Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/935/ĠAI tat-30 ta’ Novembru 2009 li tiddetermina l-lista ta’ Stati terzi u organizzazzjonijiet li magħhom il-Europol għandu jikkonkludi ftehimiet
Grade B
mapped from publisher markup. A grade says how a document's structure was obtained, not how reliable the law is.
Address https://gelex.eu/eli/EU/act/2009/935@2009-11-30/mt
Contents
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/371/ĠAI tas-6 ta’ April 2009 li tistabbilixxi l-Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija (Europol) (id-Deċiżjoni Europol) u b’mod partikolari l-Artikolu 26(1)(a) tagħha,
Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/934/ĠAI tat-30 ta’ Novembru 2009 li’ tadotta r-regoli implimentattivi li jirregolaw ir-relazzjonijiet tal-Europol mal-imsieħba, inkluż l-iskambju ta’ data personali u informazzjoni kklassifikata u b’mod partikolari l-Artikoli 5 u 6 tagħha,
Wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Parlament Ewropew,
Billi:
(1) Hija r-responsabbiltà tal-Kunsill, filwaqt li jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata wara li jikkonsulta lill-Parlament Ewropew, li jiddetermina, f’lista, l-Istati terzi u l-organizzazzjonijiet imsemmijin fl-Artikolu 23(1) tad-Deċiżjoni Europol li magħhom l-Europol għandu jikkonkludi ftehimiet.
(2) Hija r-responsabbiltà tal-Bord ta’ Amministrazzjoni li jipprepara dik il-lista.
(3) Huwa opportun li tkun prevista proċedura li tistabbilixxi l-mod li bih Stati terzi u organizzazzjonijiet addizzjonali jistgħu jiżdiedu mal-lista ta’ Stati terzi u organizzazzjonijiet li magħhom l-Europol għandu jikkonkludi ftehimiet,
IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:
Artikolu 1
1. F’konformità mal-Artikolu 23(2) tad-Deċiżjoni Europol, l-Europol għandu jikkonkludi ftehimiet mal-Istati terzi u l-organizzazzjonijiet li ddaħħlu fil-lista tal-Anness għal din id-Deċiżjoni. L-Europol jista’ jagħti bidu għall-proċedura għall-konklużjoni ta’ ftehim hekk kif l-Istat terz jew l-organizzazzjoni tiddaħħal fil-lista. L-Europol għandu jagħmel dak kollu li jista’ biex jiġi konkluż ftehim ta’ kooperazzjoni ma’ Stati terzi u organizzazzjonijiet li jippermetti l-iskambju ta’ data personali, sakemm ma jkunx ġie deċiż mod ieħor mill-Bord ta’ Amministrazzjoni.
2. L-Europol għandu jagħti prijorità lill-konklużjoni ta’ ftehimiet ta’ kooperazzjoni ma’ Stati terzi u organizzazzjonijiet li ddaħħlu fil-lista, b’kont meħud tal-bżonnijiet operattivi tal-Europol u r-riżorsi umani u finanzjarji disponibbli. Il-Bord ta’ Amministrazzjoni jista’ jipprovdi lid-Direttur bi kwalunkwe struzzjonijiet oħra dwar in-negozjar ta’ ftehim speċifiku kif iqis meħtieġ.
3. Id-Direttur għandu jinforma lill-Bord ta’ Amministrazzjoni fuq bażi regolari dwar is-sitwazzjoni attwali tan-negozjati li jkunu għaddejjin ma’ partijiet terzi u kull sitt xhur għandu jippreżenta rapport dwar il-progress.
Artikolu 2
1. Membru tal-Bord ta’ Amministrazzjoni jew l-Europol jista’ jipproponi li fil-lista jiżdied Stat terz jew organizzazzjoni ġdida. Meta jagħmlu hekk, huma għandhom ifissru fil-qosor il-bżonn operattiv għall-konklużjoni ta’ ftehim ta’ kooperazzjoni ma’ dak l-Istat terz jew organizzazzjoni.
2. Il-Bord ta’ Amministrazzjoni għandu jiddeċiedi jekk jipproponix lill-Kunsill jew le biex jiżdied fil-lista dak l-Istat terz jew l-organizzazzjoni.
3. Il-Kunsill għandu jiddeċiedi dwar iż-żieda tal-Istat terz jew l-organizzazzjoni ġdida fil-lista billi jemenda l-Anness għal din id-Deċiżjoni.
Artikolu 3 Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2010.
Artikolu 4 Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussell, it-30 ta’ Novembru 2009. Għall-Kunsill Il-President B. Ask
ANNEX
ANNESS
Lista ta’ Stati terzi u organizzazzjonijiet li magħhom l-Europol għandu jikkonkludi ftehimiet:
1. Stati terzi (f’ordni alfabetika):
Albanija
Awstralja
Bolivja
Bożnja-Ħerzegovina
Ċina
L-Ex Repubblika Jugożlava tal-Maċedonja (FYROM)
Indja
Iżlanda
Iżrael
Kanada
Kolumbja
Kroazja
Liechtenstein
Marokk
Moldova
Monako
Montenegro
Norveġja
Perù
Russja
Serbja
Stati Uniti tal-Amerika
Turkija
Ukraina
Żvizzera
2. Organizzazzjonijiet (f’ordni alfabetika):
ICPO-Interpol
Organizzazzjoni Dinjija tad-Dwana
Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti kontra d-Droga u l-Kriminalità (UNODC)