Gelex

Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-17 ta’ Ġunju 2009 dwar skema ta’ Għajnuna C 41/06 (ex N 318/A/04) li d-Danimarka qed tippjana li timplimenta biex tħallas lura t-taxxa tas-CO2 fuq il-konsum mill-industrija tal-fjuwil regolat bil-kwoti (notifikata bid-dokument C(2009)4517) (It-test bid-Daniż biss huwa awtentiku) (Test b’rilevanza għaż-ŻEE) (2009/972/KE)

In forceVersion 2009-06-17from 2009-12-23
Grade B

mapped from publisher markup. A grade says how a document's structure was obtained, not how reliable the law is.

Ask Gelex about this law

Address https://gelex.eu/eli/EU/act/2009/972@2009-06-17/mt

Contents
  1. Preamble

Il-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 88(2) tiegħu,

Wara li kkunsidrat il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 62(1)(a) tiegħu,

Wara li talbet lill-partijiet interessati biex jissottomettu l-kummenti tagħhom skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 88(2) ċitat hawn fuq u wara li kkunsidrat il-kummenti tagħhom,

Billi: IL-PROĊEDURA

(1) B’ittra datata l-20 ta’ Lulju 2004, reġistrata mal-Kummissjoni fit-22 ta’ Lulju 2004 (SG/A/7988), l-awtoritajiet Daniżi nnotifikaw il-miżura deskritta hawn taħt lill-Kummissjoni.

(2) B’ittri tat-13 ta’ Settembru 2004 u l-14 ta’ Diċembru 2004, il-Kummissjoni talbet aktar informazzjoni, li waslet permezz ta’ ittri fl-14 ta’ Ottubru 2004, reġistrata fit-18 ta’ Ottubru 2004 (A/37970), u fil-15 ta’ Marzu 2005, reġistrata fil-15 ta’ Marzu 2005 (SG/A/2724).

(3) Wara laqgħa mad-DĠ għall-Kompetizzjoni u d-DĠ għat-Tassazzjoni u l-Unjoni Doganali fis-27 ta’ April 2005, l-awtoritajiet Daniżi talbu aktar żmien biex ilestu n-notifika b’ittra fit-12 ta’ Mejju 2005, reġistrata fis-17 ta’ Mejju 2005 (A/33975).

(4) Wara ftit bidliet fil-miżura, il-każ ġie diskuss aktar f’laqgħat bejn ir-rappreżentanti tal-Kummissjoni u l-awtoritajiet Daniżi li saru fit-12 ta’ Ottubru 2005, fil-15 ta’ Diċembru 2005 u fil-21 ta’ Frar 2006.

(5) B’ittra ddatata l-10 ta’ Lulju 2006, reġistrata fil-11 ta’ Lulju 2006 (A/35577), l-awtoritajiet Daniżi infurmaw lill-Kummissjoni li huma jikkunsidraw in-notifika kompluta u talbu lill-Kummissjoni biex tkompli l-eżaminazzjoni preliminari tal-miżura fil-forma li kienet preżentata fil-laqgħa tat-12 ta’ Ottubru 2005.

(6) B’ittra ddatata s-26 ta’ Settembru 2006, il-Kummissjoni infurmat lid-Danimarka li kienet iddeċidiet li tagħti bidu għall-proċedura stipulata fl-Artikolu 88(2) tat-Trattat tal-KE fir-rigward tal-miżura.

(7) Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tibda l-proċedura ġiet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċċjali tal-Unjoni Ewropea. Il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati sabiex iressqu l-kummenti tagħhom dwar il-miżura proposta.

(8) B’ittra ddatata l-24 ta’ Novembru 2006, reġistrata fis-27 ta’ Novembru 2006 (A/39579) il-Gvern Daniż issottometta l-osservazzjonijiet tiegħu dwar il-ftuħ tal-proċedimenti.

(9) Il-Kummissjoni rċeviet osservazzjonijiet mingħand dawn il-partijiet terzi: il-Gvern Żvediż (fit-8 ta’ Diċembru 2006, A/40067), Novo Nordisk (fit-8 ta’ Diċembru 2006, A/40027), Novozymes (fil-11 ta’ Diċembru 2006, A/40089) u Dansk Industri (fit-12 ta’ Diċembru 2006, A/40147). Hija bagħtithom lill-awtoritajiet Daniżi, li ngħataw l-opportunità jwieġbu. Il-kummenti tal-Gvern Daniż waslu b’ittra ddatata l-5 ta’ Frar 2007, reġistrata fl-istess ġurnata (A/31115).

(10) Fit-12 ta’ Settembru 2007, saret laqgħa bejn il-Kabinett tas-Sinjura Kroes u l-Ministru Daniż għat-Taxxi Kristian Jensen. F’dik il-laqgħa ntlaħaq qbil sabiex jistennew l-adozzjoni tal-Linji-gwidi l-ġodda tal-Komunità dwar l-Għajnuna mill-Istat għall-Ħarsien tal-Ambjent qabel ma tittieħed deċiżjoni dwar il-ħelsien mit-taxxa proposta.

(11) B’ittra tal-14 ta’ Mejju 2008, il-Kummissjoni talbet aktar informazzjoni fir-rigward tar-regoli dwar l-eżenzjonijiet mit-taxxi ambjentali taħt il-linji-gwida l-ġodda tal-Komunità dwar l-Għajnuna mill-Istat għall-Ħarsien tal-Ambjent. Id-Danimarka wieġbet b’ittra datata t-22 ta’ Lulju 2008 (A/15183) b’suppliment (A/15244).

(12) L-informazzjoni mitluba, kif ukoll it-tweġiba, ġiet mgħoddija lill-partijiet terzi li kienu kkummentaw fil-ftuħ tal-proċedura formali ta’ investigazzjoni. Wara s-sottomissjoni lil partijiet terzi, waslu osservazzjonijiet mingħand Dansk Industri (fis-6 ta’ Ottubru 2008, A/20427), Novo Nordisk (fis-7 ta’ Ottubru 2008, A/20550), Novozymes (fit-8 ta’ Ottubru 2008, A/20739) u mingħand il-Gvern Żvediż (fil-15 ta’ Ottubru 2008, A/21433).

DESKRIZZJONI DETTALJATA TAL-MIŻURA Sfond

(13) Fl-1992, fid-Danimarka ġiet introdotta taxxa fuq l-emissjoni tas-CO2 li titħallas fuq prodotti tal-enerġija u l-elettriku. It-taxxa tikkonsisti f’taxxa tal-konsum u bħalissa tammonta għal DKK 90 għal kull tunnellata ta’ CO2 mitfugħ fl-arja. L-għan tat-taxxa tas-CO2, prinċipalment huwa li tiskoraġġixxi l-emissjonijiet tas-CO2. Ir-rata ta’ taxxa ta’ kull fjuwil hija relatata mal-kontenut tal-karbonju tal-prodott tal-enerġija. Barra minn hekk, taxxa fuq l-enerġija ilha tinġabar sa mill-1977.

(14) Rigward it-taxxa fuq l-enerġija, familji ordinarji u ċerti partijiet tas-settur tas-servizzi jħallsu t-taxxa sħiħa, filwaqt li l-kumpaniji l-oħra kollha li huma reġistrati għall-VAT huma kompletament eżentati mit-taxxa. Rigward it-taxxa tas-CO2, familji ordinarji u ċerti partijiet tas-settur tas-servizzi jħallsu t-taxxa sħiħa, filwaqt li rata speċjali għan-negozji tapplika għall-kumpaniji l-oħra li huma reġistrati għall-VAT. Din l-hekk imsejħa rata tan-negozju ġiet approvata mill-Kummissjoni f’Novembru tal-2005. Għal enerġija li tintuża f’ċerti proċessi tqal in-negozji jiksbu aktar tnaqqis mir-rata tat-taxxa għan-negozji ġenerali. Ir-rata ta’ taxxa aktar baxxa għal tali proċessi ġiet approvata l-aħħar mill-Kummissjoni f’Settembru tal-2005. L-approvazzjoni kienet bażata fuq il-fatt li l-benefiċjarji xorta ħallsu t-taxxa tas-CO2 biex jirrispettaw il-livelli minimi ta’ tassazzjoni tal-Komunità, li huma stabbiliti bid-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE tas-27 ta’ Ottubru 2003 li tirristruttura l-qafas tal-Komunità għat-tassazzjoni ta’ prodotti tal-enerġija u l-elettriku minn issa 'l quddiem imsejħa bħala d-Direttiva dwar it-Tassazzjoni fuq l-Enerġija). Barra minn hekk, ċerti kumpaniji li jużaw ħafna enerġija kkonkludew ftehimiet volontarji għat-tfaddil tal-enerġija mal-gvern Daniż. Bħala kumpens talli jiksbu l-miri tagħhom taħt dawn il-ftehimiet, huma jirċievu aktar tnaqqis mit-taxxa tas-CO2, li kienet approvata l-aħħar mill-Kummissjoni f’April tal-2003.

(15) Skont id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ottubru 2003 li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 96/61/KE (minn issa ‘l quddiem imsejħa d-Direttiva dwar l-Iskambju tal-Emissjonijiet’), is-Sistema tal-UE għall-Iskambju tal-Emissjonijiet (minn issa ‘l quddiem imsejħa bħala l-‘UE SSE) daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2005. Bħala konsegwenza ta’ dan, l-operatur ta’ installazzjoni koperta b’dik id-direttiva jrid iżomm kwoti għall-emmissjonijiet tiegħu tal-gassijiet b’effett serra. Il-kwoti jiġu allokati lill-operatur bla ħlas fil-bidu ta’ kull perjodu ta’ skambji jew jinxtara mill-operatur f’irkant u/jew fis-suq. Fl-ewwel perjodu ta’ skambju (mill-1.1.2005 sal-31.12.2007), l-Istati Membri kienu obbligati li jallokaw għall-anqas 95 % tal-kwoti bla ħlas. Id-Danimarka għażlet li tbigħ b’irkant il-5 % li kien għad fadal f’irkant pubbliku. Għat-tieni perjodu ta’ skambju (mill-1.1.2008 sal-31.12.2012), l-Istati Membri kellhom l-għażla li jirkantaw 10 % ta’ dawn il-kwoti. Id-Danimarka għażlet li talloka dawn il-kwoti bla ħlas.

L-iskema notifikata

(16) Bl-iskema notifikata, l-awtoritajiet Daniżi qed jipproponu li n-negozji li jużaw ħafna enerġija koperti bl-UE SSE jiksbu eżenzjoni (b’rifużjoni) mit-taxxa tas-CO2. Negozji oħra koperti bl-UE SSE iħallsu taxxa fuq is-CO2 li tikkorrispondi għal 50 % tal-livelli minimi tat-taxxa. Skont l-awtoritajiet Daniżi, in-negozji kollha li bħalissa huma regolati bl-UE SSE jikkonsmaw ħafna enerġija kif definit fid-Direttiva dwar it-Tassazzjoni fuq l-Enerġija. B’konsegwenza ta’ dan, il-konsum tal-fjuwil tal-proċess sħiħ regolat bl-UE SSE fl-industrija jkun eliġibbli għar-rifużjonijiet sħaħ tat-taxxa tas-CO2 jekk il-miżura notifikata tiġi applikata.

(17) L-eżenzjoni notifikata tapplika biss għall-fjuwil (prodotti taż-żejt minerali, gass u faħam) użati fin-negozju kopert bl-UE SSE. Din ma tkoprix il-konsum tal-elettriku u t-tisħin u, barra minn hekk, ma tikkonċernax fjuwil użat għat-tisħin tal-kmamar u tal-ilma.

(18) Il-bażi legali għall-eżenzjonijiet proposti hija l-Att Nru 464 tad-9 ta’ Ġunju 2004.

(19) L-attivitajiet industrijali kollha li huma koperti bid-Direttiva dwar l-Iskambju tal-Emissjoni, bl-eċċezzjoni tal-produzzjoni tal-elettriku u tas-sħana, huma proposti li jkunu eżentati parzjalment jew b’mod sħiħ mit-taxxa tas-CO2 għall-użu li jagħmlu mill-fjuwil kif deskritt hawn fuq. In-numru ta’ benefiċjarji huwa previst li jkun madwar 85 proċessi tal-produzzjoni mifruxa fost xi 120 unità tal-produzzjoni.

(20) Skont estimi li għamlu l-awtoritajiet Daniżi t-telf fid-dħul annwali minħabba din il-miżura huwa ta’ madwar 30 miljun DKK (madwar EUR 4 miljun). Madankollu, fl-ittra tagħhom ddatata t-22 ta’ Lulju 2008, l-awtoritajiet Daniżi jindikaw li l-baġit tal-iskema se jkun aktar baxx minn dik l-istima.

(21) L-awtoritajiet Daniżi adottaw il-bażi legali għall-iskema proposta fl-2004, imma żguraw li huma se jimplimentawha biss jekk tawtorizzaha l-Kummissjoni. Jekk tawtorizzaha, din tapplika mill-ewwel ta’ Jannar 2005. Il-perjodu ta’ validità tal-iskema mhux limitat, imma jekk tiġi approvata, l-awtoritajiet Daniżi se jerġgħu jinnotifikawha wara 10 snin.

RAĠUNIJIET GĦALL-FTUĦ TAL-PROĊEDURA TA’ INVESTIGAZZJONI FORMALI FL-ARTIKOLU 88(2)

(22) Fid-deċiżjoni tagħha biex tiftaħ il-proċedura formali ta’ investigazzjoni, il-Kummissjoni sabet li l-miżura hija finanzjata b’riżorsi tal-Istat. Din tapplika mhux biss għal kumpaniji koperti bl-UE SSE u tneħħi l-piż minn fuq il-baġit tal-operazzjoni ta’ dawn il-kumpaniji i.e. il-miżura tagħti lil dawn il-kumpaniji vantaġġ ekonomiku. Il-Kummissjoni ddubitat li s-selettività tal-miżura kienet ġustifikata minħabba n-natura u l-istruttura tas-sistema ta’ taxxa. Il-benefiċjarji huma attivi fis-swieq li huma miftuħa għall-kompetizzjoni u l-kummerċ bejn l-Istati Membri. Għalhekk il-miżura, tista’, tfixkel il-kompetizzjoni u taffettwa l-kummerċ fis-suq intern. Għalhekk il-Kummissjoni hi tal-opinjoni li l-miżura hija għajnuna mill-Istat.

(23) Il-Kummissjoni staqsiet jekk il-miżura setgħetx tinstab kompatibbli mal-Linji Gwida tal-Komunità dwar l-għajnuna mill-Istat għall-Ħarsien tal-Ambjent li kienu applikabbli dak iż-żmien (EAG 2001), minħabba li t-taxxa mħallsa taħt l-iskema proposta tkun taħt il-livelli minimi tad-Direttiva dwar it-Tassazzjoni fuq l-Enerġija, mingħajr ma l-benefiċjarji jidħlu f’xi impenji volontarji jew ftehimiet li jieħdu xi miżuri li jmorru lilhinn milli jissodisfaw obbligu armonizzat tal-UE.

(24) Il-Kummissjoni eżaminat jekk l-għajnuna potenzjali setgħetx tinstab kompatibbli mas-suq komuni taħt l-Artikolu 87(3)(c) tat-Trattat tal-KE bażat fuq bżonn allegat li jiġi eliminat ir-regolament doppju. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni nnutat li t-taxxi nazzjonali tas-CO2 jingħaddu bħala l-livell nazzjonali ta’ tassazzjoni fuq l-enerġija għall-iskop li jkun hemm konformità mad-Direttiva dwar it-Tassazzjoni fuq l-Enerġija. Għalhekk, il-ħelsien mit-taxxa propost jista’ jfixkel il-kompetizzjoni fis-suq intern, minħabba li jżid id-differenzi fit-taxxi f’qasam fejn it-taxxi ġew armonizzati fuq livell tal-Komunità. Aktar minn hekk, din tmur kontra l-prinċipju ta’ min iniġġes iħallas għaliex ikun qed jingħata ħelsien mit-taxxa tas-CO2 lill-kumpaniji kollha li jipparteċipaw fl-UE SSE, minħabba li din tkun inkludiet kumpaniji li rċevew kwoti tal-emissjonijiet bla ħlas. Il-Kummissjoni stiednet lid-Danimarka biex tissottometti informazzjoni dwar il-mekkaniżmu sabiex tiżgura li l-eżistenza u l-ammont ta’ piż addizzjonali fuq it-taxxa tas-CO2 jkun jista’ jiġi stabbilit fil-livell ta’ kull kumpanija individwali, u li jkunu biss il-kumpaniji li sofrew minħabba dan il-piż li jibbenefikaw mill-eżenzjonijiet tat-taxxa. Madankollu, il-Kummissjoni innutat, li jekk jingħata biss ħelsien mit-taxxa lil dawk il-kumpaniji li jkollhom jixtru kwoti addizzjonali, dan imur kontra l-loġika ambjentali, minħabba li dan jiffavorixxi lil dawk li ma jillimitawx it-tniġġis tagħhom.

KUMMENTI MINN PARTIJIET INTERESSATI

(25) L-awtoritajiet Żvediżi ddikjaraw li l-Kummissjoni għandha tagħmel analiżi komprensiva, ekonomika kif ukoll legali, tal-ħelsien mit-taxxa notifikat. Huma rreferew għal argumenti sottomessi fin-notifika tagħhom ta’ każ simili li fuqu l-Kummissjoni kienet ukoll fetħet proċedura ta’ investigazzjoni formali.

(26) Dansk Industri argumentat li għandu jkun speċifikat, l-ewwel, li l-miżura ma tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat u li, it-tieni, hija kompatibbli mal-Artikolu 87(3)(c) tat-Trattat tal-KE. F’dan il-kuntest, wieħed għandu jiftakar li Dansk Industri trid tħallas it-taxxa tas-CO2, it-taxxa tal-enerġija, it-taxxa tal-SO2 u suppliment fuq il-prezz li huwa amministrat minn Energinet.dk u mqassam lill-produtturi tal-elettriċità ekoloġika. Għalhekk, il-kumpaniji Daniżi jħallsu ħafna aktar għall-konsum tal-enerġija mill-kompetituri Ewropej jew internazzjonali.

(27) Skont Novo Nordisk A/S, it-tfaddil fit-taxxa annwali taħt il-miżura proposta se jkun ta’ DKK 200000. Il-kumpanija ssostni li dan it-tfaddil mhux se jfixkel il-kompetizzjoni, partikolarment minħabba li taħt is-sistemi ta’ kwoti għall-emissjonijiet, huma jridu jonfqu kważi DKK 400000 biex jiksbu anqas emissjonijiet tas-CO2. Huma jirreferu għar-regoli de minimis li jippermettulhom jirċievu għajnuna sa EUR 200000 (ca. DKK 1,5 miljun) fuq perjodu ta’ 3 snin. Rigward il-konformità mad-Direttiva dwar it-Tassazzjoni fuq l-Enerġija, Novo Nordisk irreferiet għall-fatt li huma jużaw l-enerġija kemm mis-sħana kif ukoll mill-produzzjoni tal-elettriku, u għalhekk jistgħu jingħataw eżenzjoni jew tnaqqis mit-taxxa skont l-Artikolu 15(1)(c) tad-Direttiva. Aktar minn hekk, huma jikkonsmaw ħafna enerġija u l-ispejjeż li jagħmlu għall-enerġija (it-taxxa in kwestjoni u l-ispejjeż sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2) bħala total huma ogħla mill-minimu tal-Komunità. Novo Nordisk irreferew ukoll għall-punt 7 tal-preambolu tad-Direttiva dwar it-Tassazzjoni, li jiddikjara li t-tassazzjoni fuq l-enerġija tista’ tkun strument biex jintlaħqu l-għanijiet tal-Protokoll ta’ Kyoto (i.e. l-istess għanijiet li japplikaw għall-UE SSE) u kkonkludiet li f’dan il-każ hemm regolamentazzjoni doppja. Finalment, fir-rigward tal-proposta mill-Kummissjoni biex jiġi evalwat il-piż potenzjali fil-livell ta’ kull benefiċjarju, Novo Nordisk indikat li metodu simili iwassal għal diffikultajiet serji għall-allokazzjoni tal-perjodu korrett, eċċ., fost affarijiet oħra minħabba li ż-żmien tax-xiri tal-kwoti mhux neċessarjament jirrifletti ż-żmien tal-konsum tal-enerġija.

(28) Novozymes A/S ikkumentat li, f’konnessjoni mal-produzzjoni tal-enżimi, hija tipproduċi l-elettriku u t-tisħin f’installazzjonijiet industrijali kombinati għas-sħana u l-elettriku. Il-produzzjoni tagħha hija meqjusa bħala proċess tqil, li jfisser li hija soġġetta għal taxxa ta’ bejn DKK 3 u 25 għal kull tunnellata ta’ CO2 tal-fjuwil użat. Hija koperta wkoll bl-UE SSE. Il-kummenti ta’ Novozymes huma identiċi għal dawk sottomessi minn Novo Nordisk.

KUMMENTI MID-DANIMARKA

(29) L-awtoritajiet Daniżi qed jargumentaw, b’referenza għas-Sentenza tal-Qorti tas-16 ta’ Mejju 2000 f’Każ C-83/98 P (Franza v. Ladbroke Racing u l-Kummissjoni), li m’hemmx vantaġġ selettiv f’dan il-każ. F’diversi każi, il-qorti stabilixxiet li fis-sitwazzjoni fejn skema hija ta’ karattru politiku-ekonomiku jew soċjo-politiku ġenerali u ma tiffavorixxix ċerti attivitajiet jew setturi ta’ negozji, l-iskema taqa’ barra mill-iskop tal-Artikolu 87(1) tat-Trattat tal-KE. Fis-sentenza Adria-Wien, ħelsien mit-taxxa tal-enerġija provda lil ċerti kumpaniji li jimmanifatturaw b’vantaġġ ekonomiku meta mqabbla ma’ dawk fis-settur tas-servizzi, minkejja l-fatt li dawn il-kumpaniji fis-settur tas-servizzi, relattivament jistgħu jkunu konsumaturi kbar tal-enerġija. L-awtoritajiet Daniżi argumentaw li l-iskema in kwestjoni ma tipprovdix vantaġġ għal grupp speċifiku ta’ negozji, imma tikkonsisti f’ħelsien mit-taxxa għan-negozji kollha li qegħdin fl-istess sitwazzjoni legali u fattwali. Din hija r-raġuni ‘l għala l-awtoritajiet Daniżi jqisu li l-iskema proposta taqa’ lilhinn mill-iskop tal-Artikolu 87(1) tat-Trattat tal-KE.

(30) Aktar minn hekk, huma jirreferu għall-konklużjoni tal-Qorti f’Adria-Wien li skema li ċertament tikkostitwixxi vantaġġ għar-reċipjent, imma li hija ġustifikata mill-karattru jew l-istruttura tas-sistema, ma tissodisfax il-kriterju tas-selettività. Fil-każ preżenti, wara l-introduzzjoni tal-UE SSE, l-awtoritajiet Daniżi huma tal-opinjoni li t-taxxa m’għadx għandha valur ambjentali. Minħabba li l-iskop tat-taxxa m’għadx jista’ jintlaħaq jew tnaqqas, huwa fil-loġika u n-natura tas-sistema ta’ taxxa li n-negozji konċernati jiġu eżentati mit-taxxa.

(31) Kemm il-kwoti tal-UE SSE kif ukoll it-taxxa tas-CO2 huma strumenti effiċjenti fejn jidħlu l-ispejjeż u bażati fuq is-suq bl-għan li jitnaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2 meta tiġi konsmata l-enerġija. Iż-żewġ strumenti jwasslu għal żieda fl-ispiża marġinali tal-konsum tal-enerġija, anke jekk il-kwoti jitqassmu bla ħlas. Il-kwoti, kif ukoll it-taxxi, jwasslu għal spejjeż ta’ produzzjoni ogħla. It-total tal-emissjonijiet tas-CO2 huma limitati għall-ammont totali tal-kwoti. Jekk xi impriża partikolari, per eżempju minħabba t-taxxi, tnaqqas l-emissjonijiet tagħha, din tippermetti li impriżi oħra jżidu l-emissjonijiet tagħhom. Taħt ir-regolament doppju, it-taxxa għalhekk m’għadhiex strument ta’ gwida effiċċjenti fejn jidħlu l-ispejjeż. M’għandhiex effett ambjentali addizzjonali, imma biss piż finanzjarju addizzjonali għall-impriżi konċernati. Għalhekk l-awtoritajiet Daniżi huma tal-opinjoni li l-iskema preżenti hija fin-natura u l-loġika tas-sistema ta’ taxxa.

(32) L-ewwelnett, l-awtoritajiet Daniżi jindikaw li l-Linji Gwida ta’ Għajnuna Ambjentali (l-EAG) 2001 huma biss dawk l-hekk imsejħa liġi mhix vinkolanti li fiha kriterji għall-valutazzjoni mill-Kummissjoni tal-għajnuna mill-Istat. Fiż-żmien tan-notifika u tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni biex tiftaħ proċedura ta’ investigazzjoni formali taħt l-Artikolu 88(2) tat-Trattat ta-KE, il-linji gwida relevanti applikabbli kienu jinsabu fl-EAG tal-2001. Dawn il-linji gwida ma jistgħux jitqiesu li fihom il-kriterji biex jiġu valutati skemi bħal din in kwestjoni, minħabba li daħlu fis-seħħ aktar minn sentejn qabel mad-Direttiva dwar in-Negozjar tal-Emissjonijiet u d-Direttiva dwar it-Tassazzjoni fuq l-Enerġija ġew adottati. Għalhekk, l-awtoritajiet Daniżi jaħsbu li l-interpretazzjoni tal-Kummissjoni ta’ ftehimiet u impenji volontarji fil-punti 51(1)(a) hija stretta wisq, b’mod partikolari minħabba li t-tieni paragrafu ta’ dak il-punt jisħaq li d-dispożizzjonijiet japplikaw ukoll fejn Stat Membru jagħmel tnaqqis fit-taxxa minħabba kundizzjonijiet li għandhom l-istess effett bħal ftehimiet jew impenji fin-natura tal-ftehimiet volontarji. L-awtoritajiet Daniżi huma tal-opinjoni li r-riżultati tal-UE SSE għandhom l-istess effett bħal dawk li kienu jinkisbu bil-ftehimiet volontarji jew bit-taxxa tas-CO2.

(33) Jekk il-Kummissjoni ssib li l-iskema mhux kompatibbli mal-EAG 2001, l-awtoritajiet Daniżi huma tal-opinjoni li tista’ minflok tiġi approvata direttament fuq il-bażi tal-Artikolu 87(3)(c) tat-Trattat tal-KE minħabba l-fatt li s-sitwazzjoni nbidlet konsiderevolment bl-adozzjoni tad-Direttiva dwar it-Tassazzjoni fuq l-Enerġija u d-Direttiva tal-UE SSE, u l-impenji konċernati issa huma soġġetti għal regolamentazzjoni doppja.

(34) Id-Danimarka rreferiet għad-Dokument ta’ Ħidma tal-Istaff tal-Kummissjoni li ġie mfassal fil-kuntest tal-adozzjoni tad-Direttiva dwar it-Tassazzjoni fuq l-Enerġija. F’dak id-dokument, il-Kummissjoni ddikjarat li l-eżenzjoni mit-taxxa tas-CO2, mogħtija lil kumpaniji li jkunu soġġetti għall-iskema tal-Komunità għan-negozjar tal-emissjonijiet, tista ma tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat minħabba li jekk jiġu imposti kemm it-taxxa fuq is-CO2 kif ukoll il-limitu tal-emissjonijiet jistgħu jwasslu għal forma ta’ tassazzjoni doppja li trid tiġi evitata. Barra minn hekk, fil-minuti rigward id-Direttiva, il-Kunsill impenja ruħu li, fuq il-bażi tal-proposta mill-Kummissjoni, jeżamina pożittivament il-miżuri tat-taxxa li takkumpanja l-implimentazzjoni tal-UE SSE, partikolarment sabiex jiġu evitati każijiet ta’ tassazzjoni doppja.

(35) Fid-deċiżjoni tagħha biex tiftaħ proċedura ta’ investigazzjoni formali, il-Kummissjoni talbet lill-Gvern Daniż biex jissottometti informazzjoni li turi li l-iskema għandha twassal għall-kisba tal-għanijiet ambjentali jew żieda fl-effiċjenza tal-enerġija, b’mod ġenerali l-ekwivalenti ta’ dak li jinkiseb jekk tiġi osservata r-rata minima standard tal-komunità. L-awtoritajiet Daniżi qalu li tali informazzjoni kienet diġà apparenti mill-paragun tagħhom bejn il-prezz tal-kwota u l-minimu tal-Komunità. Fiż-żmien li saru l-kummenti mid-Danimarka, il-prezz tal-kwoti kien ta’ EUR 13 għal kull tunnellata filwaqt li l-minima tal-Komunità rikalkolata f’EUR għal kull tunnellata ta’ CO2 kienet ta’ 1,55 għall-faħam, 6,66 għan-nafta u 2,64 għall-gass naturali. Għalhekk il-prezz tal-kwota tas-CO2 ta’ EUR 13 għal kull tunnellata, joħloq inċentiv ekonomiku ferm akbar biex jitnaqqsu l-emissjonijiet minn dak tat-taxxa. F’konformità mal-Pjan ta’ Allokazzjoni Nazzjonali Daniż għall-2005-2007, l-industrija regolata bil-kwoti fid-Danimarka tingħata kwoti f’livell li huwa xi 7,1 % taħt il-livell li kienu jingħataw għall-emmissjonijiet tas-CO2 permezz tat-taxxi u l-ftehimiet voluntarji għall-istess perjodu.

VALUTAZZJONI TAL-MIŻURA PROPOSTA L-eżistenza tal-għajnuna mill-Istat

(36) Fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 87(1) tat-Trattat tal-KE jingħad li kull għajnuna mogħtija minn Stati Membri jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat f’kull għamla tkun xi tkun li tfixkel jew thedded li tfixkel il-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti intrapriżi jew il-produzzjoni ta’ ċerti prodotti titqies, minħabba li taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri, bħala inkompatibbli mas-suq komuni.

(37) Il-miżura proposta tirriżulta f’telf mid-dħul tal-Istat u għalhekk hija finanzjata mid-Danimarka permezz tar-riżorsi tal-Istat. Il-benefiċjarji huma attivi fis-swieq fejn hemm kompetizzjoni u kummerċ bejn l-Istati Membri, u għalhekk il-miżura għandha l-potenzjal li tfixkel il-kompetizzjoni u taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri. Sabiex jiġi determinat jekk il-miżura proposta taqax taħt l-Artikolu 87(1), il-mistoqsija għalhekk hija jekk tipprovdix vantaġġ ekonomiku lill-benefiċjarji jew le.

(38) L-awtoritajiet Daniżi qed jargumentaw li l-ħelsien mit-taxxa propost ma jagħtix vantaġġ selettiv lill-benefiċjarji, minħabba li jkopri l-intrapriżi li qegħdin fl-istess sitwazzjoni legali u finanzjarja, jiġifieri dawk li huma soġġetti għal regolamentazzjoni doppja. Jekk wieħed jassumi, madankollu, li dan huwa każ ta’ vantaġġ selettiv, l-awtoritajiet Daniżi jqisu dan ġustifikat minħabba n-natura u l-istruttura tas-sistema. Dan għaliex it-taxxa tas-CO2 u l-UE SSE għandhom l-istess għan, i.e. li jnaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2. Minħabba li ġiet introdotta l-UE SSE, it-taxxa tas-CO2 m’għadx għandha skop ambjentali. Għal kumpaniji koperti bl-UE SSE, it-taxxa tas-CO2 għalhekk, mhix strument effettiv biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2, imma biss piż ekonomiku ieħor.

(39) Il-Kummissjoni tinnota li fis-sentenza Adria-Wien ġie stabbilit li l-unika kwistjoni li trid tiġi determinata hija jekk taħt skema statutorja partikolari, miżura tal-Istat hijiex tali li tiffavorxxi ċerti impriżi jew il-produzzjoni ta’ ċerti oġġetti fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 92(1) tat-Trattat meta mqabbla ma’ impriżi oħra li huma fl-istess sitwazzjoni fattwali u legali li hija kumparabbli fid-dawl tal-għan segwit mill-miżura in kwestjoni. Din hija ġurisprudenza riċenti dwar l-interpretazzjoni tal-vantaġġ u s-selettività. Is-sentenza ta’ Ġibiltà offriet analiżi standard tal-għajnuna mill-Istat għall-każijiet tat-taxxa. Il-Qorti tal-Prim Istanza ddeċidiet li analiżi simili jista’ jikkonsisti fi: (1) l-identifikazzjoni tas-sistema ta’ referenza, (2) id-determinazzjoni ta’ deroga minn dik is-sistema ta’ referenza u (3) il-possibbiltà ta’ ġustifikazzjoni ta’ deroga min-natura jew l-istruttura tas-sistema.

(40) Rigward in-nozzjoni ta’ vantaġġ selettiv, il-Kummissjoni għalhekk l-ewwel trid tidentifika s-sistema ta’ referenza. Fil-każ preżenti, il-Kummissjoni tqis, f’konformità mal-analiżi standard, li s-sistema ta’ referenza hija s-sistema ġenerali eżistenti għat-taxxa fuq l-enerġija (inkluż it-taxxi kollħa li jitħallsu fuq il-konsum tal-prodotti tal-enerġija, i.e. it-taxxa tas-CO2 u t-taxxa fuq l-elettriku). Dan huwa konformi mal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva dwar it-Tassazzjoni fuq l-Enerġija, li skont din, it-taxxi indiretti kollha fuq l-istess prodott tal-enerġija jistgħu jingħaddu flimkien sabiex jintlaħqu l-livelli minimi ta’ tassazzjoni tal-Komunità. Barra minn hekk, fl-2004 id-Danimarka preżentat żewġ taxxi flimkien bħala parti mis-sistema nazzjonali għat-taxxa fuq l-enerġija sabiex tikkonforma mad-Direttiva dwar it-Tassazzjoni fuq l-Enerġija u biex tiġġustifika għall-għanijiet ta’ għajnuna mill-Istat, l-eżenzjoni mit-taxxa fuq l-elettriku. Billi l-benefiċjarji jkunu qed jiffrankaw piż finanzjarju illi kieku kien ikun parti mill-ispejjeż tal-produzzjoni, l-iskema ċertament tiffavorixxi l-benefiċjarji meta mqabbla ma’ kumpaniji mhux eżentati u għalhekk tidderoga mis-sistema ta’ referenza. L-awtoritajiet Daniżi jargumentaw li l-analiżi ta’ jekk hemmx vantaġġ selettiv għandu jieħu kont tal-fatt li l-benefiċjarji għandhom piż taħt l-UE SSE. Il-Kummissjoni tinnota li s-sistema tat-taxxa fuq l-enerġija għandha biss parzjalment l-istess għan tal-UE SSE. Filwaqt li l-UE SSE għandha l-għan esklussivament biex tnaqqas l-emissjonijiet tas-CO2, is-sistema ta’ taxxa fuq l-enerġija għandha wkoll għanijiet oħra, bħall-promozzjoni tal-effiċjenza tal-enerġija u l-ġbir ta’ dħul għall-istat. Barra minn hekk, hemm differenzi importanti fil-funzjonament ta’ taxxa u ta’ sistema ta’ kwoti (per eżempju, l-UE SSE mhux dejjem tirriżulta fi spiża li trid titħallas minn kull benefiċjarju għal kull unità ta’ enerġija kkonsmata). F’dan l-isfond, il-Kummissjoni mhix tal-istess opinjoni bħad-Danimarka li t-taxxa tas-CO2 u l-UE SSE flimkien għandhom jitqiesu bħala sistema ta’ referenza.

(41) Fis-sentenza NOx, il-Qorti tal-Prim Istanza sabet li ma kienx hemm selettività, minħabba li l-vantaġġ (l-allokazzjoni ta’ permessi bla ħlas għall-emissjonijiet) kien provdut biss lill-impriżi li kellhom obbligu taħt l-istess skema u għalhekk ma jistgħux jitqiesu taħt l-istess sitwazzjoni legali u fattwali bħall-impriżi barra mill-iskema. Il-Kummissjoni tqis li s-sitwazzjoni fil-każ NOx hija differenti minn dik fil-każ preżenti. Fil-każ NOx, l-għoti ta’ vantaġġ (i.e. in-negozjar fil-kwoti bla ħlas NOx) kien soġġett għall-fatt li l-benefiċjarji jaqgħu taħt l-istess limitu ta’ emissjoni tal-istess sistema. Fil-każ preżenti, madankollu, qed ikun propost li jingħata ħelsien mit-taxxa tas-CO2 li normalment irid jitħallas mill-konsumaturi kollha tal-enerġija. Ir-raġuni għall-ħelsien mit-taxxa jkun li l-benefiċjarji huma koperti b’sistema oħra (li mhix taxxa). Skont il-Kummissjoni dan il-każ huwa għalhekk aktar simili għas-sitwazzjoni fis-sentenza Adria-Wien li hija msemmija hawn fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li fil-fatt kien hemm vantaġġ selettiv minħabba li l-ħelsien mit-taxxa ffavorixxa ċerti impriżi jew il-produzzjoni ta’ ċerti oġġetti meta mqabbla ma’ impriżi oħra li huma fl-istess sitwazzjoni fattwali u legali li hija kumparabbli fid-dawl tal-għan segwit mit-taxxa in kwestjoni.

(42) Skont in-notifika tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tar-regoli tal-għajnuna mill-Istat għal miżuri relatati ma’ tassazzjoni diretta fuq in-negozju, il-miżuri ta’ taxxa ta’ natura purament teknika (bħall-evitar ta’ tassazzjoni doppja) fil-prinċipju huma meqjusa bħala miżuri ġenerali. Kif imsemmi hawn fuq, hemm differenzi importanti bejn taxxa u l-UE SSE. Din tal-aħħar għalhekk ma tistax titqies tassazzjoni fit-tifsira tan-notifika.

(43) Għal dawn ir-raġunijiet, il-Kummissjoni tqis li l-ħelsien mit-taxxa per se jagħti vantaġġ selettiv fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 87(1) KE.

(44) Rigward il-loġika tas-sistema, il-Kummissjoni tinnota li s-sistema tat-taxxa fuq l-enerġija għandha biss parzjalment l-istess għan tal-UE SSE. F’dan il-każ, is-sistema ta’ referenza hija s-sistema ta’ taxxa fuq l-enerġija. Il-loġika ta’ dik is-sistema hija li kull prodott tal-enerġija kkonsmat għandu jiġi ntaxxat u l-ħelsien mit-taxxa propost mhux konformi ma’ dik il-loġika. F’dan il-kuntest, id-Danimarka targumenta li r-regolamentazzjoni doppja żżid l-ispejjeż marġinali tal-kumpaniji mingħajr ma jitnaqqsu l-emissjonijiet ġenerali tas-CO2. Il-Kummissjoni tqis, madankollu, li dak l-argumenti huwa relevanti biss fir-rigward tal-kompatibbiltà tal-għajnuna potenzjali tal-Istat, b’mod partikolari b’referenza għall-proporzjonalità tal-għajnuna mill-Istat. Dan huwa minħabba li l-effetti tal-UE SSE m’humiex parti mis-sistema ta’ referenza għad-definizzjoni tal-għajnuna mill-Istat. Anke kieku l-Kummissjoni kellha tinkludi l-UE SSE fis-sistema ta’ referenza, mhux l-attivitajiet kollha li jiġġeneraw l-emissjonijiet u numru korrispondenti ta’ obbligi biex iċedu l-kwoti tal-emissjonijiet skont l-UE SSE ma jkunu koperti bil-ħelsien propost mit-taxxa tas-CO2. Dawn ikunu jiddevjaw mil-loġika ġenerali li saħqet fuqha d-Danimarka u l-ħelsien mit-taxxa għalhekk ma jkunx qiegħed iżomm kompletament mal-loġika tas-sistema.

(45) Il-Kummissjoni għalhekk ma tqisx li s-selettività tal-eżenzjoni proposta kienet ġustifikata min-natura u l-loġika tas-sistema ta’ taxxa.

(46) Il-fatt li l-miżura notifikata hija klassifikata bħala għajnuna mill-Istat huwa konformi mal-prattika stabbilita tal-Kummissjoni, li skont din il-prattika, eżenzjonijiet jew tnaqqis mit-taxxa ambjentali normalment ikunu meqjusa għajnuna mill-Istat. B’mod partikolari, il-Kummissjoni tqis bħala għajnuna mill-Istat skemi fejn tnaqqis fuq it-taxxi tas-CO2 ġew introdotti għal kumpaniji koperti bl-UE SSE.

(47) Il-Kummissjoni għalhekk tikkonkludi li l-miżura notifikata tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 87(1) tat-Trattat tal-KE.

Kumpatibbiltà mal-Artikolu 87(3)(c) tat-Trattat tal-KE

(48) Minn mindu ttieħdet id-deċiżjoni biex tinfetaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, ġew adottati Linji Gwida ġodda dwar l-għajnuna mill-Istat għall-Ħarsien tal-Ambjent (EAG 2008). Skont il-punt 204 tal-EAG 2008, il-Kummissjoni se tapplika l-linji gwidi l-ġodda għall-miżuri ta’ għajnuna kollha li ġew notifikati li fir-rigward tagħhom tintalab tieħu deċiżjoni wara li l-linji gwida jiġu pubblikati, anke fejn l-iskemi ġew notifikati qabel il-pubblikazzjoni tagħhom. Madankollu, il-punt 68 tal-EAG 2008 jiddikjara li, fil-ħin tal-abbozzar tal-linji gwida, il-Kummissjoni ma kellhiex biżżejjed esperjenza biex tevalwa l-kompatibbiltà tat-tnaqqis fit-taxxi ambjenti fejn il-kumpaniji in kwestjoni jipparteċipaw f’negozju ta’ skemi ta’ permessi u għalhekk fiż-żmien tal-adozzjoni tal-EAG 2008 kien għadu kmieni wisq biex hi tipprovdi gwida ġenerali. Il-valutazzjoni ta’ każijiet simili għalhekk se ssir fuq il-bażi tal-Artikolu 87(3)(c) tal-KE. Meta jiġu valutati każijiet ambjentali li m’humiex koperti bl-EAG, il-Kummissjoni normalment tispira ruħha mill-kriterji stipulati fil-linji gwida. F’dan il-każ hemm kriterji għall-valutazzjoni tal-eżenzjonijiet u t-tnaqqis mit-taxxi tal-enerġija u jkun inkonsistenti jekk għall-anqas ma tieħux ispirazzjoni minn dawn, b’mod partikolari meta tevalwa jekk l-għajnuna hijiex meħtieġa u proporzjonali.

(49) L-ewwelnett, meta tiġi biex evalwata l-konformità tal-għajnuna mill-Istat mat-Trattat tal-KE, il-Kummissjoni trid tikkunsidra jekk l-impatt pożittiv tal-miżura ta’ għajnuna in kwestjoni jilħqax għan ta’ interess komuni (per eżempju, livell ogħla ta’ ħarsien tal-ambjent) kontra l-possibbiltà ta’ effetti negattivi fuq il-kummerċ u l-kompetizzjoni. F’dawn il-każijiet huwa diffiċli li jiġi stabbilit jekk hemmx benefiċċju ambjentali jekk tiġi introdotta l-iskema proposta. Filwaqt li l-għanijiet tal-UE SSE u t-taxxa tas-CIS huma biex jiksbu livell ogħla ta’ ħarsien ambjentali, l-għan tat-taxxa per se huwa biex il-kumpaniji jeħilsu mill-piż tat-taxxa. L-effett tal-miżura proposta għalhekk huwa li l-benefiċjarji jiksbu vantaġġ kompetittiv li fih innifsu ma jistax jitqies bħala għan ta’ interess komuni. Madankollu, dan ma jeskludix li jista’ jkun hemm benefiċċju ambjentali dirett li jiġi mill-fatt li t-tnaqqis jippermetti l-introduzzjoni jew iż-żamma ta’ livelli ogħla tat-taxxa mill-minimu tal-Komunità għal impriżi oħra.

(50) It-tieni, il-punt 152 tal-EAG 2008 jistipula li sabiex jiġu approvati taħt l-Artikolu 87 tat-Trattat tal-KE, it-tnaqqis u l-eżenzjonijiet mit-taxxi armonizzati jridu jkunu relevanti mal-leġiżlazzjoni tal-Komunità. Il-kundizzjoni tar-rispett tad-direttivi dwar it-taxxi kienet konfermata wkoll fil-ġurisprudenza bis-sentenza tal-Qorti tal-Prim Istanza tas-27 ta’ Settembru 2001 fil-Każ T-184/97, BP Chemicals v il-Kummissjoni. F’każijiet bħal dan, li jikkonċerna ħelsien mit-taxxa tas-CO2, dan ifisser primarjament rispett għad-Direttiva dwar it-Tassazzjoni fuq l-Enerġija. Skont dik id-direttiva, il-livelli ta’ taxxa jridu jirispettaw ċertu livell minimu tal-Komunità għal kull prodott tal-enerġija u l-elettriku. Il-livelli minimi huma speċifikati fl-Anness I għal dik id-direttiva. Kif imsemmi hawn fuq, skont l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva dwar it-Tassazzjoni fuq l-Enerġija, il-livelli minimi jistgħu jintlaħqu billi jingħaddu l-ammonti kollha li jitħallsu bħala taxxi indiretti (ħlief il-VAT) kalkolati direttament jew indirettament fuq il-kwantità ta’ prodotti tal-enerġija u l-elettriku fiż-żmien tal-konsum. Skont l-Artikolu 17(4) tal-istess direttiva, in-negozji li jibbenefikaw minn livell ta’ tassazzjoni taħt il-minima tal-Komunità għandhom jidħlu fi ftehimiet, skemi ta’ negozjar ta’ permessi jew arranġamenti ekwivalenti li jwasslu għall-kisba ta’ għanijiet ambjentali wiesgħa li kienu jinkisbu kieku ġie osservat il-minima tal-Komunità. Fid-deċiżjoni tagħha biex tiftaħ proċedura formali ta’ investigazzjoni, il-Kummissjoni stiednet lid-Danimarka biex tissottometti aktar informazzjoni biex tappoġġja l-istqarrija tagħha li l-UE SSE hija bejn wieħed u ieħor ekwivalenti għat-taxxa. Id-Danimarka ma ssottomettietx informazzjoni addizzjonali fuq dik il-kwistjoni. Minħabba l-livell tal-prezz tal-kwoti tal-UE SSE meta mqabbla mal-livelli minimi tal-Komunità, xorta ma jistax jiġi eskluż li l-effetti tal-UE SSE huma bejn wieħed u ieħor ekwivalenti għal dak li kien jinkiseb taħt it-taxxa tas-CO2.

(51) Id-Danimarka rreferiet għall-Green Paper dwar strumenti bażati fuq is-suq għall-ambjent u għanijiet relatati ta’ politika, li l-Kummissjoni preżentat bħala l-punt tat-tluq għar-reviżjoni tad-Direttiva dwar it-Tassazzjoni fuq l-Enerġija. F’dan il-kuntest għandu jiġi nnutat li l-Green Paper hija dokument ta’ riflessjoni li jistieden dibattitu fuq l-għażliet ta’ politika qabel it-tħejjija ta’ proposti, i.e. mhux att li jorbot. Fil-Green Paper, il-Kummissjoni tagħraf il-fatt li l-UE SSE u d-Direttiva dwar it-Tassazzjoni tal-Enerġija, għall-anqas sa ċertu grad, għandhom l-istess għan, u tgħid li tassazzjoni doppja trid tiġi evitata. Fir-rigward tat-tassazzjoni fuq l-enerġija, il-karta tqajjem ukoll il-kwistjoni ta’ għanijiet multipli wara t-tassazzjoni fuq l-enerġija u tissuġġerixxi li t-tassazzjoni tiġi maqsuma f’komponent tas-CO2 u komponent relatat mal-enerġija. Loġikament, il-komponent tas-CO2 m’għandux japplika għal installazzjonijiet taħt l-UE SSE. Minħabba li fid-Danimarka, il-kumpaniji taħt l-UE SSE huma diġà eżentati mit-taxxa fuq l-enerġija, dawn ma jħallsux taxxa fuq l-enerġija kkunsmata fil-proċessi tal-produzzjoni tagħhom jekk il-miżura proposta tiġi approvata. Għalhekk, il-Kummissjoni ma taħsibx li l-miżura proposta mid-Danimarka hija konformi mal-ideat tal-Green Paper imsemmija hawn fuq.

(52) Jekk il-leġiżlazzjoni relevanti tal-Komunità tiġi osservata, il-prinċipju wara r-regoli tal-għajnuna mill-Istat fuq it-tnaqqis u l-eżenzjonijiet mit-taxxi ambjentali huwa biex jiġu aċċettati sitwazzjonijiet fejn il-livelli ta’ taxxa tal-Komunità jiġu rispettati, filwaqt li tittieħed strateġija aktar stretta f’sitwazzjonijiet fejn il-benefiċjarji jkunu żvantaġġjati permezz tal-livelli minimi stabbiliti. Dan ifisser li l-ħelsien mit-taxxa fejn il-minima tal-Komunità huwa rispettat jista’ jiġi approvat mingħajr aktar analiżi, filwaqt li bil-kuntrarju, ħelsien mit-taxxa li huma taħt dawn il-minima huma meqjusa bħala li jfixklu b’mod partikolari u l-Kummissjoni għalhekk tanalizza fid-dettall in-neċessità u l-proporzjonalità ta’ tali għajnuna. Għal din l-analiżi, il-Kummissjoni tiddependi fuq informazzjoni li tirċievi mingħand l-Istati Membri.

(53) Rigward in-neċessità tal-għajnuna, il-Kummissjoni għandha, skont il-punt 158 tal-EAG 2008, tevalwa (1) jekk l-għażla tal-benefiċjarji hijiex bażata fuq kriterji oġġettivi u trasparenti, (2) jekk hemmx żieda sostanzjali fl-ispejjeż tal-produzzjoni u, jekk inku hekk, (3) jekk din iż-żieda tistax tiġi mgħoddija fuq il-konsumaturi mingħajr ma tirriżulta fi tnaqqis qawwi fil-bejgħ (dan jista’ jiġi pruvat b’estimi tal-elastiċità fil-prezz tal-prodott, bejgħ mitluf u/jew tnaqqis fil-profitt għall-kumpaniji jew setturi konċernati).

(54) Fil-każ preżenti, il-benefiċjarji fil-fatt huma magħżula fuq il-bażi ta’ kriterji oġġettivi u trasparenti, jiġifieri l-parteċipazzjoni fl-UE SSE. Rigward it-tieni kriterju, għall-anqas għalissa, il-kumpaniji kollha konċernati jużaw ħafna enerġija fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 17(1) tad-Direttiva dwar it-Tassazzjoni fuq l-Enerġija, u għalhekk dan il-kriterju jista’ jiġi meqjus li huwa sodisfatt. Informazzjoni dwar nuqqas fid-dħul u/jew tas-sehem mis-suq għall-benefiċarji konċernati kien jagħti indikazzjonijiet prezzjużi li l-miżura hija meħtieġa. Madankollu, d-Danimarka ma ssottomettietx din l-informazzjoni. Minflok id-Danimarka ssottomettiet lista tal-benefiċjarji kollha li tispeċifika l-emissjonijiet tas-CO2 tagħhom għall-2005, l-2006 u l-2007. Uħud minnhom naqqsu l-emissjonijiet tagħhom matul il-perjodu ta’ tliet snin, filwaqt li oħrajn żiedu l-emissjonijiet matul l-istess perjodu. L-akbar benefiċjarju fl-industrija tas-siment (fejn il-bażi tat-taxxa hija madwar 2,8 miljun tunnellata ta’ emissjonijiet ta’ CO2 fis-sena), fl-industrija taz-zokkor (0,2 miljun tunnellata fis-sena) u fir-raffinar taż-żejt (0,1 miljun tunnellata fis-sena). Għalhekk, id-Danimarka għadha ma ġabitx provi li l-fatt li ż-żewġ sistemi kienu applikabbli b’mod parallel wassal għal żieda sostanzjali fl-ispejjeż tal-produzzjoni li ma jistgħux jiġu mgħoddija fuq il-konsumaturi mingħajr tnaqqis sostanzjali fil-bejgħ.

(55) Għalhekk, il-Kummissjoni ma tistax tikkonkludi li l-iskema proposta hija meħtieġa.

(56) Fir-rigward tal-kwistjoni tal-proporzjonalità, kull benefiċjarju, skont il-punt 159 tal-EAG 2008 irid jissodisfa wieħed mill-kriterji segwenti: (1) Irid iħallas proporzjon ta’ taxxa nazzjonali li bejn wieħed u ieħor huwa ekwivalenti għar-rendiment ambjentali ta’ kull benefiċjarju individwali meta mqabbel mar-rendiment relat mal-aqwa teknika fi ħdan iż-ŻEE. Il-benefiċjarji jistgħu jibbenefikaw l-aktar minn tnaqqis korrispondenti għaż-żieda fl-ispejjeż tal-produzzjoni mit-taxxa, billi jużaw l-aħjar teknika u li ma jistgħux jiġu mgħoddija fuq il-konsumatur; (2) irid iħallas għall-anqas 20 % tat-taxxa nazzjonali sakem rata aktar baxxa ma tiġix ġustifikata; jew (3) jista’ jidħol fi ftehimiet ma’ Stat Membru fejn jimpena ruħu li jilħaq għanijiet ambjentali bl-istess effett li kienu jinkisbu taħt punti 1 jew 2 jew kieku kienet applikata l-minima tal-Komunità.

(57) Fil-każ preżenti, l-awtoritajiet Daniżi wieġbu li m’għandhomx l-informazzjoni dwar it-teknika bl-aħjar rendimenti u li din xorta mhix rekwiżit taħt il-miżura proposta. It-tieni kriterju mhux sodisfatt u jekk iħallsu 20 % tat-taxxa nazzjonali xorta jkunu qed iħallsu rata ta’ taxxa li hija ferm ogħla mill-minimu tal-Komunità. Rigward it-tielet kriterju, uħud mill-benefiċjarji diġà għandhom ftehimiet volontarji li permezz tagħhom jitħallew iħallsu rata aktar baxxa mill-minima tal-Komunità. l-idea taħt din il-miżura hija li ftehimiet simili jiġu sostitwiti bl-UE SSE. L-UE SSE teżisti indipendentement mill-miżura ta’ taxxa proposta u għalhekk, m’hemmx bżonn ta’ sforz mid-Danimarka għall-ħelsien mit-taxxa propost.

(58) Fid-Deċiżjoni tagħha biex tiftaħ proċedura ta’ investigazzjoni formali, il-Kummissjoni stiednet lid-Danimarka biex tissottometti informazjoni dwar mekkaniżmi li jistgħu jiġu previsti mill-awtoritajiet Daniżi sabiex jiżguraw li l-eżenzjonijiet jingħataw biss lil dawk il-kumpaniji individwali li għandhom spejjeż netti mill-parteċipazzjoni fl-UE SSE, u li jkopru biss dawn l-ispejjeż netti. Informazzjoni simili setgħet tat indikazzjoni jekk l-għajnuna proposta hijiex proporzjonali, għalkemm il-loġika ambjentali ta’ strateġija simili tista’ tkun dubjuża, minħabba li l-kumpaniji li kellhom jixtru l-kwoti tal-emissjonijiet minħabba li ma naqqsux it-tniġġis tagħhom, jingħataw vantaġġ. Minkejja kollox, l-awtoritajiet Daniżi la wrew u lanqas iggarantixxu li l-eżenzjonijiet ikunu limitati għal kumpaniji li ħallsu għall-kwoti tal-emissjonijiet.

(59) Konsegwentement, l-awtoritajiet Daniżi ma ġabux provi li l-għajnuna proposta hija proporzjonali.

(60) Rigward it-tfixkil tal-kompetizzjoni, il-kumpaniji fid-Danimarka li m’humiex koperti bl-UE SSE, kif ukoll kumpaniji fi Stati Membri oħra, jew jirrispettaw il-livell ugwali stabbilit bil-minima tal-Komunità jew jikkonformaw mar-regoli stipulati fl-EAG 2008. Għalhekk, l-eżenzjoni proposta żżid il-kompetittività għall-kumpaniji tal-UE SSE li joperaw fid-Danimarka u dan, għalhekk, mhux neċessarjament ifixkel il-kompetizzjoni ma’ kumpaniji fi Stati Membri oħra.

(61) Fl-isfond ta’ dan kollu, il-Kummissjoni sabet li, fuq il-bażi tal-ispirtu tal-EAG 2008, il-miżura preżenti ma tistax titqies bħala kumpatibbli mal-Artikolu 87(3)(c) tat-Trattat tal-KE.

(62) Wara l-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, il-Kummissjoni rċeviet kummenti minn partijiet terzi li jirreferu għall-fatt li l-ammonti ta’ eżenzjonijiet jew tnaqqis, fil-parti l-kbira tal-każijiet huma taħt il-limiti stabbiliti fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1998/2006 tal-15 ta’ Diċembru 2006 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat għall-għajnuna de minimis (minn issa ‘l quddiem imsejjaħ ir-regolament de minimis). Jekk l-awtoritajiet Daniżi jikkommettu ruħhom li jiżguraw li jkun hemm konformità mar-regoli de minimis fil-każijiet kollha, il-miżura ta’ għajnuna titqies li ma tilħaqx il-kriterji tal-Artikolu 87(1) u għalhekk, tista’ tiġi implimentata mingħajr ma tiġi notifikata lill-Kummissjoni.

(63) Kif indikat il-Kummissjoni fid-deċiżjoni tagħha biex tiftaħ proċedura ta’ investigazzjoni formali, l-iskema proposta tista’ tiġi kompatibbli mas-suq komuni jekk il-livelli minimi armonizzati tad-Direttiva dwar it-Tassazzjoni fuq l-Enerġija jiġu rispettati. It-tħassib tal-Kummissjoni fl-istess deċiżjoni, rigward ir-rispett tal-prinċipju ta’ min iniġġes iħallas ma jibqax validu jekk il-benefiċjarji jkollhom iħallsu l-minima tal-Komunità. Fil-fatt, it-tnaqqis fuq it-taxxa tal-enerġija u l-minimi tal-Komunità huma koperti bl-Artikolu 25 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 800/2008 tas-6 Awwissu 2008 li jiddikjara ċerti kategoriji ta’ għajnuna kumpatibbli mas-suq komuni fl-Applikazzjoni tal-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat (Regolament ta’ Eżenzjoni Sħiħa Ġenerali) u għalhekk, ma jridx jiġi notifikat lill-Kummissjoni.

(64) L-Artikolu 7(4) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 659/1999 tat-22 ta’ Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE jistabbilixxi li l-Kummissjoni tista’ tagħlaq il-proċedura ta’ investigazzjoni formali permezz ta’ deċiżjoni pożittiva bil-kundizzjonijiet, li soġġetta għalihom, għajnuna partikolari tista’ titqies kumpatibbli mas-suq komuni. Il-konformità ta’ kundizzjonijiet simili trid tiġi osservata mill-qrib.

(65) Il-Kummissjoni fil-każ preżenti tqis li l-għajnuna tista’ tiġi awtorizzata sakemm il-benefiċjarji xorta jħallsu l-livelli ta’ taxxa minimi tal-Komunità li huma applikabbli għal kull sors ta’ enerġija, sew fil-forma ta’ taxxa tas-CO2 jew f’xi forma ta’ taxxa oħra fuq l-enerġija. Madankollu, il-Kummissjoni tqis li, jekk il-ħelsien mit-taxxa jinżel taħt dawn il-minima, l-għajnuna tkun inkompatibbli mat-Trattat tal-KE u għalhekk ma tkunx tista’ tiġi implimentata.

(66) Taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti hawn fuq, għalhekk huwa ċar li l-iskema notifikata tirrispetta d-Direttiva dwar it-Tassazzjoni fuq l-Enerġija u b’mod partikolari l-Artikolu 15(1)(a) tagħha. Fil-fatt, il-benefiċjarji kollha jużaw ħafna enerġija fi-ħdan it-tifsira ta’ din id-dispożizzjoni, u l-livelli minimi ta’ tassazjoni stabbiliti fid-Direttiva huma rispettati.

KONKLUŻJONI

(67) Il-Kummissjoni tqis li l-iskema proposta Modifika tat-taxxa fuq is-CO2 fuq il-konsum mill-industrija tal-fjuwil regolat bil-kwoti tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 87(1) tat-Trattat tal-KE.

(68) Sakemm il-benefiċjarji kollha jħallsu taxxa fuq kull sors ta’ enerġija li jirrispetta l-livelli minimi ta’ taxxa tal-Komunità, l-għajnuna hija dikjarata kumpatibbli mal-Artikolu 87(3)(c) tat-Trattat tal-KE.

(69) Il-parti tal-iskema proposta li twassal għal livell ta’ taxxa taħt il-minima armonizzata hija inkompatibbli mat-Trattat tal-KE,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1 Minħabba li l-iskema Daniża proposta (Att Nru 464 tad-9 ta’ Ġunju 2004) ma taqax taħt ir-Regolament (KE) Nru 1998/2006, din tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat li huwa kompatibbli biss mas-suq komuni taħt il-kundizzjoni li l-benefiċjarji konċernati jħallsu t-taxxa fuq il-konsum tal-enerġija rispettiv tagħhom li jikkorrispondi għall-anqas mal-livelli ta’ tassazzjoni minimi tal-Komunità stabbiliti fl-Anness I tad-Direttiva 2003/96/KE. Jekk id-Danimarka tixtieq timplimenta l-miżura ta’ għajnuna, din għandha tiġi emendata kif meħtieġ.

Artikolu 2 Id-Danimarka għandha tinforma lill-Kummissjoni, fi żmien xahrejn min-notifika ta’ din id-Deċiżjoni, bil-miżuri meħuda biex tikkonforma magħha.

Artikolu 3 Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju tad-Danimarka.

Magħmul fi Brussell, tas-17 ta’ Ġunju 2009. Għall-Kummissjoni, Neelie Kroes Membru tal-Kummissjoni

Versions

  1. 2009-06-17