Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1121/2010 tat-2 ta' Diċembru 2010 li jdaħħal denominazzjoni fir-reġistru tad-denominazzjonijiet protetti tal-oriġini u l-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti [Edam Holland (IĠP)]
Grade B
mapped from publisher markup. A grade says how a document's structure was obtained, not how reliable the law is.
Address https://gelex.eu/eli/EU/act/2010/1121@2010-12-02/mt
Contents
- Preamble
- ANNEX
- ANNESS I
- Klassi 1.3. IL-PAJJIŻI L-BAXXI
- ANNESS II SOMMARJU
- Ir-REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 510/2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet protetti tal-oriġini għal prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel EDAM HOLLAND Nru KE: NL-PGI-0005-0329-27.11.2003 DPO ( ) IĠP (X)
- 4.
- 4.2. Kompożizzjoni
- 4.6. Sfond storiku
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 tal-20 ta' Marzu 2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel, u partikolarment it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 7(5) tiegħu,
Billi:
(1) F'konformità mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 6(2) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006 u b’applikazzjoni tal-Artikolu 17(2) tal-istess Regolament, it-talba tal-Pajjiżi l-Baxxi biex id-denominazzjoni Edam Holland tiddaħħal fir-reġistru ta' denominazzjonijiet protetti tal-oriġini u indikazzjonijiet ġeografiċi protetti ġiet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
(2) Ir-Repubblika Ċeka, il-Ġermanja, il-Finlandja, l-Awstrija, is-Slovakkja, il-gvernijiet tal-Awstralja, in-New Zealand u l-Istati Uniti tal-Amerika, kif ukoll id-Dairy Australia, id-Dairy Companies Association of New Zealand u n-National Milk Producers Federation, flimkien mal-US Dairy Export Council ressqu oġġezzjonijiet kontra r-reġistrazzjoni skont l-Artikolu 7(1) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006. Dawn l-oġġezzjonijiet tqiesu bħala ammissibbli skont l-Artikolu 7(3) ta' dak ir-Regolament, għajr l-oġġezzjonijiet tal-Awstralja u tad-Dairy Australia, li tqiesu inammissibbli minħabba li waslu tard.
(3) Id-dikjarazzjonijiet ta' oġġezzjoni kienu jikkonċernaw in-nuqqas ta' konformità mal-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 510/2006, partikolarment id-denominazzjoni u l-użu tagħha, l-ispeċifiċità u r-reputazzjoni tal-prodott, id-delimitazzjoni taż-żona ġeografika, kif ukoll ir-restrizzjonijiet fuq l-oriġini tal-materja prima. L-oġġezzjonijiet kienu jiddikjaraw ukoll li r-reġistrazzjoni tad-denominazzjoni kienet tmur kontra l-Artikolu 3(3) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006 u tista' tipperikola l-eżistenza ta' denominazzjonijiet, marki kummerċjali jew prodotti li jkunu ilhom legalment fis-suq mill-inqas ħames snin qabel id-data tal-pubblikazzjoni pprovuduta fl-Artikolu 6(2), u li d-denominazzjoni proposta għar-reġistrazzjoni hija ġenerika.
(4) Bl-ittri tal-21 ta' Ottubru 2008, il-Kummissjoni stiednet lill-Pajjiżi l-Baxxi u dawk li oġġezzjonaw biex jilħqu qbil bejniethom skont il-proċeduri interni tagħhom.
(5) Peress li ma ntlaħaq ebda qbil bejn dawk li oġġezzjonaw fiż-żmien stipulat, il-Kummissjoni għandha tadotta deċiżjoni skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 15(2) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006.
(6) Rigward in-nuqqas ta' konformità allegat mal-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 510/2006 dwar id-denominazzjoni, iż-żona ġeografika, l-ispeċifiċità tal-prodott, ir-rabta bejn il-karatteristiċi tal-prodott u ż-żona ġeografika, ir-reputazzjoni u r-restrizzjonijiet li jikkonċernaw l-oriġini tal-materja prima, l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli pprovdew konferma li dawn l-elementi kienu jeżistu u barra minn hekk ma nstab ebda żball manifest ieħor. ta' min isemmi li Holland mhux l-isem tal-Istat Membru konċernat u li l-Edam Holland jitqies bħala isem ġeografiku tradizzjonali kopert kompletament bl-Artikolu 2(2) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006. Ir-rekwiżiti tal-Artikolu 2(1) il-punt b) tar-Regolament imsemmi huma f'dan is-sens issodisfati billi ż-żona ġeografika relatata hija delimitata skont ir-rabta u l-elementi ewlenin tal-ispeċifiċità tal-prodott. L-ispeċifità tal-Edam Holland ġejja minn taħlita ta' fatturi marbutin maż-żona ġeografika: bħal pereżempju l-kwalità tal-ħalib (livell għoli ta' kontenut ta' xaħam u proteini), aminoaċidi li joriġinaw minn β-CN u peptid tal-γ-glutamil, il-prevelanza tar-rigħi fil-mergħat, l-użu tat-tames tal-għoġol, il-maturazzjoni naturali, kif ukoll il-ħiliet tal-bdiewa u tal-produtturi tal-ġobon.
(7) Fir-rigward ta' oġġezzjonijiet ibbażati fuq in-nuqqas ta' konformità mal-Artikolu 3(3) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006, il-Pajjiżi l-Baxxi ssottomettew informazzjoni dwar id-distinzjoni bejn il-prodott li jġib id-denominazzjoni reġistrata Noord-Hollandse Edammer u dak li għalih tapplika d-denominazzjoni Edam Holland. Ma kien hemm ebda evidenza fid-dikjarazzjoni ta' oġġezzjonijiet li turi li l-konsumaturi jistgħu jiġu mqarrqin jew li l-produtturi kienu se jiġu trattati b'mod inġust.
(8) Jidher li dawk li oġġezzjonaw ma rreferewx għall-isem sħiħ Edam Holland meta ddikjaraw li r-reġistrazzjoni kienet se tipperikola l-eżistenza ta' denominazzjonijiet, marki kummerċjali jew prodotti, u li d-denominazzjoni proposta għar-reġistrazzjoni hija ġenerika, iżda għal element wieħed biss tagħha, jiġifieri Edam. Madankollu, se tingħata protezzjoni għat-terminu Edam Holland kollu kemm hu. Skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006, it-terminu Edam jista' jkompli jintuża sakemm il-prinċipji u r-regoli applikabbli fl-ordni legali tal-Unjoni jitħarsu. Għal raġunijiet ta' kjarifikazzjoni, l-ispeċifikazzjoni u s-sommarju ġew modifikati skont dan.
(9) Fid-dawl ta' dan kollu, id-denominazzjoni Edam Holland għandha tiddaħħal fir-Reġistru tad-denominazzjonijiet protetti tal-oriġini u tal-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti.
(10) Il-miżuri pprovduti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti għall-Indikazzjonijiet Ġeografiċi Protetti u d-Denominazzjonijiet Protetti tal-Oriġini,
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1 Id-denominazzjoni li tinsab fl-Anness I għal dan ir-Regolament hija b'dan imdaħħla fir-Reġistru. Minkejja l-ewwel paragrafu, l-isem Edam jista' jkompli jintuża fi ħdan it-territorju tal-Unjoni, sakemm il-prinċipji u r-regoli applikabbli fl-ordni legali tagħha jitħarsu.
Artikolu 2 Il-verżjoni konsolidata tas-sommarju li fih il-punti prinċipali tal-ispeċifikazzjoni hija stipulata fl-Anness II għal dan ir-Regolament.
Artikolu 3 Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha. Magħmul fi Brussell, it-2 ta’ Diċembru 2010. Għall-Kummissjoni Il-President José Manuel Barroso
ANNEX
ANNESS I
Prodotti agrikoli maħsubin għall-konsum mill-bniedem elenkati fl-Anness I għat-Trattat:
Klassi 1.3. Ġobnijiet
Klassi 1.3. IL-PAJJIŻI L-BAXXI
Edam Holland (IĠP)
ANNESS II SOMMARJU
Ir-REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 510/2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet protetti tal-oriġini għal prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel EDAM HOLLAND Nru KE: NL-PGI-0005-0329-27.11.2003 DPO ( ) IĠP (X)
Dan is-sommarju jistabbilixxi l-elementi ewlenin tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott għal skopijiet informattivi.
1. Dipartiment responsabbli fl-istat membru Isem Hoofdproductschap Akkerbouw Indirizz Postbus 29739 - 2502 LS 's-Gravenhage Tel. +31-70-3708708 Feks +31-70-3708444 Posta elettronika plw@hpa.agro.nl
2. Grupp Isem Nederlandse Zuivel Organisatie (NZO) Indirizz Postbus 165 - 2700 AD Zoetermeer Tel. + 31-79-3430300 Feks +31-79-3430320 Posta elettronika info@nzo.nl Kompożizzjoni Produtturi/proċessaturi (X) Oħrajn ( )
3. Tip ta' prodott Klassi 1.3. Ġobnijiet
4. Speċifikazzjoni (sommarju tar-rekwiżiti skont l-Artikolu 4(2) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006)
4.
4.1. Isem Edam Holland
4.2. Deskrizzjoni L-Edam Holland huwa ġobon kemxejn iebes immaturat b'mod naturali. Jiġi prodott fil-Pajjiżi l-Baxxi mill-ħalib tal-baqar tal-azjendi tal-prodotti tal-ħalib Olandiżi u jiġi mmaturat għal prodott lest għal konsumatur fi kmamar għal maturazzjoni Olandiżi.
4.2. Kompożizzjoni
L-Edam Holland huwa prodott minn element wieħed jew iżjed tal-materja prima li ġejja:
ħalib, krema u ħalib xkumat jew nofsu xkumat tal-baqar (eskussivament ħalib tal-baqar) minn azjendi tal-prodotti tal-ħalib Olandiżi.
Elementi karatteristiċi
Il-ġobon għandu forma ta' ballun, imċaftar in-naħa ta' fuq u t'isfel, jew jista' jkollu forma ta' kexxun tal-ħobż jew blokka. L-ispeċifikazzjonijiet jingħataw fit-tabella li ġejja. Tip Piż Xaħam f'materja niexfa Kontenut ta' ndewwa (massimu) Melħ f'materja niexfa (massimu) Baby Edam Holland max. 1,5 kg 40,0 – 44,0 % 46,5 % 5,4 % Edam Holland (ballun) 1,5 – 2,5 kg 40,0 – 44,0 % 45,5 % 5,0 % Edam Holland Bros (iebes) 1,5 – 2,5 kg 40,0 – 44,0 % 47,5 % 5,3 % Edam Holland Stip (imtektek) 1,5 – 2,5 kg 40,0 – 44,0 % 45,5 % 6,0 % Edam Holland (forma ta' blokka) max. 20 kg 40,0 – 44,0 % 46,0 % 4,6 % Edam Holland (forma ta' kexxun tal-ħobż) 4 – 5 kg 40,0 – 44,0 % 46,0 % 4,6 % Edam Holland (forma ta' ħobża żgħira) 2 – 3 kg 40,0 – 44,0 % 47,0 % 4,8 % Il-kontenut tan-ndewwa japplika 12-il ġurnata mill-ewwel jum ta' preparazzjoni, bl-eċċezzjoni tal-Baby Edam Holland, li japplika 5 ġranet wara l-ewwel jum ta' preparazzjoni. L-elementi karatteristiċi l-oħra huma kif ġej:
It-togħma: ħafifa għal pikkanti, skont iż-żmien tal-maturazzjoni u t-tip.
Sezzjoni trasversali: għandu jkun uniformi bħala kulur bi ftit toqob tondi żgħar. Il-Bros Edam Holland għandu għadd kbir ta' toqob żgħar. Il-lewn tal-ġobon ivarja minn kulur l-ivorju għal isfar.
Il-qoxra: il-qoxra hija soda, lixxa, niexfa, nadifa u mingħajr ebda flora tal-fungu. Din tifforma billi tinxef waqt l-istadju tal-maturazzjoni.
Konsistenza: L-Edam Holland ta' maturazzjoni qasira għandu jkun sod biżżejjed u tajjeb għat-tqattigħ. Hekk kif il-ġobon ikompli jimmatura, isir iżjed sod u magħqud fil-konsistenza. Il-Bros Edam Holland għandu jkun sod u iebes biżżejjed.
Perjodu ta' maturazzjoni: minimu ta' 28 ġurnata (minimu ta' 21 ġurnata għall-Baby Edam Holland).
L-Edam Holland huwa ġobon immaturat b'mod naturali. Għall-Edam Holland mhijiex permessa il-maturazzjoni bil-fojl.
Temperatura ta' maturazzjoni: minimu ta' 12 °C.
Żmien: it-tul tal-iskadenza jvarja minn minimu ta' 28 jum wara l-produzzjoni (Baby Edam Holland) għal aktar minn sena.
Meta jaslu u jinħażnu għand il-produttur tal-ġobon, jista' jkun li l-ħalib, il-krema jew il-ħalib nofsu xkumat jew ma jkunu ħadu ebda trattament tas-sħana jew ikunu ħadu trattament tas-sħana li ma jippastorizzax.
Il-krema u l-ħalib xkumat jew nofsu xkumat għandhom jiġu ppastorizzati immedjatament qabel ma jsiru Edam Holland biex jiġu ssodisfati l-kriterji li ġejjin:
ma jkun hemm ebda attività tal-fosfatażi, sakemm ma jkun hemm ebda attività tal-perossidażi;
livelli ta' aċidità, għal krema mkejla abbażi tal-prodott mingħajr xaħam, mhumiex ogħla minn 20 mmol NaOH għal kull litru, sakemm il-kontenut tal-lattat huwa 200 mg għal kull 100 g ta' materja mingħajr xaħam jew anqas;
l-ebda mikro organiżmu tal-koliform ma jkun jista' jiġi osservat f'0,1 ml.
Eżatt qabel ma tintuża għall-Edam Holland, il-materja prima kollha trid tiġi ppastorizzata b'tali mod li l-kontenut żnaturat ta' proteina tax-xorrox ma jvarjax jew ivarja verament ftit minn dak ta' materja prima mhix pastorizzata ta' tip u kwalità simili.
Jistgħu jiżdiedu biss kulturi mhux modifikati ġenetikament ta' mikro organiżmi li jipproduċu l-aċidu tal-ħalib jew li jipproduċu l-aroma fil-produzzjoni tal-Edam Holland. Dawn il-kulturi jikkonsistu f'kulturi starter meżofiliċi adattati għall-Edam Holland: Lactococcus u Leuconostoc L jew LD, possibbilment flimkien ma' Lactobacillus termofiliku u/jew kulturi ta' Lactococcus. Il-kulturi starter preżenti għandhom rwol importanti ħafna fil-proċess tal-maturazzjoni u l-formazzjoni tat-togħma u l-aroma tipiċi.
Tames: jintuża biss tames tal-għoġol fil-produzzjoni tal-Edam Holland. Huwa biss f'ċirkustanzi speċjali, pereżempju jekk meħtieġ minħabba mard epiżotiku, li jista' jkun meħtieġ li minflok jintużaw tipi oħra ta' tames. F'dak il-każ, it-tames użat irid ikun konformi mar-rekwiżiti ta' Warenwetbesluit Zuivel [id-Digriet tad-Dairy Products (Commodities Act)].
Il-kontenut tan-nitrit tal-Edam Holland, f'termini ta' joni tan-nitrit, mhux ogħla minn 2 mg għal kull kg ta' ġobon.
4.3. Żona ġeografika Iż-żona ġeografika koperta mill-applikazzjoni hija l-Olanda, jiġifieri l-parti Ewropea tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi.
4.4. Prova tal-oriġini Kull ġobna ta' Edam Holland tiġi mmarkata bil-kaseina qabel ma l-baqta tiġi ppressata (ara l-istampa). Il-marka fiha d-denominazzjoni Edam Holland flimkien ma' taħlita ta' numri u ittri li huma uniċi għal kull ġobna (f'ordni alfabetika u numerika li tiżdied). Il-COKZ (l-istitut Olandiż ta' spezzjoni tal-prodotti tal-ħalib) iżomm reġistru ta' dawn iċ-ċifri uniċi, magħhom tiddaħħal ukoll id-dejta tal-eżamijiet kollha (inklużi l-ħin u l-post). Din l-indikazzjoni tingħaraf faċilment mill-konsumaturi u tista' tiġi vverifikata minn awtorità ta' approvazzjoni abbażi tal-marka bil-kaseina u r-reġistru tal-COKZ.
4.5. Metodu ta' produzzjoni Il-ġobon Edam Holland jiġi prodott minn ħalib tal-ażjendi tal-prodotti tal-ħalib fil-Pajjiżi l-Baxxi. Il-ħalib jitkessaħ fl-ażjenda għal massimu ta' 6 °C u jinħażen f'tank ta' tkessiħ fl-azjenda stess. Wara jinġarr għall-fabbrika tal-ġobon mhux iktar tard minn 72 siegħa wara. Meta jasal fil-fabbrika tal-ġobon, jew jiġi pproċessat immedjatament jew inkella termizzat (trattament tas-sħana ħafifa li ma jippastorizzax) u jitpoġġa f'ħażna tat-tkessiħ għal perjodu qasir qabel ma jinbidel f'ħalib tal-ġobon. Il-kontenut tax-xaħam tal-ħalib huwa standardizzat b'tali mod li l-proporzjon ta' xaħam/proteina huwa dak li eventwalment jipproduċi ġobon b'kontenut tax-xaħam ta' bejn 40 % u 44 % xaħam f'materja niexfa. Il-ħalib tal-ġobon jiġi ppastorizzat f'temperatura tal-anqas ta' 72 °C għal 15-il sekonda. Isir f'baqta f'temperatura ta' madwar 30 °C. Is-separazzjoni u l-koagulazzjoni tal-proteini tal-ħalib li jseħħu matul dan il-proċess hija tipika tal-Edam Holland. Il-baqta prodotta mill-koagulazzjoni tiġi sseparata mix-xorrox u pproċessata u maħsula biex jiġi żgurat li l-kontenut tan-ndewwa u l-pH jilħqu l-livelli meħtieġa. Il-baqta tiġi ppressata fil-forma korretta u fil-piż meħtieġ f'kontenituri. Il-ġobon prodott b'dan il-mod imbagħad jingħaddas ġos-salmura. L-Edam Holland jiġi biss immaturat dejjem b'mod naturali, jiġifieri jitħalla mikxuf għall-arja biex jimmatura u jinqaleb u jiġi kkontrollat regolarment. Hekk kif il-ġobon jimmatura, tifforma qoxra niexfa. Iż-żmien u t-temperatura għandhom rwol importanti biex jiżguraw li l-proċessi enżimatiċi u dawk tal-maturazzjoni jingħataw opportunità biżżejjed sabiex il-ġobon jiżviluppa l-kwalità fiżika u organolettika li hija karatteristika tal-Edam Holland. L-Edam Holland jista' jieħu iżjed minn sena biex jimmatura, jiddependi fuq it-tip ta' togħma mixtieqa. L-Edam Holland jista' jitqatta' u jiġi ppakkjat kemm fil-Pajjiżi l-Baxxi kif ukoll f'pajjiż ieħor, sakemm dak li jippakkja għandu sistema amministrattiva ta' monitoraġġ komprensiva li tiżgura li l-Edam Holland imqatta' jista' jiġi identifikat permezz tat-taħlita unika ta' numri u ittri fuq il-marka u li l-konsumatur ikun ċert mill-oriġini tiegħu.
4.6. Rabta Il-parti ġeografika tad-denominazzjoni ta' dan il-prodott hija Holland. Bħalma jaf kulħadd, Holland hija sinonima mal-isem aktar uffiċjali, il-Pajjiżi l-Baxxi. Matul il-perjodu tar-Repubblika tal-Pajjiżi l-Baxxi Uniti (mis-17 sad-19-il seklu), l-Olanda kienet il-provinċja l-iktar influenti mis-seba' provinċji.
4.6. Sfond storiku
L-Edam Holland huwa simbolu tat-tradizzjoni Olandiża tal-produzzjoni tal-ġobon, li tmur lura sal-Medju Evu, u li laħqet l-aqwa tagħha saħansitra diġà fis-seklu 17 (l-Epoka tad-Deheb). Hija l-iktar minħabba l-pożizzjoni ġeografika tal-Pajjiżi l-Baxxi (kważi kollha taħt il-livell tal-baħar), il-klima tagħhom (klima marittima) u t-taħlita tal-ħaxix li jikber hemm (kważi kollu fuq ħamrija ramlija u taflija) li jwasslu għall-ħalib daqshekk adattat għall-produzzjoni ta' ġobon ta' kwalità għolja mimli togħma. Is-sistemi tal-assigurazzjoni ta' kwalità stabbiliti fl-azjendi tal-prodotti tal-ħalib u s-sistema intensiva ta' valutazzjoni ta' kwalità (kull konsenja ħalib tiġi eżaminata u vvalutata skont parametri varji ta' kwalità) kollha flimkien jiggarantixxu l-kwalità tal-ħalib. Barra minn hekk, sal-mument li l-ħalib jiġi pproċessat hemm katina ta' tkessiħ bla waqfien, bil-ħalib jitpoġġa f'ħażna tat-tkessiħ fl-azjenda (massimu 6 °C) u jinġarr għall-fabbrika f'tankijiet b'tagħmir tat-tkessiħ. Id-distanzi relattivament qosra involuti jgħinu wkoll biex tinżamm il-kwalità tal-ħalib. Mill-bidu tiegħu bil-produzzjoni bbażata fl-azjendi, l-Edam Holland żviluppa, permezz ta' produzzjoni f'fabbriki lokali, biex sar prodott nazzjonali magħruf mad-dinja kollha u huwa fattur importanti u stabbli biex il-valur tal-ħalib tal-azjendi jintuża bl-aħjar mod. Fil-bidu tas-seklu 20, ġew introdotti liġijiet nazzjonali għall-ġobon Edam, u l-isem Edam Holland ġie stabbilit fil-Landbouwkwaliteitsbeschikking kaasproducten [Id-Deċiżjoni tal-Kwalità Agrikola (Prodotti tal-Ġobon)].
Il-fama tal-Edam Holland fost il-konsumaturi Ewropej
Stħarriġ fuq skala kbira li twettaq f'sitt pajjiżi Ewropej wera li l-konsumaturi Ewropej iqisu l-Pajjiżi l-Baxxi bħala l-iktar produttur importanti tal-Edam (u l-Gouda). L-Edam Holland (u l-Gouda Holland) huma simboli tal-wirt kulturali Olandiż. Il-konsumaturi Ewropej iqisu l-ġobnijiet tal-Edam Holland (u tal-Gouda Holland) bħala marka kummerċjali. L-Edam Holland (u l-Gouda Holland) huma sinonimi ma' kwalità Olandiża. Ir-riċerka tas-suq (imwettqa fuq kampjun rappreżentattiv ta' 1250 parteċipant għal kull Stat Membru, b'affidabbiltà ta' 97,5 %) fis-sitt Stati Membri fejn hemm l-ogħla konsum tal-Edam (u l-Gouda) turi li: Matul għadd ta' sekli, miżuri u liġijiet differenti ġew introdotti, kemm mill-Gvern Olandiż u mill-industrija, biex jiżguraw li l-kwalità tal-Edam Holland (u l-Gouda Holland) tinżamm f'livell għoli ħafna. Barra minn hekk, l-industrija Olandiża tal-prodotti tal-ħalib investiet ammont sostanzjali biex jintlaħqu dawn l-istandards għoljin ta' kwalità, u biex jinfetħu swieq ġodda li ġew ikkultivati u miżmuma. Sa mill-1950, aktar minn NLG 1,4 biljun (EUR 635 miljun) kienu investiti f'riklamar, tkabbir ta' għarfien u promozzjoni fl-Ewropa (eskluż investiment fil-Pajjiżi l-Baxxi).
hemm assoċjazzjoni qawwija bejn l-Edam u l-Pajjiżi l-Baxxi;
l-Edam Holland huwa aktar popolari mill-Edam li mhux prodott fil-Pajjiżi l-Baxxi;
kważi nofs il-konsumaturi fl-Istati Membri tal-istħarriġ jaħsbu li l-Edam kollu jiġi prodott fil-Pajjiżi l-Baxxi;
l-Edam mill-Olanda jieħu punteġġi sinifikattivament ogħla fuq il-valuri varjabbli kwalità eċċellenti, prodott b'mod tradizzjonali, u l-prodott oriġinali.
4.7. Korp ta' spezzjoni Isem Stichting Centraal Orgaan voor Kwaliteitsaangelegenheden in de Zuivel (COKZ) Indirizz Kastanjelaan 7, 3833 AN LEUSDEN Tel. +31-33-4965696 Feks +31-33-4965666 Posta elettronika productcontrole@cokz.nl
4.8. Tikkettar L-Edam Holland huwa Indikazzjoni Ġeografika Protetta (IĠP) tal-Unjoni Ewropea. Din l-indikazzjoni trid tintwera f'pożizzjoni prominenti fuq il-ġobniet sħaħ kollha, fuq it-tikketta mwaħħla fuq in-naħa ċatta tal-ġobna u/jew fuq il-faxxa ta' madwar il-ġobna. Dan mhux obbligatorju jekk il-ġobna tinbiegħ f'forma mqatta' u ppakkjata minn qabel kif deskritt fit-taqsima 4.5. F'dak il-każ, l-Edam Holland trid tidher fuq l-imballaġġ. Għandha tintwera marka ċara biex tiddistingwi fuq l-imballaġġ biex il-konsumaturi jidentifikaw l-Edam Holland fil-ħwienet. Bl-użu tad-denominazzjoni, l-użu ta' identità separata (qed tiġi żviluppata logo), u billi jintwera s-simbolu IĠP tal-UE, wieħed għandu jiċċara mal-konsumaturi li l-Edam Holland huwa prodott differenti mill-ġobnijiet Edam l-oħrajn.