet rifjutata.
IL-PRODOTT IKKONĊERNAT U PRODOTT SIMILI
(14) L-industrijalisti Komunitarji li huma ‘l isfel fil-linja tax-xogħol, jiġifieri dawk li jerġgħu jirrumblaw l-fuljetta tal-aluminju, sostnew li l-prodott ikkonċernat għandu jinkludi wkoll ir-rollijiet ta’ daqs li jinxtara mill-konsumatur individwali, jiġifieri ta’ inqas minn 10 kg, għar-raġuni li jekk il-miżuri kellhom jittieħdu biss fuq l-importazzjonijiet tal-fuljetta tal-aluminju li tiżen ‘il fuq minn 10 kg (rombli jumbo), ikun hemm żieda fl-esportazzjoni ta’ rollijiet għall-konsumatur individwali bi prezzijiet baxxi mill-pajjiżi kkonċernati. Sostnew ukoll li ż-żewġ prodotti huma bażikament l-istess u d-differenza bejniethom hija biss fl-ippakkjar.
(15) Fil-premessi minn 15 sa 19 tar-Regolament provviżorju ġie konkluż li r-rollijiet magħmulin għall-konsumatur individwali u r-rombli jumbo huma prodotti differenti inkwantu l-karatteristiċi fiżiċi u l-użu finali tagħhom. L-istħarriġ li sar wara dan ikkonferma din il-konklużjoni. Tassew, id-differenzi fiżiċi bejn ir-rollijiet magħmulin għall-konsumatur individwali u r-rombli jumbo mhumiex sempliċiment differenza tal-ippakkjar, billi l-prodott ikkonċernat irid jerġa’ jiġi rrumblat qabel ma jkun ippakkjat u jerġa’ jinbiegħ lill-klijent finali. Ġie stabbilit ukoll li l-klijenti, il-mezzi tal-bejgħ u l-applikazzjonijiet bażiċi huma differenti. Għalhekk ma kienx xieraq li r-rollijiet magħmulin għall-konsumatur individwali jaqgħu fl-ambitu ta’ din l-investigazzjoni.
(16) L-allegazzjoni li l-importazzjonijiet tar-rombli jumbo jistgħu jiġu sostitwiti b’importazzjonijiet ta’ rollijiet għall-konsumaturi hija ttrattata fil-premessi minn 97 sa 99.
(17) Fin-nuqqas ta’ kummenti oħrajn dwar il-prodott ikkonċernat u l-prodott simili, il-konklużjonijiet kif inhuma ttrattati fil-premessi minn 14 sa 21 tar-Regolament provviżorju huma b’dan ikkonfermati.
IT-TRATTAMENT TAL-EKONOMIJA TAS-SUQ (TES) U L-PAJJIŻ ANALOGU L-Armenja
(18) L-esportatur produttur waħdieni fl-Armenja kkontesta l-konklużjonijiet provviżorji li huma stipulati fil-premessi minn 24 sa 31 tar-Regolament Provviżorju.
(19) Il-kumpanija bdiet billi ddikjarat li l-Kummissjoni kienet żbaljat f’li kkunsidrat li kumpanija fl-Armenja kellha l-bżonn li tapplika għat-TES, għaliex fl-opinjoni tagħha l-Armenija huwa pajjiż fejn hemm ekonomija tas-suq skont il-Ftehim tad-WTO Anti-Dumping u qalet li għandha titneħħa l-Armenja min-nota tal-qiegħ tal-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku anti-dumping.
(20) Minkejja dan, kif stipulat fil-premessa 25 tar-Regolament provviżorju, l-Armenja hija msemmija speċifikament fin-nota tal-qiegħ tal-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku fost il-pajjiżi li ma għandhomx ekonomija tas-suq. It-trattament tal-esportaturi produtturi fil-pajjiżi membri tad-WTO li ma għandhomx ekonomija tas-suq huwa stipulat fl-Artikolu 2(7)(b). Dawn id-dispożizzjonijiet ġew segwiti fis-sħiħ fl-investigazzjoni kurrenti. Għalhekk dan l-argument reġa’ twarrab.
(21) Il-kumpanija mbagħad iddikjarat li kienet tissodisfa t-tieni kriterju TES, li kien instab provviżorjament li ma kienx ġie sodisfatt fil-premessi minn 27 sa 29 tar-Regolament provviżorju. Il-kumpanija bbażat l-argument tagħha fuq il-preżentazzjoni tal-kontijiet għall-2007 li ma kinux ġew ippreżentati waqt iż-żjara tal-verifika tal-kumpanija qabel ma ġew imposti l-miżuri provviżorji. Il-kumpanija tenniet li ma kinitx taħseb li t-tieni kriterju TES kien jeħtieġ li l-kontijiet tagħha kellhom isiru skont l-istandards internazzjonali tal-kontabbiltà u li kienu suffiċjenti l-istandards tal-kontabbiltà Armenjani, billi l-Armenja hija membru tad-WTO.
(22) Dan l-argument kien rifjutat. Il-kumpanija għandha l-obbligu li jkollha sett wieħed ċar ta’ kontijiet li jissodisfaw l-istandards internazzjonali tal-kontabbiltà. In-nuqqasijiet innutati mill-awdituri għas-snin finanzjarji 2006 u 2007 wrew biċ-ċar li l-kontijiet ma kinux saru skont l-IAS (l-istandard internazzjonali tal-kontabbiltà) u għalhekk il-kumpanija ma setgħetx tipprova li kienet issodisfat t-tieni kriterju TES. Il-kriterji TES iwasslu għall-istandards internazzjonali u li pajjiż ikun membru tad-WTO ma jbiddel xejn. Barra minn hekk, li pajjiż ikun membru tad-WTO mhijiex garanzija ta’ prevalenza tal-kundizzjonijiet tas-suq fl-attività ekonomika ta’ kumpanija waħda.
(23) Il-kumpanija ulterjorment iddikjarat li kienet tissodisfa t-tielet kriterju TES, li provviżorjament kien instab li ma kienx ġie issodisfat fil-premessa 30 tar-Regolament provviżorju għal raġunijiet marbuta mal-bejgħ ta’ ishma mill-Istat Armen kif ukoll minħabba l-għoti ta’ art bla ħlas mill-Istat lill-kumpanija. Il-kumpanija ddikjarat li l-kwistjoni tal-għoti tal-art mingħajr ħlas lill-kumpanija ma kinitx importanti u li ma kellhiex tiddaħħal mal-kwistjoni l-oħra rigward l-ishma, kwistjoni li l-kumpanija wkoll ma tarahiex rilevanti.
(24) Dan l-argument ukoll ġie miċħud. Il-fatt li l-art inkisbet mingħajr ħlas ta’ xejn, u li din tista’ tinbiegħ bil-pagament tal-valur katastrali (li hu ħafna inqas mill-valur tas-suq) lill-Istat, ifisser li dik l-art hija ass importanti u ta’ valur għall-kumpanija li ma tidhirx fil-kontijiet tal-kumpanija u għalhekk għandha effett sinifikanti fuq l-ispejjeż tal-kumpanija. Barra minn hekk, il-kumpanija ma setgħetx iġġib provi li t-tagħwiġ li rriżulta mill-bejgħ tal-ishma bi prezz orħos minn dak nominali ma kienx sinifikanti.
(25) Għalhekk jista’ jkun konkluż li ż-żewġ kwistjonijiet li jikkonċernaw l-osservanza tat-tielet kriterju TES jindikaw distorzjoni li intirtet minn sitwazzjoni fejn ma kienx hemm ekonomija tas-suq.
(26) Ġiet ikkonfermata d-deċiżjoni li din il-kumpanija ma għandhiex tingħata t-TES.
Ir-RPĊ
(27) Esportatur produttur waħdieni fl-RPĊ ikkontesta l-konklużjonijiet provviżorji li huma stipulati fil-premessa (32) tar-Regolament Provviżorju. Il-kumpanija tenniet li l-Kummissjoni ma kienx imissha qabblet il-prezzijiet ikkwotati mix-Shanghai Futures Exchange (ix-SHFE) u l-London Metal Exchange (l-LME) billi teħodhom it-tnejn mingħajr il-VAT, u li mingħajr dan l-aġġustament il-prezzijiet kienu se jidhru jixxiebħu waqt il-perjodu tal-investigazzjoni.
(28) Dan l-argument ma ntlaqax għar-raġunijiet li hemm stipulati fil-premessa 38 tar-Regolament provviżorju, billi l-prezzijiet għandhom jitqabblu fuq bażi ta’ similarità. Il-manifatturi Ċiniżi tal-prodott ikkonċernat iħallsu l-VAT fuq ix-xiri tal-aluminju primarju. Il-biċċa l-kbira ta’ dan il-VAT wara jerġa’ jiġi mitlub lura fil-bejgħ tal-prodott maħdum, kemm jekk jinbiegħ fil-pajjiż stess (f’dan il-każ jistgħu jitolbuh kollu lura) kif ukoll jekk jinbiegħ għall-esportazzjoni (f’dan il-każ il-gvern Ċiniż jirristrinġi t-talbiet lura tal-VAT b’ċerti rati għal ċerti prodotti f’ċerti żminijiet). L-inklużjoni ta’ ammont żgħir ta’ VAT li ma jistax jintalab lura ma għandhiex biżżejjed effett fuq il-konklużjonijiet li jidhru hawn fuq.
(29) Ta’ min wieħed jinnota wkoll li d-differenza sinifikattiva fil-prezz bejn il-LME u x-SHFE waqt il-PI turi l-indħil tal-istat fil-mekkaniżmu tal-iffissar tal-prezzijiet għall-aluminju primarju, din deċiżjoni tar-Regolament Provviżorju (premessa 32) li ġiet ikkonfermata wara ż-żjara tas-servizzi tal-Kummissjoni lix-SHFE.
(30) Din iż-żjara kkonfermat li l-Istat għandu rwol primarju fl-iffissar tal-prezzijiet fix-SHFE u jindaħal fil-mekkaniżmi tal-iffissar tal-prezzijiet, partikolarment meta wieħed iqis il-pożizzjoni tiegħu ta’ bejjiegħ tal-aluminju primarju u xerrej, permezz tal-Aġenzija tar-Riżerva tal-Istat u korpi statali oħrajn. Barra minn hekk, l-Istat jiffissal-limiti tal-prezzijiet ta’ kuljum permezz tar-regoli tax-SHFE li ġew approvati mir-Regolatur tal-istat u l-Kummissjoni Regolatorja tas-Sigurtajiet taċ-Ċina (CSRC). Jidher ċar ukoll li x-SHFE hija aġenzija tal-kambju miftuħa biss għall-kumpaniji rreġistrati fiċ-Ċina u għaċ-ċittadini Ċiniżi u ma hemm l-ebda arbitraġġ effettiv bejn ix-SHFE u l-aġenziji tal-kambju internazzjonali barra miċ-Ċina. Dan jidher fid-differenzi sinifikattivi tal-prezz bejn ix-SHFE u l-aġenziji internazzjonali tal-kambju bħal-LME. Barra minn dan, meta kuntratt futur tax-SHFE jintemm b’konsenja reali, dan jista’ jsir biss f’maħżen approvat fir-RPĊ (Repubblika Popolari taċ-Ċina), mhux kif isir fil-kambji internazzjonali, fejn il-konsenja tista’ ssir mad-dinja kollha. Dawn ir-regoli tal-kunsinn jiżguraw li s-suq domestiku Ċiniż jibqa’ mħares mis-suq dinji u li t-tagħwiġ fil-prezzijiet jibbenefikaw minnhom biss il-kumpaniji Ċiniżi.
(31) Id-deċiżjonijiet provviżorji stipulati fil-preamboli minn 22 sa 40 huma għalhekk ikkonfermati.
Ir-RPĊ u l-Armenja: It-trattament individwali (TI)
(32) Fin-nuqqas ta’ kummenti, is-sejbiet provviżorji fir-rigward tal-produttur esportatur fl-Armenja stipulati fil-premessa 42 tar-Regolament provviżorju huma konfermati.
(33) Produttur li jippproduċi u jesporta fiċ-Ċina kkontesta d-deċiżjoni provviżorja, stipulata fil-premessa (42) tar-Regolament Provviżorju, li t-talba tagħha għat-TI tiġi miċħuda. Din iċ-ċaħda saret minħabba li l-Istat kellu l-ikbar sehem fil-kumpanija Il-kumpanija ddikjarat li ċ-ċaħda għandha titreġġa’ lura għaliex id-dritt tal-pussess tal-Istat kien ġej permess ta’ kumpanija kkwotata fil-Borża ta’ Hong Kong u ma kienx hemm Uffiċjali Statali fuq il-Bord tad-Diretturi.
(34) Dawn l-argumenti ġew rifjutati. Fil-maġġoranza tagħha, il-kumpanija hija proprjetà tal-Istat u għaldaqstant il-Bord tad-Diretturi, li jmexxi l-kumpanija, għandu responsabbiltà lejn id-detentur maġġur tal-ishma – l-Istat. Il-kumpanija ma setgħetx tipprova, u ma wriet l-ebda evidenza li turi, li l-Istat ma jistax jindaħal fid-deċiżjonijiet kummerċjali tal-kumpanija permezz tad-deċiżjonijiet tal-Bord tad-Diretturi tagħha.
(35) Għalhekk, id-deċiżjonijiet provviżorji stipulati fil-premessi 41 u 42 tar-Regolament provviżorju huma kkonfermati.
Pajjiż analogu
(36) Fin-nuqqas ta’ ebda kumment, id-deċiżjoni provviżorja li t-Turkija hija pajjiż xieraq bħala pajjiż analogu kif stipulat fil-premessi minn 43 sa 52 tar-Regolament provviżorju huma kkonfirmati.
ID-DUMPING Il-Brażil
(37) Fin-nuqqas ta’ kummenti, is-sejbiet provviżorji stipulati fil-premessi minn 53 sa 68 tar-Regolament provviżorju huma kkonfermati.
L-Armenja
(38) L-esportatur produttur waħdieni fl-Armenja kkontesta d-deċiżjonijiet provviżorji li huma stipulati fil-premessi minn 69 sa 77 tar-Regolament Provviżorju. Il-kumpanija ddikjarat li t-tnaqqis li sar skont l-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku għall-bejgħ, għall-infiq ġenerali u amministrattiv (SG&A) u għal profitt raġonevoli mill-bejgħ permezz ta’ kumpaniji konnessi ma kienx ġustifikat.
(39) Meta dan ġie studjat, instab li ċertu bejgħ ma kienx sar permezz ta’ importaturi konnessi fil-Komunità. Taħt dawn iċ-ċirkostanzi, l-aġġustamenti skont l-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku ma kinux ġustifikati u b’hekk il-kalkoli ġew riveduti skont dan.
Ir-RPĊ
(40) Fin-nuqqas ta’ kummenti, is-sejbiet provviżorji stipulati fil-premessi minn78 sa 82 tar-Regolament provviżorju huma kkonfermati.
(41) Għall-kalkolu tal-marġini residwu tad-dumping miċ-Ċina ġiet immodifikata l-metodoloġija provviżorja stipulata fil-premessa 83 tar-Regolament provviżorju, b’mod li l-marġini ġiet ikkalkulata skont medja differenzjata ta’ (i) il-marġini ġenerali tad-dumping ikkalkolata għall-kumpanija li ma ngħatatx TES u TI, u (ii) l-ogħla transazzjoni dumped ta’ dik il-kumpanija applikata għall-prezzijiet tal-esportazzjoni li nstabu fil-Comext (ir-rappreżentanza tal-esportaturi Ċiniżi li ma kkooperawx). Fuq din il-bażi, il-livell ta’ dumping mal-pajjiż kollu ġie stabbilit gћal 47.0 % tal-prezz CIF fuq il-fruntiera tal-Komunità, bid-dazju mhux imħallas.
Il-marġini definittivi tad-dumping Il-pajjiż Il-kumpanija Il-marġini definittiv tad-dumping Il-Brażil Companhia Brasileira de Aluminio 27,6 % Il-kumpaniji l-oħrajn kollha 27,6 % RPC Alcoa Bohai u Alcoa Shanghai 25,6 % Shandong Loften 33,7 % Zhenjiang Dingsheng 37,4 % Il-kumpaniji l-oħrajn kollha 47,0 % L-Armenja RUSAL Armenal 33,4 % Il-kumpanniji l-oħrajn kollha 33,4 % IL-ĦSARA Produzzjoni tal-Komunità u d-definizzjoni tal-industrija tal-Komunità
(42) Kif imsemmi fil-premessa 87 tar-Regolament provviżorju, l-ilment sar minn Eurométaux f’isem erba’ produtturi Komunitarji li kkooperaw fl-investigazzjoni. Produttur ieħor appoġġa l-ilment u produttur ieħor opponiħ. Il-ħames produtturi li lmentaw jew appoġġaw l-ilment għalhekk tqiesu li jikkostitwixxu l-Industrija Komunitarja (l-IK) fis-sens tal-Artikoli 4(1) u 5(4) tar-Regolament bażiku.
(43) Fin-nuqqas ta’ ebda kumment rigward il-produzzjoni u d-definizzjoni tal-industrija tal-Komunità, il-premessi minn 86 sa 87 tar-Regolament provviżorju huma b’dan ikkonfermati.
Il-konsum Komunitarju
(44) Il-kumpanija produttriċi esportatriċi Armena kkontestat l-iffissar tal-konsum Komunitarju bl-argument li l-bejgħ tal-IK fis-suq vinkolanti kien imissu tqies. L-istess kumpanija ddikjarat ukoll li d-dejta kkalkulata li kienet inkluża fl-ilment ma kinitx bażi soda biex jiġi stmat il-konsum fil-Komunità u għamlet referenza għal studju tas-suq indipendenti.
(45) Sa fejn jirrigwarda l-allegat użu vinkolanti, instab li kien hemm biss volum limitat ħafna maħsub għas-suq vinkolanti waqt il-PI. F’dan kien ikkonċernat produttur Komunitarju wieħed biss fil-bejgħ fl-ewwel sena taż-żmien li kien qed jitqies. Għalhekk ġie konkluż li dan kellu biss impatt insinifikanti fuq is-sitwazzjoni ġenerali.
(46) Sa fejn jirrigwarda l-iffissar tal-konsum totali tal-Komunità, l-metodoloġija użata fl-istadju provviżorju tqieset raġonevoli u tat idea ġenerali tajba tas-sitwazzjoni kif inhi. Il-kumpanija produttriċi esportatriċi Armena ma spjegatx b’liema mod kienet rat li l-metodoloġija li użaw l-istituzzjonijiet Komunitarji ma kinitx raġonevoli u kif, b’konsegwenza ta’ dan, kienet se tagħti riżultati mhux kredibbli. L-investigazzjoni li kkwotat il-kumpanija produttriċi esportatriċi Armena nstabet li ma kinitx direttament rilevanti billi kienet tirreferi għal tipi differenti ta’ fuljetta tal-aluminju u kienet tinkludi d-dejta dwar kumpaniji minn barra l-UE li ma setgħetx tiġi vverifikata. Barra minn hekk, il-konklużjonijiet provviżorji għall-konsum totali tal-Komunità inklużi fit-Tabella 1 fil-premessa 90 tar-Regolament provviżorju ġew ikkonfermati minn partijiet interessati oħrajn li kienu jinkludu importaturi li ma kellhomx konnessjoni mal-IK.
(47) Fuq dan kollu ġie deċiż li l-konsum Komunitarju totali kif iffissat fir-Regolament provviżorju juri ritratt tajjeb tas-sitwazzjoni kif inhi.
(48) Fin-nuqqas ta’ kummenti oħrajn rigward il-konsum tal-Komunità, il-premessi minn 88 sa 90 tar-Regolament provviżorju huma b’dan ikkonfermati.
L-evalwazzjoni kumulattiva tal-effetti tal-importazzjonijiet ikkonċernati
(49) Wara l-pubblikazzjoni provviżorja, l-esportatur produttur Brażiljan tenna li l-prodott li ġej mill-Brażil jissodisfa standards ogħla, pereżempju kundizzjonijiet ta’ qawwa minima ta’ elastiċità u ta’ titwil li jippermettu firxa usa ta’ użi u bejgħ lil firxa usa ta’ klijenti mqabbel mal-prodott esportat miż-żewġ pajjiżi l-oħra kkonċernati. B’hekk, ġie allegat li kien hemm diversi sezzjonijiet tas-suq miftuħa għall-fuljetta tal-aluminju, skont il-kwalità tal-prodott, u li l-prodott Brażiljan biss jissodisfa l-istandards biex jinbiegħ fl-ogħla livell tas-suq tal-prodotti tal-marka.
(50) Il-produttur esportatur Brażiljan tenna wkoll li l-mezzi tal-bejgħ u l-modi tad-distribuzzjoni tal-prodotti tiegħu kienu differenti. Hu sostna b’mod partikolari li l-esportazzjonijiet Brażiljani kienu saru permezz tan-negozjanti filwaqt li l-produtturi esportaturi Armeni u Ċiniżi jbigħu direttament lil kummerċjanti fil-Komunità li jirrumblaw l-aluminju mill-ġdid. L-esportatur Brażiljan iddikjara wkoll li hu għandu relazzjonijiet kummerċjali stabbli ma’ klijenti individwali fil-Komunità li ilhom stabbiliti fit-tul, waqt li l-esportaturi mill-Armenja u mir-RPĊ m’ilhomx li daħlu fis-suq Komunitarju.
(51) Fl-aħħar nett, l-istess produttur esportatur argumenta li x-xejriet fir-rigward tal-volum ta’ importazzjonijiet u ishma tas-suq kienu differenti minn tal-pajjiżi l-oħrajn esportaturi u dan kellu juri li l-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni kienu tassew differenti.
(52) Fir-rigward tal-ewwel allegazzjoni, jiġifieri d-differenza fl-istandards tal-kwalità, l-investigazzjoni wriet li minkejja d-differenzi fil-kwalità, is-suq tal-fuljetta tal-aluminju kien immexxi l-iżjed skont il-prezzijiet u li d-differenzi fil-kwalità kellhom biss rwol żgħir fl-għażla tal-fornitur. Dawn is-sejbiet ġew ikkonfermati mill-importaturi u utenti kkonċernati li kienu qegħdin jikkooperaw. B’hekk, l-allegazzjoni mhux sostanzjata tal-produttur esportatur Brażiljan, jiġifieri li s-suq tal-fuljetta tal-aluminju kien maqsum f’ħafna sezzjonijiet skont id-differenzi fil-kwalità tal-prodott ma setgħetx tiġi kkonfermata waqt din l-investigazzjoni u d-dikjarazzjoni magħmula f’dan ir-rigward kellha tiġi rifjutata.
(53) Fejn jirrigwarda l-allegati mezzi differenti tal-bejgħ, u l-metodi ta’ distribuzzjoni, huwa nnotat li l-produttur esportatur Brażiljan ma jikkontestax li kien ibiegħ il-prodotti tiegħu kemm permezz ta’ negozjant individwali kif ukoll direttament lil kummerċjanti fil-Komunità li jirrumblaw l-aluminju mill-ġdid. Minħabba f’hekk ġie deċiż li l-mezzi tal-bejgħ kienu l-istess. Il-fatt li l-esportatur Brażiljan kien stabbilixxa relazzjonijiet kummerċjali fit-tul fis-snin li għaddew ma jfissirx li dawk il-prodotti ma kellhomx l-istess kundizzjonijiet ta’ kompetittività bħall-prodotti tal-kompetituri li kienu għadhom jibdew f’dak is-suq. Il-produttur esportatur la ddikjara u lanqas wera li l-klijenti tiegħu ma kinux iduru lejn fornituri oħra kieku kien jaqblilhom. Għalhekk, il-fatt li l-esportatur Brażiljan ilu fis-suq Komunitarju ma jwassalx għall-konklużjoni li l-prodotti tiegħu għandhom kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni differenti minn tal-prodotti impurtati mill-Armenja u mir-RPĊ. Id-dikjarazzjoni magħmula f’dan ir-rigward għalhekk ġiet rifjutata.
(54) Fl-aħħar nett, fir-rigward ix-xejriet differenti tal-importazzjoni, il-produttur esportatur Brażiljan ma ppreżentax iżjed informazzjoni jew evidenza u għalhekk il-konklużjonijiet stipulati fil-premessa 93 huma b’dan ikkonfermati.
(55) Wara l-pubblikazzjoni provviżorja, il-produttur esportatur argumenta li l-importazzjonijiet mill-Armenja għandhom ikunu dekumulati għall-fini tal-analiżi tal-ħsara minħabba l-kwantitajiet żgħar tal-importazzjoni, is-sehem żgħir mis-suq u x-xejriet li ma jsirx tibdil fl-importazzjoni, kif ukoll minħabba d-differenzi sinifikanti fil-kwalità tal-prodott bejn il-prodott esportat mill-Armejna u dawk esportati mill-Brażil u r-RPĊ.
(56) Din id-dikjarazzjoni ma setgħetx tiġi aċċettata għaliex instab li kienu ssodisfatti l-kundizzjonijiet kollha għall-kumulazzjoni kif stipulati fl-Artikolu 3(4) tar-Regolament bażiku:
kif ġie stabbilit provviżorjament u kkonfermat hawn fuq fil-premessi minn 38 sa 39, il-marġini tad-dumping iffissat għall-Armenja kien jaqbeż il-limitu de minimis iddefinit fl-Artikolu 9(3) tar-Regolament bażiku,
il-volum ta’ importazzjonijiet mill-Armenja, ma kienx negliġibbli fit-tifsira tal-Artikolu 5(7) tar-Regolament bażiku, jiġifieri l-ishma tas-suq kisbu l-5,26 %, kif definit fil-premessa 96 (tabella 4) tar-Regolament provviżorju. Instab ukoll li l-importazzjonijiet mill-Armenja żdiedu b’mod sinifikanti mill-2006 sal-aħħar tal-PI minkejja d-dħul mill-ġdid tal-importazzjonijiet mir-RPĊ u l-importazzjonijiet sinifikanti mill-Brażil waqt il-perjodu kkonċernat,
fir-rigward tal-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni fost il-prodotti impurtati mill-pajjiżi kkonċernati u b’mod partikolari fir-rigward tal-argumenti marbutin mad-differenżi sinifikanti fil-kwalità fost il-prodotti impurtati, kif stipulat hawn fuq fil-premessa 52, instab li l-prodotti mill-Armenja għandhom karatteristiċi fiżiċi u tekniċi li huma simili u kienu jintużaw bażikament fl-istess applikazzjonijiet irrispettivament mill-kwalità speċifika tagħhom. Huwa nnotat ukoll li dan il-produttur esportatur iddikjara l-intenzjoni tiegħu li jbiddel il-produzzjoni għal fuljetti konvertituri ta’ kwalità ogħla, u dan jindika li l-argument rigward il-kwalità allegatament ħażina tal-prodotti jista’ jkun li hu esaġerat.
(57) Id-dikjarazzjonijiet tal-produttur esportatur Armen f’dan ir-rigward għalhekk ġew rifjutati.
(58) Fin-nuqqas ta’ kummenti oħrajn magħmula b’rabta mal-valutazzjoni kumulattiva tal-effetti tal-importazzjonijiet ikkonċernati skont l-Artikolu 3(4) tar-Regolament bażiku, il-konklużjonijiet provviżorji stipulati fil-premessi minn 91 sa 94 tar-Regolament provviżorju huma b’dan ikkonfermati.
L-importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati Ammont u sehem mis-suq tal-pajjiżi kkonċernati
(59) Fin-nuqqas ta’ ebda kumment fir-rigward tal-importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati, is-sejbiet stipulati fil-premessi 95 u 96 tar-Regolament provviżorju, huma b’dan ikkonfermati.
Il-prezzijiet
(60) Fin-nuqqas ta’ ebda kumment fir-rigward tal-prezzijiet tal-importazzjonijiet ikkonċernati, is-sejbiet stipulati fil-premessa 97 tar-Regolament provviżorju, huma b’dan ikkonfermati.
Il-bejgħ bi prezz irħas
(61) Il-produttur esportatur Brażiljan ikkontesta l-metodoloġija użata biex jiġi kkalkulat il-marġini tal-prezz irħas tal-bejgħ li kien japplika għalih. F’dan ir-rigward, il-produttur esportatur iddikjara li l-kalkolu tal-marġini għall-bejgħ bi prezz irħas ma kienx sar fuq l-istess livell ta’ kummerċ. Għalhekk kien iddikjarat li l-esportazzjonijiet mill-Brażil kienu jinbiegħu lil importatur individwali li jerġa’ jbiegħ il-prodott lil dawk li jirrumblaw l-aluminju mill-ġdid filwaqt li l-bejgħ tal-IK sar direttament lil dawk li jirrumblaw l-aluminju mill-ġdid. Għalhekk, kien iddikjarat li l-ispejjeż tal-bejgħ, u dawk ġenerali u amministrattivi (SG&A) kien messhom żdiedu mal-prezz tal-esportazzjoni. L-investigazzjoni wriet li, kontra dak li allega l-produttur esportatur Brażiljan, il-bejgħ tal-prodotti esportati ma sarx lil importatur individwali iżda ‘l fuq minn 70 % tal-bejgħ kien direttament lil dawk li jirrumblaw l-aluminju mill-ġdid. Bl-istess mod, l-investigazzjoni wriet li l-parti l-kbira tal-prodott ikkonċernat kien mibjugħ mill-IK lil min ikebbeb l-aluminju mill-ġdid, anki jekk kien hemm xi bejgħ lin-negozjanti. Għalhekk, ġie deċiż, anke sabiex ikun żgurat li l-paragun isir fuq l-istess livell ta’ negozju, li l-bejgħ lin-negozjant ikun eskluż u li l-kalkolu tal-prezz irħas kellu jsir biss skont il-bejgħ dirett lil min ikebbeb l-aluminju mill-ġdid. Billi dan il-bejgħ kien jirrappreżenta ‘l fuq mis-70 % tal-bejgħ totali lill-Komunità mill-produttur esportatur, dan tqies li kien rappreżentattiv.
(62) Argument ieħor li ġab dan il-produttur esportatur Brażiljan kien li kien imissu sar aġġustament li jqis id-differenzi fil-kwalità bejn il-prodott impurtat u dak tal-IK. B’danakollu, l-investigazzjoni wriet biċ-ċar li l-kwalità mhijiex fattur determinanti, billi l-għażla tal-konsumatur hija determinata iżjed mill-prezz milli mid-differenzi fil-kwalità (pereżempju l-ħxuna tal-fuljetta).
(63) Minħabba r-raġunijiet li jidhru hawn fuq, il-prezz bl-irħis differenzjat medju, espress bħala perċentwal tal-prezzijiet tal-bejgħ tal-IK lil klijenti indipendenti fuq livell tal-fabbrika, kien ta’ 9,6 % għall-Brażil.
(64) Fin-nuqqas ta’ kummenti oħrajn fir-rigward il-bejgħ bi prezz irħas, is-sejbiet stipulati fil-premessi minn 98 sa 100 tar-Regolament provviżorju huma b’dan ikkonfermati.
Il-qagħda tal-industrija Komunitarja
(65) Kif intqal fil-premessa 42, il-fatturi tal-ħsara ġew determinati skont l-informazzjoni mingħand ħames produtturi Komunitarji li ġiet ivverifikata. Is-sitt produttur Komunitarju ppreżenta kwestjonarju mimli wara li kienet saret id-deċiżjoni provviżorja, l-informazzjoni li ppreżenta ma setgħetx aktar tiġi vverifikata u għalhekk ma tqisitx fid-deċiżjoni definittiva. Wara li temmew iż-żjarat kollha fuq il-post, kien hemm il-ħtieġa li għadd ta’ fatturi tal-ħsara jiġu riveduti fuq l-evidenza li nstabet fil-kumpaniji fejn saru ż-żjarat. Għalhekk, kien hemm ħtieġa għar-reviżjoni, skont l-Artikolu 3(5) tar-Regolament bażiku, tal-eżami tal-impatt tal-importazzjonijiet li kienu l-oġġett ta’ dumping fuq l-Industrija Komunitarja u l-valutazzjoni tal-fatturi ekonomiċi kollha li għandhom rilevanza għall-istat tal-Industrija Komunitarja matul il-perjodu meqjus.
Produzzjoni, kapaċità u utilizzazzjoni tal-kapaċità Produzzjoni, kapaċità u utilizzazzjoni tal-kapaċità 2005 2006 2007 PI Produzzjoni f’tunnellati 50952 48467 40071 32754 Produzzjoni (indiċi) 100 95 79 64 Kapaċità ta’ produzzjoni f’tunnellati 59400 59400 59400 59400 Kapaċità ta’ produzzjoni (indiċi) 100 100 100 100 Użu tal-kapaċità 86 % 81 % 67 % 55 % Użu ta’ kapaċità (indiċi) 100 94 79 64
(66) Kif jidher fit-tabella hawn fuq, il-volum tal-produzzjoni mill-IK xorta waħda wera xejra negattiva bejn l-2005 u l-PI. Sa fejn jirrigwarda l-kapaċità tal-produzzjoni totali, il-konklużjonijiet definittivi kkonfermaw it-tnaqqis fil-kapaċità tal-użu waqt il-perjodu kkonċernat.
Il-volum tal-bejgћ, is-sehem mis-suq, it-tkabbir u l-prezz medju tal-unità fil-KE
(67) Tabella 2:
It-tabella ta’ hawn taħt turi r-rendiment tal-Industrija Komunitarja fir-rigward tal-bejgħ tagħha lil klijenti indipendenti fil-Komunità. Il-volum tal-bejgћ, is-sehem mis-suq, il-prezzijiet u l-prezzijiet medji tal-unità fil-Komunità 2005 2006 2007 PI Volum ta’ bejgħ (tunnellati) 43661 45191 37207 30310 Volum ta’ bejgħ (indiċi) 100 104 85 70 Sehem mis-suq 48 % 53 % 34 % 33 % Prezzijiet tal-unità (EUR/tunnellata) 2566 3045 3219 3068 Prezzijiet ta’ unità (indiċi) 100 119 125 120
(68) Kif ġie stabbilit provviżorjament, filwaqt li l-konsum fil-Komunità żdied b’4 % waqt il-perjodu kkonċernat, il-volum tal-bejgħ tal-IK naqas bi 30 %, jiġifieri l-IK ma setgħetx tibbenifika miż-żieda fil-konsum. Konsegwentament, is-sehem tal-IK mis-suq naqas minn 48 % fl-2005 għal 33 % fil-PI.
(69) Għalhekk, sa fejn tikkonċerna l-prestazzjoni tal-IK fir-rigward tal-bejgħ lill-klijenti indipendenti fil-Komunità, is-sejbiet definittivi ma bidlux il-qagħda tal-konklużjonijiet provviżorji b’mod sinifikanti.
Ħażniet
(70) Tabella 3:
Iċ-ċifri ta’ hawn taћt jirrappreżentaw il-volum tal-ħażniet fi tmiem kull perjodu. Ħażniet 2005 2006 2007 PI Il-ħażniet f’tunnellati 1789 1711 2148 2355 Ħażniet (indiċi) 100 96 120 132
(71) Kif intqal fil-premessa 107 tar-Regolament provviżorju, l-investigazzjoni kixfet li l-ħażniet ma jistgħux jitqiesu bħala fattur ta’ ħsara sinifikanti minħabba li l-biċċa l-kbira tal-produzzjoni ssir fuq l-ordnijiet. Għalhekk, ix-xejriet fil-ħażniet qed jingħataw bħala tagħrif. Għalkemm is-sejbiet definittivi issa qegħdin juru żieda sinifikanti ta’ 32 % fil-livelli tal-ħażna, din instabet li kienet ikkawżata minn ħażna qawwija li kellha kumpanija waħda u għalhekk mhijiex rappreżentattiva ta’ xi xejra.
L-investimenti u l-ħila li jinġabar kapital L-investimenti 2005 2006 2007 PI L-investimenti (EUR) 7090015 807899 1355430 3998397 Investmenti (indiċi) 100 11 19 56
(72) L-investiment tal-IK naqas b’mod sinifikanti; jiġifieri x-xejra stabbilita fir-Regolament provviżorju fil-premessa 108 hija kkonfermata. Fin-nuqqas ta’ ebda tibdil jew kummenti sinifikanti fir-rigward tal-investimenti mill-IK bejn l-2005 u l-PI, is-sejbiet stipulati fil-premessa 108 tar-Regolament provviżorju, huma b’dan ikkonfermati.
Il-Profittabiltà, ir-redditu fuq l-investiment u l-likwidità Il-Profittabiltà, ir-redditu fuq l-investiment u l-likwidità 2005 2006 2007 PI Profitabbiltà fuq il-bejgħ tal-KE –2,8 % –2,6 % 0,2 % –0,1 % Ir-redditu fuq l-investimenti totali –43,7 % –439,1 % 19,3 % –1,3 % Il-likwidità 2 % 1 % 4 % 5 %
(73) It-tabella ta’ hawn fuq turi li l-profittabiltà tal-IK żdiedet ftit waqt il-perjodu kkonċernat minkejja li baqgħet negattiva u b’mod partikolari ħafna iżjed baxxa mill-profitt mira ta’ 5 % waqt il-PI. Kif jidher fit-Tabelli 1 u 2 hawn fuq, l-investigazzjoni wriet li d-deterjorazzjoni tal-IK kienet prinċipalment minħabba tnaqqis sinifikanti tal-volumi tal-produzzjoni u tal-bejgħ tal-IK. Dan jindika li minħabba l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping l-IK tilfet mill-volumi tal-bejgħ u mill-ishma mis-suq fl-isforzi tagħha biex tevita t-telf. B’konklużjoni għal dan, minkejja li l-IK kisbet profitti marġinali fl-2007, reġgħet għamlet xi ftit telf waqt il-PI, u għalhekk wieħed jista’ jgħid li l-IK sofriet ħsara materjali. Is-sejbiet riveduti dwar il-profittabbiltà ma bidlux il-konklużjonijiet provviżorji f’dan ir-rigward, u s-sejbiet definittivi ma jnaqqsu xejn mill-konklużjoni li l-profittabbiltà ġenerali baqgħet baxxa ħafna, jekk mhux negattiva, minkejja li l-konsum żdied sostanzjalment fl-2007 u waqt il-PI.
(74) Id-dħul fuq l-investiment reġa’ ġie kkalkulat fuq id-dejta mingħand l-IK ivverifikata bl-istess metodoloġija msemmija fil-premessa 110 tar-Regolament provviżorju. B’riżultat ta’ dan, l-indikatur nstab pożittiv fis-sena 2007, u rrifletta profitt żgħir għall-IK waqt l-istess perjodu.
(75) Fir-rigward tal-fluss tal-likwidità, is-sejbiet definittivi wkoll ġew riveduti skont id-dejta mingħand l-IK vverifikata. Dan l-indikatur jikkonferma li l-IK ppruvat tirreaġixxi għaż-żieda qawwija fl-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping mill-pajjiżi kkonċernati billi żżomm il-prezzijiet tal-bejgħ fuq livelli kemm jista’ jkun għoljin għad-detriment tal-volumi tal-bejgħ u tal-ishma fis-suq.
L-impjiegi, il-Produttività u l-Pagi L-impjiegi, il-Produttività u l-Pagi 2005 2006 2007 PI In-numru ta’ impjegati 482 460 386 343 In-numru ta’ impjegati (indiċi) 100 95 80 71 L-ispiża tal-impjieg 13618746 13031854 10882109 9642041 L-ispiża tal-impjieg (indiċi) 100 96 80 71 L-ispejjeż medji fuq il-ħaddiema 28226 28359 28195 28122 L-ispejjeż medji fuq il-ħaddiema (Indiċi) 100 100 100 100 Produttività (tunnellati/impjegat) 106 105 104 96 Produttività (Indiċi) 100 100 98 90
(76) Wara reviżjoni tad-dejta, wieħed jista’ jikkonkludi li bejn l-2005 u l-PI ix-xejriet fir-rigward tal-impjiegi, il-produttività u l-pagi tal-IK baqgħu ġeneralment jixbħu lil dawk li diġà kienu deskritti fir-Regolament provviżorju. Fin-nuqqas ta’ ebda tibdil jew kummenti sinifikanti, is-sejbiet stabbiliti fil-premessa (112) tar-Regolament provviżorju huma b’dan ikkonfermati.
Id-daqs tal-marġini tad-dumping
(77) Fin-nuqqas ta’ ebda kumment dwar dan ta’ hawn fuq, is-sejbiet stipulati fil-premessa (113) tar-Regolament provviżorju, huma b’dan ikkonfermati.
L-irkupru minn dumping fl-imgħoddi
(78) Fin-nuqqas ta’ ebda kumment dwar dan ta’ hawn fuq, is-sejbiet stipulati fil-premessa (114) tar-Regolament provviżorju, huma b’dan ikkonfermati.
Tkabbir
(79) Fin-nuqqas ta’ ebda kumment dwar dan ta’ hawn fuq, is-sejbiet stipulati fil-premessa (115) tar-Regolament provviżorju, huma b’dan ikkonfermati.
Il-konklużjoni dwar il-ħsara
(80) Fin-nuqqas ta’ kummenti oħrajn rigward il-qagħda tal-industrija Komunitarja, il-konklużjoni li l-industrija Komunitarja ġarrbet ħsara materjali, kif stabbilita fil-premessi minn 116 sa 118 tar-Regolament provviżorju hija b’dan ikkonfermata.
IL-KAWŻALITÀ Effetti tal-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping
(81) Il-produttur esportatur Armen ddikjara li s-sehem tas-suq tal-importazzjonijiet Armeni matul il-perjodu kkunsidrat ma kienx, bħala medja biżżejjed biex jikkawża d-dannu soffert mill-industrija tal-Komunità. Wieħed mill-produtturi esportaturi fir-RPĊ ddikjara li l-importazzjonijiet miċ-Ċina ma kkawżaw ebda dannu għaliex il-profittabbiltà tal-IK uriet xejra li qed tiżdied parallela ma’ żieda fl-importazzjonijiet mir-RPĊ.
(82) Kif issemma fil-premessi minn 91 sa 94 tar-Regolament provviżorju u kif ikkonfermat hawn fuq fil-premessi minn 49 sa 58, kienu ssodisfati l-kundizzjonijiet għall-kumulazzjoni tal-importazzjonijiet mill-pajjiżi kollha li huma investigati sabiex ikun evalwat l-impatt ta’ importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping fuq is-sitwazzjoni tal-industrija tal-Komunità skont l-Artikolu 3(4) tar-Regolament Bażiku. Konsegwentement, analiżi ta’ pajjiż individwali tal-importazzjonijiet mill-pajjiżi konċernati tqieset mhux xierqa u d-dikjarazzjonijiet ta’ hawn fuq kellhom jiġu rifjutati.
(83) Safejn huwa kkonċernat l-iżvilupp tal-profittabbiltà tal-IK, iċ-ċifri riveduti ma bidlux b’mod drammatiku l-istampa globali tad-dannu. L-IK rat it-telf tagħha jonqos bejn l-2005 u l-2006 filwaqt li fl-2007 l-industrija kienet marġinalment profittabbli (0,2 %). Dan il-livell ta’ profitt naqas fil-PI u nbidel f’telf żgħir ta’ – 0,1 %.
(84) Huwa mfakkar ukoll li kif kien konkluż fil-premessa 121 tar-Regolament provviżorju u l-premessa 73, id-deterjorazzjoni tal-IK ssarrfet prinċipalment fi tnaqqis sinifikanti tal-volum tal-produzzjoni u l-volum tal-bejgħ tal-IK. Dan juri li l-IK, iffaċċjata b’importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping, telf fil-volumi tal-bejgħ u s-sehem tas-suq fi sforz biex jeliminaw it-telf. Bħala konklużjoni, minkejja li l-IK kisbet profitti żgħar fl-2007, huwa kkonfermat li l-IK sofriet dannu materjali hekk kif is-sejbiet riveduti dwar il-profittabbiltà wrew telf fil-PI. Billi d-deterjorazzjoni tas-sitwazzjoni tal-IK ħabtet maż-żieda fl-importazzjonijiet mill-pajjiżi konċernati, il-konklużjonijiet stabbiliti fil-premessa 123 tar-Regolament provviżorju huma b’dan ikkonfermati.
(85) Huwa għalhekk konkluż li l-pressjoni eżerċitata minn importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping, li żiedu b’mod sinifikattiv il-volum u s-sehem tagħhom tas-suq mill-2006 ‘il quddiem kellha sehem determinanti fid-dannu soffert mill-industrija tal-Komunità. Għaldaqstant id-dikjarazzjonijiet ta’ hawn fuq huma rifjutati.
Effetti ta’ fatturi oħra Importazzjonijiet li joriġinaw mill-pajjiżi terzi minbarra r-RPĊ, l-Armenja u l-Brażil
(86) Fin-nuqqas ta’ ebda kumment dwar l-importazzjonijiet li joriġinaw mill-pajjiżi terzi barra l-pajjiżi konċernati, il-konklużjonijiet magħmula fil-premessi minn 124 sa 126 tar-Regolament provviżorju huma b’dan ikkonfermati.
Esportazzjonijiet mill-industrija Komunitarja
(87) Fin-nuqqas ta’ ebda kumment rigward il-prestazzjoni tal-esportazzjoni tal-IK, il-konklużjonijiet magħmula fil-premessi 127 u 128 tar-Regolament provviżorju huma b’dan ikkonfermati.
L-importazzjonijiet mill-industrija Komunitarja
(88) B’referenza għal ċerta informazzjoni, produttur esportatur argumenta li l-volum impurtat minn wieħed mill-produtturi Komunitarji mingħand kumpanija Ċiniża marbuta miegħu kien sinifikanti.
(89) Madankollu, dawn l-allegazzjonijiet ma setgħux jiġu kkonfermati billi ċ-ċifri verifikati tal-produttur esportatur Ċiniż fil-kwistjoni u l-importatur Komunitarju marbut miegħu kkonfermaw il-konklużjonijiet provviżorji riflessi fil-premessa 129 tar-Regolament provviżorju.
Ħsara li wieħed iġib fuqu nnifsu
(90) Numru ta’ partijiet interessati rrispondew li l-produtturi Komunitarji x’aktarx ikollhom iżjed interess fis-suq tal-Fuljetta tal-Aluminju Konvertitur (FAK) li jrendi iżjed. Sar l-argument li l-FAK u l-prodott ikkonċernat (li jismu wkoll Fuljetta tal-Aluminju Domestiku) isiru fuq l-istess linji ta’ produzzjoni u għalhekk tkun relattivament faċli li wieħed ibiddel minn prodott għall-ieħor. Għalhekk, it-tnaqqis fil-volum tal-produzzjoni tal-IK tal-prodott ikkonċernat huwa riżultat taż-żieda fil-produzzjoni tal-FAK mill-IK u mhux taż-żieda fl-importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati. Sar l-argument ukoll li, għall-kuntrarju ta’ dan, iż-żieda fl-importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati kien riżultat ta’ nuqqas fil-provvista tal-IK fis-suq Komunitarju minħabba ż-żieda fil-produzzjoni tal-FAK. Is-sejbiet fil-premessa 132 tar-Regolament provviżorju ġew ikkritikati li kienu bbażati fuq iċ-ċifri marbutin ma’ produttur Komunitarju tal-FAK wieħed biss.
(91) L-investigazzjoni kkonfermat li l-volumi tal-produzzjoni tal-FAK mill-IK ma żdiedux b’mod sinifikanti. L-investigazzjoni iżjed fil-fond wriet li ebda wieħed mill-produtturi Komunitarji li lmentaw u li appoġġjaw ma dawwar xi parti sinifikanti tal-produzzjoni totali tiegħu għall-FAK, u għalhekk l-allegazzjonijiet li saru f’dan ir-rigward kellhom ikunu rrifjutati. Fuq din il-bażi ma setax jiġi konkluż li kien hemm xi moviment sostanzjali fil-kapaċitajiet tal-produzzjoni mill-prodott ikkonċernat għall-FAK. L-istess magni tal-irrumblar jistgħu jipproduċu tipi differenti ta’ fuljetta, u għalhekk jista’ jkun mifhum ukoll li kieku l-profittabbiltà tal-prodott ikkonċernat kellha tirkupra skont il-kundizzjonijiet tan-negozju ġust, l-IK tkun tista’ tiddisponi minn kapaċità ikbar għall-produzzjoni tal-prodott ikkonċernat. Dan għalhekk jikkonferma l-konklużjonijiet provviżorji riflessi fil-premessa (132) tar-Regolament provviżorju.
Żvilupp tal-konsum fis-suq Komunitarju
(92) Fin-nuqqas ta’ ebda kumment rigward il-konsu fis-suq Komunitarju, il-konklużjonijiet magħmula fil-premessi 133 u 134 tar-Regolament provviżorju huma b’dan ikkonfermati.
L-iżvilupp tal-ispejjeż tal-IK
(93) Produttur esportatur ddikjara li l-IK kienet kapaċi żżid il-marġini tal-profitti tagħha minkejja ż-żieda fl-ispejjeż għall-materja prima, li jikkontradixxi l-konklużjoni provviżorja riflessa fil-premess 136 tar-Regolament provviżorju, jiġifieri li l-IK ma setgħetx iżżid il-prezzijiet tal-bejgħ bl-istess pass bħaż-żieda tal-ispejjeż għall-materja prima. Din id-dikjarazzjoni kellha tiġi rifjutata. L-ewwel nett, għalkemm l-investigazzjoni finalment żvelat ftit titjib fil-profittabbiltà għall-2007, it-tkabbir fil-profitt ma segwiex l-istess xejra bħaż-żieda fil-konsum tal-Komunità. It-tieni nett, iż-żidiet fl-ispejjeż meta mgħoddija lill-klijenti rriżultaw f’telf sinifikanti ta’ volumi tal-bejgħ u sehem mis-suq, minħabba l-eżistenza tal-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping fis-suq li kellhom prezzijiet orħos ħafna minn dawk tal-IK. L-investigazzjoni żvelat ukoll li t-tnaqqis fil-volum tal-produzzjoni kien marbut ma’ żieda qawwija ta’ importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping filwaqt li l-kapaċitajiet tal-produzzjoni baqgħu stabbli. Bħala riżultat, l-ispejjeż tal-produzzjoni kienu allokati għal volumi iktar baxxi ta’ produzzjoni, li żiedu l-ispejjeż kull unità.
Il-konklużjoni dwar il-kawżalità
(94) Fin-nuqqas ta’ kummenti oħra f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet fil-premessi 137 u 138 tar-Regolament provviżorju huma b’dan ikkonfermati.
L-INTERESS KOMUNITARJU L-interess tal-industrija Komunitarja
(95) Fin-nuqqas ta’ ebda kumment rigward l-interess tal-industrija tal-Komunità, il-konklużjonijiet fil-premessi minn 142 sa 145 tar-Regolament provviżorju huma b’dan ikkonfermati.
Interess tal-importaturi
(96) Fin-nuqqas ta’ kummenti rigward l-interess tal-importaturi, is-sejbiet imniżżla fil-premessi minn 146 sa 149 tar-Regolament provviżorju huma b’dan ikkonfermati.
Interess tal-utenti
(97) Dawk li jirrumblaw l-aluminju mill-ġdid, li huma l-utenti prinċipali tal-prodott konċernat fil-Komunità Ewropea, irrappreżentati mill-Aluminium Foil Association ddikjaraw li:
kuntrarju għas-sejbiet provviżorji fil-premessa 153 tar-Regolament provviżorju, l-ispiża ta’ trasport ta’ rombli tal-konsumatur miċ-Ċina tirrappreżenta biss perċentwali żgħir tal-valur tal-oġġetti (madwar 1 % tal-prezz tal-bejgħ) u ma jkun hemm kważi ebda differenza mal-ispiża tat-trasport tal-prodott konċernat (madwar 0,2 % tal-prezz tal-bejgħ),
it-taħlita kbira tal-prodott offruta minn dawk li jirrumblaw l-aluminju mill-ġdid fil-Komunità ma tkunx ta’ vantaġġ billi min ibigħ bl-imnut ikun jista’ wkoll jikseb il-prodott fi kwantitajiet kbar permezz ta’ kuntratti separati minn importanturi/kummerċjanti ta’ rombli tal-konsumatur,
kuntrarju għas-sejbiet provviżorji fil-premessa 154 tar-Regolament provviżorju, il-produzzjoni ta’ FAK se tibqa’ l-prijorità tal-produtturi tal-Komunità li mhumiex interessati fil-produzzjoni tal-prodott ikkonċernat. Fil-każ li jkunu imposti miżuri definittivi, il-forniment tal-prodott ikkonċernat fil-Komunità ma jkunux suffiċjenti biex jilħqu l-ħteġijiet ta’ min jirrombla l-aluminju mill-ġdid,
kuntrarju għas-sejbiet provviżorji fil-premessa 163 tar-Regolament provviżorju, miżuri definittivi, jekk ikun hemm, għandhom japplikaw ukoll fuq prodotti li jkunu jiżnu inqas minn 10 kg. Inkella, dawn il-miżuri jwasslu għal żieda qawwija ta’ importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping ta’ rombli għall-konsumatur, speċjalment miċ-Ċina, b’konsegwenzi negattivi severi għal min jirrombla l-aluminju mill-ġdid fil-Komunità, li twassal għat-telf ta’ 4000 impjieg fil-Komunità. Din l-opinjoni kienet appoġġjata mill-produtturi esportaturi miż-żewġ pajjiżi konċernati.
(98) L-evidenza ppreżentata fir-rigward tal-ispejjeż tat-trasport kienet meqjusa kredibbli u għalhekk tista’ tkun aċċettata. Iżda, ir-riskju li l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat jistgħu jkunu sostituti minn importazzjonijiet tal-prodott l-aktar ‘l isfel fil-linja tax-xogħol mhuwiex meqjus fih innifsu bħala raġuni biex ma jkunux imposti miżuri anti-dumping. Tassew, ebda evidenza ma kienet ippreżentata jew miksuba b’tali mod li importazzjonijiet bħal dawn jiżdiedu fi kwantitajiet sinifikanti u bi prezzijiet irħas minn dawk li jirrumblaw l-aluminju mill-ġdid fil-Komunità. Prattiċi ta’ kummerċ inġust ta’ produtturi esportaturi tal-prodott l-aktar ‘l isfel fil-linja tax-xogħol se jkollhom ikunu eżaminati separatament fuq il-bażi ta’ evidenza prima facie suffiċjenti. Barra minn hekk, huwa kkunsidrat li bidla għal prodotti l-aktar ‘l isfel fil-linja tax-xogħol fir-RPĊ fi kwantitajiet akbar huwa ħafna probabbli li tieħu ftit taż-żmien billi tkun teħtieġ investimenti ġodda f’makkinarju u t-twaqqif ta’ kanali ġodda ta’ bejgħ. Għalhekk kwalunkwe effetti jinħassu biss fil-medda medja ta’ żmien. Sa fejn huwa kkonċernat l-għadd ta’ impjiegi fl-industrija aktar ‘l isfel fil-linja tax-xogħol fil-Komunità, din id-dikjarazzjoni ma kinetx sostanzjata. Għalhekk iċ-ċifri rrappurtati ma tqisux kredibbli. Fuq din il-bażi, il-konklużjonijiet provviżorji mniżżla fil-premessi minn 153 sa 162 tar-Regolament provviżorju huma b’dan ikkonfermati.
(99) Fin-nuqqas ta’ kummenti oħra fir-rigward l-interess tal-Komunità, is-sejbiet imniżżla fil-premessi minn 150 sa 163 tar-Regolament provviżorju huma b’dan ikkonfermati.
IL-MIŻURI DEFINITTIVI ANTI-DUMPING Il-livell tal-eliminazzjoni tal-ħsara
(100) Produttur esportatur stqarr li l-kalkolu tal-livell tal-eliminazzjoni tal-ħsara għandu jkun ibbażat fuq l-ispiża tal-produzzjoni aktar milli fuq il-prezz tal-bejgħ tal-prodott konċernat. L-istess esportatur ddikjara li l-profitt immirat użat biex ikun ikkalkolat il-livell ta’ eliminazzjoni tal-ħsara kien wisq għoli u kellu jkun 1 % biex ikun iktar konformi maċ-ċirkostanzi attwali tas-suq, b’mod partikulari t-tnaqqis fl-attività ekonomika. Barra minn hekk, dan il-produttur esportatur tenna li l-aġġustamenti messhom ssaru għad-differenzi fil-kwalità bejn il-prodott esportat u dak manifatturat mill-IK fis-suq tal-Komunità.
(101) Safejn hija kkonċernata l-ewwel dikjarazzjoni, jiġifieri li l-livell ta’ eliminazzjoni tal-ħsara għandu jkun stabbilit fuq il-bażi tal-ispiża tal-produzzjoni, huwa nnutat li l-użu ta’ metodoloġija bħal din ma għandha ebda effett fuq ir-riżultati u għalhekk kienet ikkunsidrata irrelevanti. Rigward il-livell tal-profitt immirat, kif issemma fil-premessa 165 tar-Regolament provviżorju kien użat marġini ta’ profitt ta’ qabel it-taxxa konservattiv ħafna ta’ 5 % għall-produtturi. Dan kien propost ukoll fl-ilment u użat fl-investigazzjoni ta’ qabel. Iżda, il-profitt immirat propost ma kienx f’livell li seta’ jippermetti lill-IK biex iżżomm il-kapaċitajiet tal-produzzjoni u investimenti ġodda u għalhekk kellu jkun rifjutat. Rigward id-dikjarazzjoni dwar il-kwalità tal-prodott, u kif diġà elenkat fil-premessa 52 instab li t-tipi kollha tal-prodott għandhom karatteristiċi fiżiċi u tekniċi bażiċi simili u ntużaw fl-istess applikazzjonijiet bażiċi irrispettivament mill-kwalità speċifika tagħhom. Fin-nuqqas ta’ ebda evidenza li tappoġġja dawn l-allegazzjonijiet, il-konklużjonijiet provviżorji mniżżla fil-premessi minn 164 sa 166 tar-Regolament provviżorju huma b’dan ikkonfermati.
(102) Produttur esportatur ieħor argumenta li l-livell tal-eliminazzjoni tal-ħsara messu jimmira biex jiffissal-prezzijiet tal-bejgħ li jikkumpensaw it-telf reali. Dan kellu jkun irrifjutat billi l-livell tal-eliminazzjoni tal-ħsara huwa l-livell tal-prezz li l-industrija Komunitarja aktarx tikseb meta ma hemmx importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping.
(103) L-istess produttur esportatur kompla jargumenta li l-profitt mira għandu jkun iffissat fil-livell tal-profitt attwali li jkun sar fil-bidu tal-perjodu kkonċernat, li f’dan il-każ kien telf. Fuq din il-bażi, il-marġini tal-orħos prezz tal-bejgħ ikun de minimis.
(104) Dan l-argument kellu jkun irrifjutat għar-raġuni li l-IK kienet għadha ssofri l-effetti ta’ okkażjoni ta’ dumping li kienet ġrat qabel mir-Russja u mir-RPĊ u ta’ importazzjonijiet li kienu l-oġġett ta’ dumping oriġinati mill-Brażil. Għalhekk kien ikkunsidrat li marġini ta’ profitt ta’ 5 % ikun marġini ta’ profitt li jista’ jinkiseb b’mod raġonevoli minn industrija ta’ dan it-tip fis-settur taħt kundizzjonijiet normali ta’ kompetizzjoni.
(105) Kif jidher fuq fil-premessa 61, biex ikun żgurat tqabbil fuq l-istess livell ta’ negozju, il-bejgħ tal-produttur esportatur Brażiljan lin-negozjant indipendenti ma tqisux fil-kalkolu tal-prezz bl-irħis u b’konsegwenza ta’ dan lanqas ma tqies il-livell tal-eliminazzjoni tal-ħsara.
(106) Fin-nuqqas ta’ kummenti oħrajn dwar il-livell tal-eliminazzjoni tal-ħsara, il-premessi minn 164 sa 166 tar-Regolament provviżorju huma b’dan ikkonfermati.
(107) Il-kalkolu tal-livelli tal-eliminazzjoni tal-ħsara mal-pajjiż kollu tar-RPĊ ġie kkalkulat skont il-medja differenzjata tal-marġini tal-ħsara ta’ kumpanija fir-RPĊ li ma kienx irnexxielha tikseb it-TES u t-TI u l-livell tal-eliminazzjoni tal-ħsara tal-iżjed transazzjoni dumped mill-istess kumpanija. Fuq din il-bażi, il-livell ta’ dumping mal-pajjiż kollu ġie stabbilit gћal 30,0 % tal-prezz CIF fuq il-fruntiera tal-Komunità, bid-dazju mhux imħallas.
Il-forma u l-livell tad-dazji
(108) Fid-dawl ta’ dak li ntqal u skont l-Artikolu 9(4) tar-Regolament bażiku, id-dazju anti-dumping definittiv għandu jiġi impost fuq livell suffiċjenti biex titneħħa l-ħsara kkawżata mill-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping mingħajr ma jinqabeż il-marġini ta’ dumping misjub.
(109) Qed ikunu proposti r-rati li ġejjin ta’ dazji anti-dumping definittivi: Il-pajjiż Il-kumpanija Il-marġini ta’ dumping definittiv Il-marġini ta’ dumping definittiv Dazju anti-dumping definittiv Il-Brażil Companhia Brasileira de Aluminio 27,6 % 17,6 % 17,6 % Il-kumpaniji l-oħrajn kollha 27,6 % 17,6 % 17,6 % RPĊ Alcoa Bohai u Alcoa Shanghai 25,6 % 6,4 % 6,4 % Shandong Loften 33,7 % 20,3 % 20,3 % Zhenjiang Dingsheng 37,4 % 24,2 % 24,2 % Il-kumpaniji l-oħrajn kollha 47,0 % 30,0 % 30,0 % L-Armenja RUSAL Armenal 33,4 % 13,4 % 13,4 % Il-kumpaniji l-oħrajn kollha 33,4 % 13,4 % 13,4 %
(110) Ir-rati ta’ dazju anti-dumping ta’ kumpaniji individwali li ġew speċifikati f’dan ir-Regolament kienu stabbiliti fuq il-bażi tas-sejbiet tal-investigazzjoni preżenti. Għalhekk, dawn jirriflettu s-sitwazzjoni li nstabet waqt l-investigazzjoni rigward dawn il-kumpaniji. Dawn ir-rati ta’ dazju (għall-kuntrarju ta’ dazju applikabbli fil-pajjiż kollu għall-kumpaniji l-oħra kollha) għaldaqstant huma esklussivament applikabbli għall-importazzjonijiet ta’ prodotti li joriġinaw fil-pajjiż ikkonċernat u manifatturati mill-kumpaniji msemmija. Il-prodotti importati mmanifatturati minn xi kumpanija oħra mhux imsemmija speċifikament fil-parti operattiva ta’ dan ir-Regolament bl-isem u l-indirizz tagħha, inklużi entitajiet relatati ma’ dawk imsemmija speċifikament, ma jistgħux jibbenefikaw minn dawn ir-rati u għandhom ikunu suġġetti għar-rata tad-dazju applikabbli għall-kumpaniji l-oħrajn kollha.
(111) Kwalunkwe talba gћall-applikazzjoni ta’ din ir-rata ta’ dazju anti-dumping gћal kumpaniji individwali (pereżempju wara bdil fl-isem tal-entità jew wara li jiġu stabbiliti entitajiet ġodda ta’ produzzjoni jew ta’ bejgћ) gћandha tiġi indirizzata minnufih lill-Kummissjoni bit-tagħrif kollu rilevanti, b’mod partikolari fir-rigward ta’ kwalunkwe modifika fl-attivitajiet tal-kumpanija marbuta ma’ produzzjoni, bejgћ domestiku u ta’ esportazzjoni u li jkunu assoċjati, pereżempju, ma’ din il-bidla fl-isem jew ma’ din il-bidla fl-entitajiet ta’ produzzjoni u ta’ bejgћ. Jekk ikun xieraq, ir-Regolament jiġi mbagħad emendat skont dan billi tiġi aġġornata l-lista ta’ kumpaniji li jgawdu minn rati ta’ dazju individwali.
Il-ġbir definittiv ta’ dazji provviżorji
(112) Minħabba l-kobor tal-marġnijiet ta’ dumping li nstabu u fid-dawl tal-livell ta’ ħsara kkaġunata lill-industrija Komunitarja, jitqies neċessarju li l-ammonti li nġabru permezz tad-dazju provviżorju anti-dumping, impost mir-Regolament provviżorju, għandhom jinġabru b’mod definittiv sal-ammont tad-dazji definittivi imposti. Fejn id-dazji definittivi jkunu aktar baxxi mid-dazji provviżorji, l-ammonti miġbura b’mod provviżorju li jkunu ogħla mir-rata definittiva ta’ dazji anti-dumping għandhom jinħelsu.
Għamla tal-miżuri
(113) Matul l-investigazzjoni, l-uniku produttur esportatur li koopera fl-Armenja u l-uniku produttur esportatur li koopera fil-Brażil offrew impenji fuq il-prezz skont l-Artikolu 8(1) tar-Regolament bażiku.
(114) Iż-żewġ offerti ġew eżaminati. L-offerta tal-esportatur tal-Brażil telimina l-effett ta’ ħsara tad-dumping u tillimita għal grad suffiċjenti r-riskju ta’ evażjoni. Fir-rigward tal-offerta tal-esportatur tal-Armenja, billi l-grupp tal-kumpanija għandu struttura kumplessa u għandu kanali kumplessi tal-bejgħ, hemm riskju għoli li jkun hemm kumpens dupplikat lill-istess klijenti għall-istess prodott iżda minn oriġini differenti, kif ukoll bejgħ ta’ prodotti differenti lill-istess klijenti minn kumpaniji differenti tal-bejgħ fl-istess grupp. Il-produttur Armen għamel offerta ta’ impenn sostanzjalment riveduta wara l-iskadenza stipulata fl-Artikolu 8(2) tar-Regolament bażiku. Ta’ min jinnota li barra mill-fatt li l-offerta riveduta tressqet wara l-iskadenza, ma tistax tiġi aċċettata għar-raġuni li ġejja: minkejja li l-kumpanija offriet li tbiegħ biss direttament lill-ewwel klijent indipendenti fl-UE, jiġifieri mingħajr ma tinkludi ż-żewġ kumpaniji relatati tagħha fil-proċess tal-bejgħ, l-investigazzjoni wriet li l-kumpanija biegħet prodotti oħra lill-istess kumpaniji fl-UE. Barra minn hekk, il-kumpanija ħabbret li qed tippjana li tipproduċi u tbigħ tip ta’ prodott ġdid, jiġifieri FAK lill-UE. Billi huwa possibbli li dan it-tip ġdid ta’ prodott jinbiegħ lill-istess klijenti fl-UE, anki l-offerta riveduta ma tistax tillimata r-riskju ta’ duplikazzjoni tal-kumpens għal grad aċċettabbli.
(115) Bid-Deċiżjoni 2009/736/KE, il-Kummissjoni aċċettat l-offerta ta’ impenn minn Companhia Brasiliera de Aluminio (CBA). Il-Kunsill jagħraf li l-offerta ta’ impenn telimina l-effett ta’ ħsara tad-dumping u tillimita għal grad suffiċjenti r-riskju ta’ evażjoni. L-offerta minn Rusal Armenal ma ġietx milqugħa għar-raġunijiet stipulati fil-premessa 114 u wkoll minħabba l-problemi li nstabu fil-kontijiet tagħhom, kif spjegat fil-Premessi 21 u 22.
(116) Biex tippermetti lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet doganali biex jissorveljaw aktar l-osservanza tal-garanziji minn CBA, meta tiġi ppreżentata talba lill-awtorità rilevanti tad-dwana għall-moviment ħieles, l-eżenzjoni mid-dazju anti-dumping ssir jiddependi minn (i) preżentazzjoni ta’ rċevuta ta’ impenn, li tkun irċevuta kummerċjali li jkollha mill-anqas l-elementi msemmija u d-dikjarazzjoni stipulati fl-Anness II; (ii) l-oġġetti importati jkunu manifatturati, mibgħuta u ffatturati direttament minn CBA lill-ewwel klijent indipendenti fil-Komunità u (iii) l-oġġetti ddikjarati u ppreżentati lill-awtoritajiet tad-dwana jikkorrispondu eżattament mad-deskrizzjoni tal-fattura tal-impenn. Fejn il-kundizzjonijiet ta’ hawn fuq ma jiġux sodisfatti għandu japplika d-dazju anti-dumping xieraq fil-mument tal-aċċettazzjoni tad-dikjarazzjoni għar-rilaxx fiċ-ċirkolazzjoni ħielsa.
(117) Kull meta l-Kummissjoni tirtira, skont l-Artikolu 8(9) tar-Regolament bażiku, l-approvazzjoni tagħha ta’ impenn wara xi ksur billi tirreferi għal tranżazzjonijiet partikolari u tiddikjara bħala invalidi l-fatturi ta’ impenn rilevanti, għandu jiġi impost dejn doganali fil-ħin li tiġi aċċettata d-dikjarazzjoni għar-rilaxx fiċ-ċirkolazzjoni ħielsa.
(118) L-importaturi għandhom ikunu jafu li dejn doganali jista’ jiġi mġarrab, bħala riskju normali tal-kummerċ, fil-ħin li tiġi aċċettata d-dikjarazzjoni għar-rilaxx fiċ-ċirkolazzjoni ħielsa kif deskritt fil-premessi 116 u 117 anki jekk impenn mill-manifattur li qed jixtru mingħandu, direttament jew indirettament, ġie aċċettat mill-Kummissjoni.
(119) Skont l-Artikolu 14(7) tar-Regolament bażiku, l-awtoritajiet tad-dwana għandhom jinformaw minnufih lill-Kummissjoni kull meta jinstabu indikazzjonijiet ta’ xi ksur tal-impenn.
(120) Minħabba r-raġunijiet imsemmija hawn fuq, l-impenn offrut minn CBA huwa meqjus aċċettabbli mill-Kummissjoni u dak offrut minn Armenal mhuwiex aċċettabbli. Il-kumpaniji kkonċernati ġew mgħarrfa bil-fatti, il-kunsiderazzjonijiet u l-obbligi essenzjali li fuqhom huma msejsal-aċċettazzjoni u r-rifjut.
(121) Fil-każ ta’ ksur jew irtirar tal-impenji, jew fil-każ ta’ rtirar tal-approvazzjoni tal-impenji mill-Kummissjoni, id-dazju anti-dumping impost mill-Kunsill, skont l-Artikolu 9(4) għandu japplika awtomatikament permezz tal-Artikolu 8(9) tar-Regolament bażiku.
IL-MONITORAĠĠ
(122) Sabiex jitnaqqsu kemm jista’ jkun ir-riskji ta’ elużjoni minħabba d-differenza għolja fir-rati tad-dazju, huwa meqjus li jinħtieġu miżuri speċjali f’dan il-każ biex jiżguraw l-applikazzjoni xierqa tad-dazji anti-dumping. Dawn il-miżuri speċjali jinkludu dan li ġej:
(123) Il-preżentazzjoni lill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri ta’ fattura kummerċjali valida li tkun f’konformità mar-rekwiżiti stipulati fl-Anness ta’ dan ir-Regolament. L-importazzjonijiet li ma jkunux akkumpanjati b’fattura bħal din gћandhom ikunu suġġetti gћad-dazju residwu anti-dumping li japplika gћall-produtturi esportaturi l-oћrajn kollha.
(124) Jekk l-esportazzjonijiet ta’ kumpanija waħda li tibbenefika minn rati aktar baxxi ta’ dazju individwali jiżdiedu b’mod sinifikanti fil-volum wara l-impożizzjoni tal-miżuri kkonċernati, din iż-żieda fil-volum tista’ titqies bћala waħda li tikkostitwixxi fiha nnifisha bidla fil-mudell ta’ kummerċ dovuta għall-impożizzjoni ta’ miżuri skont it-tifsira tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku. F’dawn iċ-ċirkustanzi u sakemm jintlaħqu l-kundizzjonijiet jista’ jingħata bidu għal investigazzjoni dwar qerq. Din l-investigazzjoni tista’, fost l-oħrajn, teżamina l-ћtieġa għat-tneћћija tar-rati tad-dazju individwali u għall-impożizzjoni konsegwenti tad-dazju madwar il-pajjiż kollu,
ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
1. Dazju anti-dumping definittiv huwa b’dan impost fuq l-importazzjonijiet ta’ fuljetta tal-aluminju ta’ ħxuna ta’ mhux inqas minn 0,008 mm u mhux aktar minn 0,018 mm, mingħajr appoġġ, mhux maħduma aktar milli rrumblati, f’rollijiet ta’ wisa’ ta’ mhux aktar minn 650 mm u li ma jiżnux aktar minn 10 kilogrammi u li attwalment jaqgħu taħt il-kodiċi NM ex76071119 (kodiċi TARIC 7607111910) u li joriġinaw mill-Armenja, il-Brażil u r-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ir-RPĊ).
2. Ir-rata tad-dazju anti-dumping definittiv applikabbli għall-prezz nett u ħieles mal-fruntiera Komunitarja, qabel id-dazju, tal-prodotti deskritti fil-paragrafu 1 u manifatturati mill-kumpaniji mniżżla hawn taħt għandha tkun kif ġej: Il-pajjiż Il-kumpanija Id-dazju Anti-Dumping Il-Kodiċi Addizzjonali TARIC L-Armenja Kumpanija Konġunta għall-Ishma Magħluqa Rusal-Armenal 13,4 % A943 Il-kumpaniji l-oħrajn kollha 13,4 % A999 RPĊ Alcoa (Shanghai) Aluminium Products Co., Ltd, u Alcoa (Bohai) Aluminium Industries Co., Ltd 6,4 % A944 Shandong Loften Aluminium Foil Co., Ltd 20,3 % A945 Zhenjiang Dingsheng Aluminium Co., Ltd 24,2 % A946 Il-kumpaniji l-oħrajn kollha 30,0 % A999 Il-Brażil Companhia Brasileira de Aluminio 17,6 % A947 Il-kumpaniji l-oħrajn kollha 17,6 % A999
3. Minkejja l-ewwel paragrafu, id-dazju anti-dumping definittiv ma għandux japplika għal importazzjonijiet rilaxxati għaċ-ċirkolazzjoni ħielsa skont l-Artikolu 2.
4. Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, id-dispożizzjonijiet fis-seħħ li jikkonċernaw id-dazji doganali għandhom japplikaw.
5. L-applikazzjoni tar-rati tad-dazju individwali speċifikati gћall-kumpaniji msemmija fil-paragrafu 2 gћandha sseћћ bil-kundizzjoni li tkun ippreżentata lill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri fattura kummerċjali valida, li trid tkun konformi mar-rekwiżiti stipulati fl-Anness I. Jekk ma tiġix ippreżentata din il-fattura, gћandha tapplika r-rata tad-dazju applikabbli gћall-kumpaniji l-oћra kollha.
Artikolu 2
1. L-importazzjonijiet iddikjarati għar-rilaxx fiċ-ċirkolazzjoni ħielsa li huma mogħnija b’fattura minn kumpaniji li l-impenji tagħhom ġew aċċettati mill-Kummissjoni u li l-ismijiet tagħhom tniżżlu fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/736/KE, li minn żmien għal żmien jiġu emendati, għandhom jiġu eżentati mid-dazju anti-dumping impost bl-Artikolu 1, bil-kundizzjoni li:
dawn jiġu manifatturati, mibgħuta u mogħnija b’fattura direttament mill-kumpaniji msemmija lill-ewwel konsumatur indipendenti fil-Komunità; u kif ukoll,
dawn l-importazzjonijiet ikollhom fattura ta’ impenn li hija fattura kummerċjali b’tal-inqas il-punti u d-dikjarazzjoni stipulati fl-Anness II ta’ dan ir-Regolament; u kif ukoll,
il-prodotti ddikjarati u ppreżentati lill-awtoritajiet tad-dwana jikkorrispondu preċiżament mad-deskrizzjoni fuq il-fattura tal-impenn.
2. Għandu jitħallas debitu doganali fil-mument tal-aċċettazzjoni tad-dikjarazzjoni għar-rilaxx fiċ-ċirkolazzjoni ħielsa:
kull darba li huwa stabbilit, fir-rigward ta’ importazzjonijiet deskritti fil-paragrafu 1, li waħda jew aktar mill-kundizzjonijiet elenkati f’dak il-paragrafu mhumiex sodisfatti, jew
meta l-Kummissjoni tirtira l-aċċettazzjoni tagħha tal-impenn skont l-Artikolu 8(9) tar-Regolament bażiku f’Regolament jew Deċiżjoni li tirreferi għal tranżazzjonijiet partikolari u tiddikjara bħala invalidi l-fatturi rilevanti tal-impenn.
Artikolu 3 Dazji provviżorji anti-dumping skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 287/2009 huma imposti bir-rata tad-dazju definittiv skont l-Artikolu 1 ta’ hawn fuq l-importazzjonijiet ta’ fuljetta tal-aluminju ta’ ħxuna ta’ mhux inqas minn 0,008 mm u mhux aktar minn 0,018 mm, mingħajr appoġġ, mhux maħduma aktar milli rrumblati, f’rombli ta’ wisa’ ta’ mhux aktar minn 650 mm u li ma jiżnux aktar minn 10 kilogrammi u li jaqgħu taħt il-kodiċi NM ex76071119 (kodiċi TARIC 7607111910) u li joriġinaw mill-Armenja, il-Brażil u r-RPĊ. L-ammonti żejda assigurati li huma aktar mir-rati tad-dazji anti-dumping definittivi għandhom jinħelsu.
Artikolu 4 Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum ta’ wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha. Magħmul fi Brussell, l-24 ta’ Settembru 2009. Għall-Kunsill Il-President M. Olofsson
ANNEX
ANNESS I
Dikjarazzjoni ffirmata minn uffiċjal tal-entità li toħroġ il-fattura kummerċjali, fil-format li ġej trid tkun tidher fuq il-fattura kummerċjali valida msemmija fl-Artikolu 1(5):
(1) L-isem u l-funzjoni tal-uffiċjal tal-entità li qed joħroġ il-fattura kummerċjali.
(2) Id-dikjarazzjoni li ġejja: Jiena, hawn taħt iffirmat, niċċertifika li l-(volum) ta’ fuljetta tal-aluminju mibjugħa għall-esportazzjoni lejn il-Komunità Ewropea kopert minn din il-fattura kien immanifatturat minn (isem u indirizz tal-kumpanija) (kodiċi TARIC addizzjonali) fi (pajjiż ikkonċernat). Niddikjara li t-tagħrif mogħti f’din il-fattura huwa sħiħ u korrett.
(3) Data u firma.
ANNESS II
L-elementi li ġejjin għandhom jiġu indikati fil-fattura kummerċjali li takkumpanja l-bejgħ tal-kumpaniji lill-Komunità ta’ prodotti li huma suġġetti għall-impenn:
1. L-intestatura FATTURA KUMMERĊJALI LI TAKKUMPANJA PRODOTTI LI HUMA SUĠĠETTI GĦALL-IMPENN
2. Isem il-kumpanija li toħroġ il-fattura kummerċjali
3. In-numru tal-fattura kummerċjali
4. Id-data tal-ħruġ tal-fattura kummerċjali
5. Il-kodiċi addizzjonali TARIC li skontha l-prodotti fuq il-fattura għandhom jiġu rilaxxati mid-dwana fil-fruntiera Komunitarja
6. Id-deskrizzjoni eżatta tal-prodotti, li tinkludi:
in-numru tal-kodiċi tal-prodott (NKP) użat għall-għan tal-impenn,
deskrizzjoni b’lingwa sempliċi tal-prodotti li jikkorrispondu man-NKP ikkonċernat,
in-numru tal-kodiċi tal-prodott tal-kumpanija (KPK),
kodiċi Taric,
kwantità (li trid tingħata f’tunnellati).
7. Id-deskrizzjoni tat-termini tal-bejgħ, inkluż:
prezz għal kull tunnellata,
it-termini applikabbli tal-pagament,
it-termini applikabbli tat-twassil,
roħs u ribass totali.
8. Isem il-kumpanija li tagħmilha ta’ importatur fil-Komunità li lilha l-kumpanija toħroġ direttament il-fattura kummerċjali li takkumpanja l-prodotti suġġetti għal impenn.
9. Isem l-uffiċjal tal-kumpanija li ħareġ il-fattura kummerċjali u d-dikjarazzjoni ffirmata li ġejja: Jiena, hawn taħt iffirmat, niċċertifika li l-bejgħ għall-esportazzjoni diretta lejn il-Komunità Ewropea tal-prodotti koperti minn din il-fattura qed isir fl-ambitu u skont il-kundizzjonijiet tal-Impenn offrut minn [KUMPANIJA], u aċċettat mill-Kummissjoni Ewropea permezz tad-Deċiżjoni 2009/736/KE. Niddikjara li t-tagħrif mogħti f’din il-fattura huwa sħiħ u korrett.