Deċiżjoni tal-Kunsill tal-24 ta’ Ġunju 2010 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Bosnja-Ħerzegovina dwar ċerti aspetti tas-servizzi tal-ajru (2010/360/UE)
Grade B
mapped from publisher markup. A grade says how a document's structure was obtained, not how reliable the law is.
Address https://gelex.eu/eli/EU/act/2010/360@2010-06-24/mt
Contents
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 100(2), flimkien mal-Artikolu 218(6)(a) u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 218(8) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Parlament Ewropew,
Billi:
(1) Fil-5 ta’ Ġunju 2003, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni biex tiftaħ negozjati ma’ pajjiżi terzi dwar il-bdil ta’ ċerti dispożizzjonijiet fi ftehimiet bilaterali eżistenti bi ftehim Komunitarju.
(2) F’isem il-Komunità, il-Kummissjoni nnegozjat ftehim mal-Bosnja-Ħerzegovina dwar ċerti aspetti tas-servizzi tal-ajru (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ il-Ftehim) f’konformità mal-mekkaniżmi u d-direttivi fl-Anness għad-Deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza lill-Kummissjoni biex tiftaħ negozjati ma’ pajjiżi terzi dwar il-bdil ta’ ċerti dispożizzjonijiet fi ftehimiet bilaterali eżistenti bi ftehim Komunitarju.
(3) Dan il-ftehim ġie ffirmat f’isem il-Komunità fil-5 ta’ Mejju 2006 suġġett għall-konklużjoni possibbli tiegħu f’data aktar tard, f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/426/KE.
(4) Wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Liżbona fl-1 ta’ Diċembru 2009, l-Unjoni Ewropea għandha tagħmel notifika lill-Bosnja-Ħerzegovina fir-rigward tal-fatt li l-Unjoni Ewropea ssostitwiet u ssuċċediet lill-Komunità Ewropea.
(5) Il-Ftehim għandu jiġi approvat,
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1 Il-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Bosnja-Ħerzegovina dwar ċerti aspetti tas-servizzi tal-ajru huwa b’dan approvat f’isem l-Unjoni.
Artikolu 2 Il-president tal-Kunsill huwa b’dan awtorizzat li jinnomina l-persuna li għandha s-setgħa tagħmel in-notifika prevista fl-Artikolu 8(1) tal-Ftehim u li jagħmel din in-notifika: Bħala konsegwenza tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Liżbona fl-1 ta’ Diċembru 2009, l-Unjoni Ewropea ssostitwiet u ssuċċediet lill-Komunità Ewropea u minn dik id-data teżerċita d-drittijiet u tassumi l-obbligi kollha tal-Komunità Ewropea. Għalhekk, referenzi għall-Komunità Ewropea fit-test tal-Ftehim għandhom, fejn xieraq, jinqraw bħala l-Unjoni Ewropea.
Magħmul fil-Lussemburgu, l-24 ta’ Ġunju 2010. Għall-Kunsill Il-President J. Blanco López