Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta’ Awwissu 2010 li testendi l-perjodu ta’ deroga għall-Bulgarija biex toġġezzjona għal vjeġġi ta’ ċertu skart fil-Bulgarija għall-irkupru skont ir-Regolament (KE) Nru 1013/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (notifikata bid-dokument numru C(2010) 5434) (Test b’relevanza għaż-ŻEE) (2010/438/UE)
Grade B
mapped from publisher markup. A grade says how a document's structure was obtained, not how reliable the law is.
Address https://gelex.eu/eli/EU/act/2010/438@2010-08-10/mt
Contents
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1013/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2006 dwar vjeġġi ta’ skart, u b’mod partikolari t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 63(4) tiegħu,
Billi:
(1) Skont l-Artikolu 63(4) tar-Regolament (KE) Nru 1013/2006, il-Bulgarija tista’ toġġezzjona għal vjeġġi ta’ ċertu tipi ta’ skart għall-irkupru għal perjodu ta’ żmien li ntemm fil-31 ta’ Diċembru 2009.
(2) Permezz ta’ ittra tat-23 ta’ Diċembru 2009, il-Bulgarija talbet l-estenjoni ta’ dak il-perjodu sal-31 ta’ Diċembru 2012.
(3) Jeħtieġ li jkun żgurat li l-ħarsien ambjentali jibqa’ f’livelli għoljin fl-Unjoni, b’mod partikolari fejn l-irkupru ta’ ċertu vjeġġi ta’ skart jibqa’ ma jkunx skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali relatata mal-irkupru tal-iskart fil-pajjiż minn fejn jintbagħat. Għalhekk, il-Bulgarija għandha żżomm il-possibbiltà li toġġezzjona għal vjeġġi ta’ skart pjanati mhux mixtieqa ddestinati għall-irkupru fit-territorju tagħha. B’konsegwenza ta’ dan, jeħtieġ li tkun estiża d-deroga applikabbli għall-Bulgarija sal-31 ta’ Diċembru 2012.
(4) Sabiex ikompli jkun żgurat ħarsien ambjentali aħjar kif ukoll sabiex tkun preservata ċ-ċertezza legali relatata mas-sistema legali applikabbli għal vjeġġi ta’ skart destinati għall-irkupru fil-Bulgarija skont ir-Regolament (KE) Nru 1013/2006, il-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni għandhom japplikaw mill-1 ta’ Jannar 2010. Il-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 18 tad-Direttiva 2006/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1 B’deroga mill-Artikolu 12 tar-Regolament (KE) Nru 1013/2006, il-perjodu li fih l-awtoritajiet kompetenti tal-Bulgarija jistgħu joġġezzjonaw għal vjeġġi għall-Bulgarija ta’ skart għall-irkupru elenkat fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 63(4) ta’ dak ir-Regolament u skont ir-raġunijiet għal oġġezzjoni stipulati fl-Artikolu 11 tiegħu, għandu jkun estiż sal-31 ta’ Diċembru 2012.
Artikolu 2 Din id-deċiżjoni għandha tapplika b’effett mill-1 ta’ Jannar 2010.
Artikolu 3 Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmul fi Brussell, l-10 ta’ Awwissu 2010. Għall-Kummissjoni Janez Potočnik Membru tal-Kummissjoni