Gelex

Deċizjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-31 ta’ Diċembru 2010 dwar il-ħlas tal-kapital, it-trasferiment ta’ assi ta’ riżervi barranin u kontribuzzjonjiet minn Eesti Pank lir-riżervi u l-provvisti tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2010/34) (2011/23/UE)

In forceVersion 2010-12-31from 2011-01-01
Grade B

mapped from publisher markup. A grade says how a document's structure was obtained, not how reliable the law is.

Ask Gelex about this law

Address https://gelex.eu/eli/EU/act/2010/34@2010-12-31/mt

Contents
  1. Preamble
  2. Artikolu 1 Definizzjonijiet
  3. Artikolu 2 Limitu u forma tal-kapital imħallas
  4. Artikolu 3 Trasferiment ta’ assi ta’ riżervi barranin
  5. Artikolu 4 Denominazzjoni, remunerazzjoni u maturità tal-klejms ekwivalenti għall-kontribuzzjonijiet
  6. Artikolu 5 Kontribuzzjonijiet għar-rizervi u l-provvedimenti tal-BĊE
  7. 5.
  8. Artikolu 6 Kompetenzi
  9. Artikolu 7 Dispożizzjoni finali

IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew (minn hawn ’il quddiem l-Istatut tas-SEBĊ), u partikolarment l-Artikoli 30.1, 30.3, 48.1 u 48.2 tiegħu,

Billi:

(1) Skont l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/416/UE tat-13 ta’ Lulju 2010 konformi mal-Artikolu 140(2) tat-Trattat dwar l-adozzjoni tal-euro mill-Estonja fl-1 ta’ Jannar 2011 l-Estonja tissodisfa l-kundizzjonijiet neċessarji għall-adozzjoni tal-euro u d-deroga mogħtija lilha taħt l-Artikolu 4 tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2003 ser jitħassru b’effett mill-1 ta’ Jannar 2011.

(2) L-Artikolu 48.1 tal-Istatut tas-SEBĊ jistipula illi l-bank ċentrali nazzjonali (BĊN) ta’ Stat Membru li d-deroga tiegħu ġiet imħassra għandu jħallas sehmu fil-kapital sottoskritt tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) daqs il-BĊNi tal-Istati Membri l-oħra li l-munita tagħhom hija l-euro. L-ippeżar ta’ Eesti Pank fl-iskema kapitali tal-BĊE huwa ta’ 0,1790 %, skont l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni BĊE/2008/23 tat-12 ta’ Diċembru 2008 dwar il-persentaġġ tal-ishma tal-banek ċentrali nazzjonali fl-iskema għas-sottoskrizzjoni għall-kapital tal-Bank Ċentrali Ewropew. Eesti Pank diġà ħallas parti minn sehmu fil-kapital sottoskritt tal-BĊE, skont Artikolu 1 tad-Deċiżjoni BĊE/2010/28 tat-13 ta’ Diċembru 2010 dwar il-ħlas tal-kapital tal-Bank Ċentrali Ewropew mill-banek ċentrali nazzjonali li mhumiex fiż-żona euro.

(3) Skont l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni BĊE/2010/26 tat-13 ta’ Diċembru 2010 dwar iż-żieda fil-kapital tal-Bank Ċentrali Ewropew il-kapital tal-BĊE żdied b’EUR 5000 miljun minn EUR 5760652402,58 sa EUR 10760652402,58 b’effett mid-29 ta’ Diċembru 2010. Skont l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni BĊE/2010/27 tat-13 ta’ Diċembru 2010 dwar il-ħlas taż-żieda tal-kapital tal-Bank Ċentrali Ewropew mill-banek ċentrali nazzjonali tal-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro l-kapital miżjud għandu jitħallas fi tliet rati annwali ugwali.

(4) Bl-istess mod, Eesti Pank għandu jħallas il-partijiet rimanenti ta’ sehmu fil-kapital sottoskritt tal-BĊE, li jikkorrispondi għal EUR 18539259,01 kif ġej: fit-3 ta’ Jannar 2011 ammont ta’ EUR 9589259,01 li jirriżulta mill-multiplikazzjoni tal-kapital sottoskritt tal-BĊE fit-28 ta’ Diċembru 2010 (EUR 5760652402,58) bl-ippeżar tal-iskema kapitali ta’ Eesti Pank (0,1790 %), bit-tnaqqis tal-parti ta’ sehmu fil-kapital sottoskritt tal-BĊE li diġa tħallas skont id-Deċiżjoni BĊE/2010/27 u ammont ulterjuri ta’ EUR 8950000,00 li jirriżulta mill-multiplikazzjoni tal-ammont taż-żieda tal-kapital sottoskrittt al-BĊE (EUR 5000000000) bl-ippeżar tal-iskema kapitali ta’ Eesti Pank. Eesti Pank għandu jħallas dan l-ammont tal-aħħar fi tliet rati ugwali. L-ewwel rata għandha titħallas flimkien mal-ammont ta’ EUR 9589259,01 u ż-żewġ rati l-oħra ta’ EUR 2983333,33 għandhom jitħallsu kull waħda jumejn ta’ xogħol qabel l-ahhar jum operattiv tat-TARGET2 għall-2011 u l-2012.

(5) L-Artikolu 48.1, flimkien mal-Artikolu 30.1, tal-Istatut tas-SEBĊ jistipula illi l-BĊN ta’ Stat Membru li d-deroga tiegħu ġiet imħassra għandu jittrasferixxi ukoll assi ta’ riżervi barrani lill-BĊE. Skont l-Artikolu 48.1 tal-Istatut tas-SEBĊ, is-somma li għandha tiġi ttrasferita tiġi determinata billi l-valur f’euro bir-rati tal-kambju kurrenti tal-assi ta’ riżervi barranin li diġà ġew ittrasferiti lill-BĊE skont l-Artikolu 30.1 tal-Istatut tas-SEBĊ, tiġi mmultiplikata bil-proporzjon bejn in-numru ta’ ishma sottoskritti mill-BĊN kkonċernat u n-numru ta’ ishma li diġà tħallsu mill-BĊNi tal-Istati Membri l-oħra li l-munita tagħhom hija l-euro. Meta jkunu qed jiġu determinati l-assi ta riżervi barranin li diġà ġew ittrasferiti lill-BĊE skont l-Artikolu 30.1’, għandha tingħata d-debita kunsiderazzjoni lill-aġġustamenti preċedenti tal-iskema kapitali skont l-Artikolu 29.3 tal-Istatut tas-SEBĊ u l-espansjoni tal-iskema kapitali tal-BĊE skont l-Artikolu 48.3 tal-Istatut tas-SEBĊ. Bħala riżultat ta’ dan, skont Deċiżjoni BĊE/2008/27 tat-12 ta’ Diċembru 2008 li tistabbilixxi l-miżuri meħtieġa għall-kontribuzzjoni lill-valur proprjetarju akkumulat tal-Bank Ċentrali Ewropew u biex jiġu aġġustati l-klejms tal-banek ċentrali nazzjonali ekwivalenti għall-assi tar-riżervi barranin ittrasferiti, l-ekwivalenti f’euro tal-assi ta’ riżervi barranin li diġà ġew ittrasferiti lill-BĊE taħt l-Artikolu 30.1 tal-Istatut tas-SEBĊ huwa ta’ EUR 145853596,60.

(6) L-assi ta’ riżervi barranin li għandhom jiġu ttrasferiti minn Eesti Pank għandhom ikunu fi jew iddenominati f’yen Ġappuniż u deheb.

(7) L-Artikolu 30.3 tal-Istatut tas-SEBĊ jistipula illi l-BĊE għandu jikkredita lil kull BĊN ta’ Stat Membru li l-munita tiegħu hija l-euro bi klejm ekwivalenti għall-assi ta’ riżervi barranin illi ttrasferixxa lill-BĊE. Id-dispożizzjonijiet dwar id-denominazzjoni u r-remunerazzjoni tal-klejms li diġà ġew ikkreditati lill-BĊNi tal-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro għandhom japplikaw ukoll għad-denominazzjoni u r-remunerazzjoni tal-klejms ta’ Eesti Pank.

(8) l-Artikolu 48.2 tal-Istatut tas-SEBĊ jistipula illi l-BĊN ta’ Stat Membru li d-deroga tiegħu ġiet imħassra għandu jikkontribwixxi għar-riżervi tal-BĊE, għal dawk il-provvisti ekwivalenti għal riżervi, u għall-ammont li għad irid jiġi approprjat fir-riżervi u l-provvisti korrispondenti għall-bilanċ fil-kont tal-qligħ u t-telf fil-31 ta’ Diċembru tas-sena li tippreċedi t-tħassir tad-deroga. L-ammont ta’ din il-kontribuzzjoni hija determinata skont l-Artikolu 48.2 tal-Istatut tas-SEBĊ.

(9) B’analoġija mal-Artikolu 3.5 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Bank Ċentrali Ewropew, il-Gvernatur ta’ Eesti Pank kellu l-opportunità jagħmel osservazzjonijiet dwar din id-Deċiżjoni qabel l-adozzjoni tagħha,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1 Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni:

(a) assi ta riżervi barranin’ tfisser deheb jew flus kontanti;

(b) deheb tfisser uqiji sħaħ ta’ deheb fin fil-forma ta’ ingotti tat-tip London Good Delivery, kif speċifikat mil-London Bullion Market Association;

(ċ) flus kontanti tfisser il-valuta legali tal-Ġappun (yen Ġappuniż).

Artikolu 2 Limitu u forma tal-kapital imħallas

1. Eesti Pank għandu jħallas il-partijiet rimanenti ta’ sehmu fil-kapital sottoskritt tal-BĊE, li jikkorrispondu għal EUR 18539259,01.

2. Eesti Pank għandu jħallas lill-BĊE fit-3 ta’ Jannar 2011, l-ewwel rata ta’ EUR 12572592,35 permezz ta’ trasferiment separat bis-sistema Trans-European Automated Real-time Gross settlement Express Transfer (TARGET2). Eesti Pank għandu jħallas żewġ rati ulterjuri ta’ EUR 2983333,33 kull waħda jumejn ta’ xogħol qabel l-aħħar jum operattiv tat-TARGET2 għall-2011 u l-2012.

3. Eesti Pank għandu jħallas lill-BĊE fit-3 ta’ Jannar 2011, permezz ta’ trasferiment TARGET2 separat, l-imgħax akkumulat fl-1 ta’ Jannar u fit-2 ta’ Jannar 2011 fuq l-ammont dovut lill-BĊE taħt l-ewwel sentenza ta’ paragrafu 2. Dan l-imgħax għandu jkun ikkalkulat ta’ kuljum, billi jintuża l-metodu ta’ kalkolazzjoni actual over-360-day, b’rata ekwivalenti għar-rata ta’ imgħax marġinali użata mill-Eurosistema fl-operazzjoni ewlenija ta’ rifinanzjament l-aktar riċènti tiegħu.

Artikolu 3 Trasferiment ta’ assi ta’ riżervi barranin

1. Eesti Pank għandu jittrasferixxi lill-BĊE, b’effett mill-1 ta’ Jannar 2011 u skont dan l-Artikolu u l-arranġamenti meħudin bis-saħħa tiegħu, ammont ta’ assi ta’ riżervi barranin denominati f’yen Ġappuniż u deheb li huwa ekwivalenti għal EUR 145853596,60 kif ġej: Ammont ta’ yen Ġappuniż ekwivalenti f’euro fi flus kontanti Ammont ekwivalenti f’euro ta’ deheb Ammont totali ekwivalenti f’euro 123975557,11 21878039,49 145853596,60

2. L-ammont ekwivalenti f’euro ta’ assi ta’ riżervi barranin li għandhom jiġu ttrasferiti minn Eesti Pank taħt il-paragrafu 1 għandhom ikunu kkalkulati fuq il-bażi tar-rati tal-kambju bejn l-euro u l-yen Ġappuniż stabbiliti bħala riżultat tal-proċedura ta’ konsultazzjoni f’24 siegħa tal-31 ta’ Diċembru 2010 bejn l-Eurosistema u Eesti Pank u, fil-każ tad-deheb, fuq il-bażi tal-prezz ta’ kull uqija sħiħa ta’ deheb fin bid-dollaru Amerikan stabbilit fl-iffissar tal-prezz tad-deheb f’Londra fl-10.30 a.m., ħin ta’ Londra, fil-31 ta’ Diċembru 2010.

3. Il-BĊE għandu jikkonferma lil Eesti Pank mill-aktar fis possibbli l-ammont ikkalkulat skont il-paragrafu 2.

4. Eesti Pank għandu jittrasferixxi lill-BĊE il-yen Ġappuniż fi flus kontanti.

5. It-trasferiment ta’ flus kontanti għandu jsir lil dawk il-kontijiet speċifikati mill-BĊE. Id-data tas-saldu biex il-flus kontanti jiġu ttrasferiti lill-BĊE għandha tkun l-4 ta’ Jannar 2011. Eesti Pank għandu jagħti struzzjonijiet sabiex dan it-trasferiment jiġi eżegwit lill-BĊE.

6. Il-valur tad-deheb li Eesti Pank jittrasferixxi lill-BĊE skont paragrafu 1 għandu jkun kemm jista’ jkun viċin ta’, iżda mhux aktar minn, EUR 21878039,49.

7. Eesti Pank għandu jittrasferixxi d-deheb imsemmi fil-paragrafu 1 f’forma mhux investita lill-kontijiet u l-postijiet kif speċifikat mill-BĊE. Id-data tas-saldu biex id-deheb jiġi ttrasferit lill-BĊE għandha tkun is-6 ta’ Jannar 2011. Eesti Pank għandu jagħti struzzjonijiet sabiex dan it-trasferiment isir lill-BĊE.

8. Jekk Eesti Pank jittrasferixxi deheb lill-BĊE b’valur ta’ anqas mill-ammont speċifikat fil-paragrafu 1, fis-6 ta’ Jannar 2011, huwa għandu mbagħad jittrasferixxi ammont ta’ yen Ġappuniż fi flus kontanti ekwivalenti għad-defiċit lil kont tal-BĊE kif speċifikat mill-BĊE. Dawn il-yen Ġappuniżi fi flus kontanti m’għandhomx jifformaw parti mill-assi ta’ riżervi barranin denominati fil-yen Ġappuniż li Eesti Pank jittrasferixxi lill-BĊE skont il-kolonna tax-xellug tat-tabella inkluża fil-paragrafu 1.

9. Id-differenza, jekk ikun hemm, bejn l-ammont totali ekwivalenti f’euro msemmi fil-paragrafi 1 u l-ammont imsemmi fl-Artikolu 4(1) għandha tiġi mħallsa skont il-Ftehim tal-31 ta’ Diċembru 2010 bejn Eesti Pank u l-Bank Ċentrali Ewropew dwar il-klejm ikkreditat lil Eesti Pank mill-Bank Ċentrali Ewropew taħt l-Artikolu 30.3 tal-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentali u tal-Bank Ċentrali Ewropew.

Artikolu 4 Denominazzjoni, remunerazzjoni u maturità tal-klejms ekwivalenti għall-kontribuzzjonijiet

1. B’effett mill-1 ta’ Jannar 2011, u bla ħsara għall-ispeċifikazzjonijiet fl-Artikolu 3 dwar id-dati għas-saldu tat-trasferimenti tal-assi ta’ riżervi barranin, il-BĊE għandu jikkredita lil Eesti Pank bi klejm denominata f’euro, ekwivalenti għall-amont totali f’euro tal-kontribuzzjoni tiegħu ta’ assi ta’ riżervi barranin. Din il-klejm tikkorrispondi għal EUR 103115678,01.

2. Il-klejm ikkreditata mill-BĊE għal Eesti Pank għandha tiġi rremunerata sa mid-data tas-saldu. L-imgħax akkumulat għandu jinħadem ta’ kuljum, permezz tal-metodu ta’ kalkolazzjoni actual over-360-day, b’rata ekwivalenti għal 85 % tar-rata ta’ imgħax marġinali użata mill-Eurosistema fl-operazzjoni ewlenija ta’ rifinanzjament l-aktar riċenti tagħha.

3. Il-klejm għandha tiġi rremunerata fl-aħħar ta’ kull sena finanzjarja. Kull trimestru l-BĊE għandu jinforma lil Eesti Pank bl-ammont kumulattiv.

4. Il-klejm m’għandhiex tkun tista’ tiġi mifdija.

Artikolu 5 Kontribuzzjonijiet għar-rizervi u l-provvedimenti tal-BĊE

1. B’effett mill-1 ta’ Jannar 2011 u skont l-Artikolu 3(5) u (6), Eesti Pank għandu jikkontribwixxi għar-riżervi tal-BĊE, għal dawk il-provvedimenti ekwivalenti għal riżervi, u għall-ammont li għad irid jiġi assenjat lir-riżervi u l-provvisti korrispondenti għall-bilanċ tal-kont tal-qligħ u t-telf fil-31 ta’ Diċembru 2010.

2. L-ammonti li għandhom jiġu kkontribwiti minn Eesti Pank għandhom jiġu ddeterminati skont Artikolu 48.2 tal-Istatut tas-SEBĊ. Ir-riferenzi fl-Artikolu 48.2 għal in-numru ta ishma sottoskritti mill-bank ċentrali kkonċernat’ u in-numru ta ishma li diġà tħallsu mill-banek ċentrali l-oħra’ għandhom jirreferu għall-ippeżar ta’ Eesti Pank, u l-BĊNi tal-Istati Membri l-oħra li l-munita tagħhom hija l-euro fl-iskema kapitali, skont Deċiżjoni BĊE/2008/23.

3. Għall-finijiet tal-paragrafu 1, ir-riżervi tal-BĊE u provvisti ekwivalenti għal riżervi għandhom jinkludu l-fond ta’ riżerva ġenerali tal-BĊE, bilanċi fuq kontijiet ta’ rivalutazzjoni u provvisti għar-rata tal-kambju barrani, rata ta’ imgħax, kreditu, prezz tas-suq u riskji tal-prezz tad-deheb.

4. Mhux aktar tard mill-ewwel jum tax-xogħol wara l-approvazzjoni mill-Kunsill Governattiv tar-rendikont annwali tal-BĊE għas-sena 2010, il-BĊE għandu jikkalkula u jikkonferma lil Eesti Pank l-ammont li għandu jiġi kkontribwit minn Eesti Pank taħt il-paragrafu 1.

5. Fit-tieni jum tax-xogħol li jsegwi l-approvazzjoni mill-Kunsill Ġenerali tar-rendikont annwali tal-BĊE għas-sena 2010, Eesti Pank għandu, permezz ta’ TARGET2, iħallas lill-BĊE:

5.

(a) l-ammont dovut lill-BĊE taħt paragrafu 4; u

(b) l-imgħax akkumulat mill-1 ta’ Jannar 2011 sad-data tal-ħlas fuq l-ammont dovut lill-BĊE taħt paragrafu 4.

6. Kull imgħax li jakkumula taħt il-paragrafu 5(b) għandu jiġi maħdum ta’ kuljum, permezz tal-metodu ta’ kalkolazzjoni actual over-360-day, b’rata ekwivalenti għar-rata ta’ imgħax marġinali użata mill-Eurosistema fl-operazzjoni ewlenija ta’ rifinanzjament l-aktar riċenti tagħha.

Artikolu 6 Kompetenzi

1. Sa fejn huwa meħtieġ, il-Bord Eżekuttiv tal-BĊE għandu joħroġ struzzjonijiet lil Eesti Pank sabiex jispeċifika aktar u jdaħħal fis-seħħ kull dispożizzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u jipprovdi għal rimedji xierqa sabiex jiġu indirizzati kull problemi li jistgħu jinqalgħu.

2. Kull struzzjoni maħruġa mill-Bord Eżekuttiv taħt il-paragrafu 1 għandha tiġi nnotifikata minnufih lill-Kunsill Governattiv, u l-Bord Eżekuttiv għandu jimxi ma’ kull deċiżjoni tal-Kunsill Governattiv f’dak ir-rigward.

Artikolu 7 Dispożizzjoni finali

Din id-Deċizjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2011.

Magħmul fi Frankfurt am Main, il-31 ta’ Diċembru 2010. Il-President tal-BĊE Jean-Claude Trichet

Versions

  1. 2010-12-31