Gelex

Deċiżjoni tal-Kunsill tas-16 ta’ Marzu 2010 dwar l-allokazzjoni tas-servizzi finanzjarji intermedjarji mkejla b’mod indirett (FISIM) għall-istabbiliment tad-dħul nazzjonali gross (DNG) użat għall-finijiet tal-baġit tal-Unjoni Ewropea u r-riżorsi proprji tagħha (2010/196/UE, Euratom)

In forceVersion 2010-03-16from 2010-01-01
Grade B

mapped from publisher markup. A grade says how a document's structure was obtained, not how reliable the law is.

Ask Gelex about this law

Address https://gelex.eu/eli/EU/act/2010/196@2010-03-16/mt

Contents
  1. Preamble

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/436/KE, Euratom tas-7 ta’ Ġunju 2007 dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Komunitajiet Ewropej, u b’mod partikolari it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(7) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew,

Billi:

(1) L-Artikolu 8(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 448/98 tas-16 ta’ Frar 1998 li jkompli u jemenda r-Regolament (KE) Nru 2223/96 f’ dak li għandu x’jaqsam mal-allokazzjoni tas-servizzi finanzjarji intermedjarji mkejla b’mod indirett (FISIM) fi ħdan is-sistema Ewropea tal-kontijiet nazzjonali u reġjonali (ESA) jipprevedi li d-deċiżjoni sabiex jiġu allokati FISIM għall-istabbiliment tal-prodott nazzjonali gross użat għall-finijiet tal-baġit Komunitarju u r-riżorsi proprji tagħha għandha tiġi adottata mill-Kunsill. B’effett mill-1 ta’ Jannar 2002 il-kunċett ta’ prodott nazzjonali gross ġie sostitwit bil-kunċett ta’ Dħul Nazzjonali Gross (DNG), skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(7) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/597/KE, Euratom tad-29 ta’ Settembru 2000 dwar is-sistema tar-riżorsi tagħhom tal-Komunitajiet Ewropej.

(2) It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(7) tad-Deċiżjoni 2007/436/KE, Euratom jipprevedi li fejn modifiki fis-sistema Ewropea ta’ kontijiet nazzjonali u reġjonali (ESA 95) jirriżultaw f’bidliet sinifikanti fid-DNG kif previst mill-Kummissjoni, il-Kunsill għandu jiddeċiedi jekk dawk il-modifiki għandhomx japplikaw għall-finijiet ta’ dik id-Deċiżjoni.

(3) Huwa adatt li jintużaw il-kunċetti tal-istatistika l-aktar reċenti għall-finijiet tal-baġit tal-Unjoni u r-riżorsi proprji tagħha, b’mod partikolari f’dak li jikkonċerna l-istabbiliment tad-DNG kif previst mill-Kummissjoni fl-applikazzjoni tal-ESA 95. Għalhekk il-FISIM għandhom jiġu allokati għall-istabbiliment tad-DNG għall-finijiet tal-baġit tal-Unjoni u r-riżorsi proprji tagħha.

(4) Sa Ottubru 2008, l-Istati Membri kollha tal-UE-27 kienu bagħtu d-data tagħhom inkluż dwar l-allokazzjoni tal-FISIM skont il-metodoloġija l-ġdida. Il-valutazzjoni ta’ dik id-data indikat li l-allokazzjoni tal-FISIM tirriżulta f’bidla sinifikanti fit-tifsira tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(7) tad-Deċiżjoni 2007/436/KE, Euratom peress li din iżżid id-DNG b’medja ta’ aktar minn 1 % u timplika, meta jiġi applikat il-metodu deskritt fl-Artikolu 3 ta’ dik id-Deċiżjoni, bidla fil-limiti massimi stabbiliti mill-Artikolu 3.

(5) Għalhekk l-allokazzjoni tal-FISIM għandha tapplika għall-finijiet tad-Deċiżjoni 2007/436/KE, Euratom.

(6) Jitqies li hu adatt li l-bidliet li jirriżultaw jiġu applikati mis-sena finanzjarja 2010,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1 Is-servizzi finanzjarji intermedjarji mkejla b’mod indirett (FISIM) għandhom jiġu allokati għall-istabbiliment tad-dħul nazzjonali gross għall-finijiet tal-baġit tal-Unjoni u r-riżorsi proprji tagħha.

Artikolu 2 L-allokazzjoni tal-FISIM skont l-Artikolu 1 għandha tapplika għall-finijiet tad-Deċiżjoni 2007/436/KE, Euratom mill-1 ta’ Jannar 2010.

Artikolu 3 Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Għandha tapplika mill-1 ta’ Jannar 2010.

Artikolu 4 Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, is-16 ta’ Marzu 2010. Għall-Kunsill Il-President E. Salgado

Versions

  1. 2010-03-16