Gelex

Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 662/2010 tat-23 ta’ Lulju 2010 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1126/2008 li jadotta ċerti standards internazzjonali tal-kontabilità skont ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward l-Interpretazzjoni 19 tal-Kumitat tal-Interpretazzjoni Internazzjonali tar-Rappurtar Finanzjarju (IFRIC) u l-Istandard Internazzjonali tar-Rappurtar Finanzjarju (IFRS) 1 (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

In forceVersion 2010-07-23from 1001-01-01
Grade B

mapped from publisher markup. A grade says how a document's structure was obtained, not how reliable the law is.

Ask Gelex about this law

Address https://gelex.eu/eli/EU/act/2010/662@2010-07-23/mt

Contents
  1. Preamble
  2. Artikolu 1
  3. ANNEX
  4. STANDARDS INTERNAZZJONALI TAL-KONTABILITÀ
  5. AMBITU 23
  6. KWISTJONIJIET 4
  7. KONSENSUS 567891011
  8. DATA EFFETTIVA U TRANŻIZZJONI 1213
  9. Emendi għall-IFRS 1 Adozzjoni għall-ewwel darba ta' Standards Internazzjonali ta’ Rappurtaġġ Finanzjarju

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Lulju 2002 rigward l-applikazzjoni ta' standards internazzjonali tal-kontabilità, u b’mod partikolari l-Artikolu 3(1) tiegħu,

Billi:

(1) Permezz tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1126/2008 ġew adottati ċerti standards internazzjonali u interpretazzjonijiet li kienu fis-seħħ fil-15 ta’ Ottubru 2008.

(2) Fis-26 ta’ Novembru 2009, il-Kumitat tal-Interpretazzjonijiet Internazzjonali tar-Rappurtar Finanzjarju (IFRIC) ippubblika l-Interpretazzjoni 19 tal-IFRIC Estinzjoni tal-Obbligazzjonijiet Finanzjarji permezz ta' Strumenti Azzjonarji, minn hawn ’il quddiem l-IFRC 19. L-għan tal-IFRIC 19 hu li jipprovdi gwida dwar kif id-debitur għandu jirrapporta l-istrumenti azzjonarji tiegħu maħruġa bħala saldu sħiħ jew parzjali ta' obbligazzjoni finanzjarja wara li jkunu reġgħu ġew innegozjati t-termini tal-obbligazzjoni.

(3) Il-konsultazzjoni mal-Grupp ta’ Esperti Tekniċi (TEG) tal-Grupp Konsultattiv Ewropew għall-Informazzjoni Finanzjarja (EFRAG) tikkonferma li l-IFRIC 19 tissodisfa l-kriterji tekniċi għall-adozzjoni kif stipulat fl-Artikolu 3(2) tar-Regolament (KE) Nru 1606/2002. Skont id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/505/KE tal-14 ta' Lulju 2006 li tistabbilixxi Grupp ta' Reviżjoni tal-Konsulenza dwar Normi [Grupp Konsultattiv dwar ir-Reviżjoni tal-Istandards] biex jagħti parir lill-Kummissjoni dwar l-oġġettività u n-newtralità tal-opinjonijiet tal-Grupp Konsultattiv Ewropew dwar ir-Rappurtar Finanzjarju (EFRAG), il-Grupp Konsultattiv dwar ir-Reviżjoni tal-Istandards qies l-opinjoni tal-EFRAG dwar l-approvazzjoni u ta parir lill-Kummissjoni li din hija bbilanċjata kif xieraq u oġġettiva.

(4) L-adozzjoni tal-IFRIC 19 timplika, bħala konsegwenza, emendi għall-Istandard Internazzjonali tar-Rappurtar Finanzjarju (IFRS) 1 sabiex tiġi żgurata l-konsistenza bejn l-istandards ta' kontabilità kkonċernati.

(5) Ir-Regolament (KE) Nru 1126/2008 għandu għalhekk jiġi emendat skont dan.

(6) Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Regolatorju dwar il-Kontabilità,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1 L-Anness għar-Regolament (KE) Nru 1126/2008 huwa emendat kif ġej:

Artikolu 1

(1) L-Interpretazzjoni 19 tal-Kumitat tal-Interpretazzjonijiet Internazzjonali tar-Rappurtar Finanzjarju (IFRIC) iddaħħlet kif stabbilit fl-Anness għal dan ir-Regolament;

(2) L-Istandard Internazzjonali tar-Rappurtar Finanzjarju (IFRS) 1 huwa emendat kif stabbilit fl-Anness għal dan ir-Regolament.

Artikolu 2 Kull kumpanija għandha tapplika l-IFRIC 19 u l-emendi għall-IFRS 1, kif stabbilit fl-Anness għal dan ir-Regolament, mid-data tal-bidu tal-ewwel sena finanzjarja tagħha li tibda wara t-30 ta’ Ġunju 2010.

Artikolu 3 Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u huwa direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha. Magħmul fi Brussell, it-23 ta’ Lulju 2010. Għall-Kummissjoni Il-President José Manuel Barroso

ANNEX

ANNESS

STANDARDS INTERNAZZJONALI TAL-KONTABILITÀ

IFRIC 19 L-interpretazzjoni 19 tal-IFRIC Estinzjoni tal-Obbligazzjonijiet Finanzjarji permezz ta' Strumenti Azzjonarji IFRS 1 Emendi għall-IFRS 1 Adozzjoni għall-ewwel darba ta' Standards Internazzjonali ta’ Rappurtar Finanzjarju Riproduzzjoni permessa fiż-Żona Ekonomika Ewropea. Id-drittijiet kollha eżistenti riżervati barra miż-ŻEE, bl-eċċezzjoni tad-dritt ta' riproduzzjoni għall-użu personali jew għal fini leġittimi oħra. Aktar tagħrif jista’ jinkiseb mill-IASB fuq www.iasb.org

Qafas għall-Preparazzjoni u l-Preżentazzjoni ta’ Rapporti Finanzjarji

L-IFRS 2 Pagament ibbażat fuq l-Ishma

L-IFRS 3 Kombinamenti ta’ Negozji

L-IAS 1 Preżentazzjoni ta' Rapporti Finanzjarji

L-IAS 8 Politiki ta’ Kontabilità, Bidliet fl-Istimi ta’ Kontabilità u Żbalji

L-IAS 32 Strumenti Finanzjarji: Preżentazzjoni

L-IAS 39 Strumenti Finanzjarji: Rikonoxximent u Kejl

INTERPRETAZZJONI IFRIC 19 Estinzjoni tal-Obbligazzjonijiet Finanzjarji permezz ta' Strumenti Azzjonarji

L-ISFOND 1 Debitur u kreditu jistgħu jirrinegozjaw it-termini ta' obbligazzjoni finanzjarja bir-riżultat li d-debitur jestingwixxi totalment jew parzjalment l-obbligazzjoni bil-ħruġ ta' strumenti azzjonarji lill-kreditur. Dawn it-tranżazzjonijiet huma xi drabi msejħa tpartit ta' dejn ma' ekwità. L-IFRIC irċieva talbiet għall-gwida dwar il-kontabbiltà ta' tali tranżazzjonijiet.

AMBITU 23 Din l-Interpretazzjoni tindirizza l-kontabbiltà minn entità meta t-termini ta' obbligazzjoni finanzjarja jkunu rrinegozjati u jirriżultaw f'li l-entità toħroġ strumenti azzjonarji lil kreditur tal-entità biex testingwixxi l-obbligazzjoni finanzjarja kollha jew parti minnha. Ma tindirizzax il-kontabbiltà mill-kreditur. Entità ma għandhiex tapplika din l-Interpretazzjoni għal tranżazzjonijiet f'sitwazzjonijiet fejn:

AMBITU 23

(a) il-kreditur ikun ukoll azzjonist dirett jew indirett u jkun qed jaġixxi fil-kapaċità tiegħu ta' azzjonist dirett jew indirett eżistenti;

(b) il-kreditur u l-entità jkunu kkontrollati mill-istess parti jew partijiet qabel jew wara t-tranżazzjoni u s-sustanza tat-tranżazzjoni tinkludi distribuzzjoni ta' ekwità mill-entità jew kontribuzzjoni ta' ekwità lill-entità;

(c) l-estinzjoni tal-obbligazzjoni finanzjarja bil-ħruġ ta' ishma azzjonarji tkun skont it-termini oriġinali tal-obbligazzjoni finanzjarja.

KWISTJONIJIET 4

Din l-Interpretazzjoni tindirizza l-kwistjonijiet li ġejjin:

(a) L-istrumenti azzjonarji ta' entità maħruġa biex jestingwixxu obbligazzjoni finanzjarja sħiħa jew parti minnha huma korrispettiv imħallas skont il-paragrafu 41 tal-IAS 39?

(b) Kif entità għandha inizjalment tkejjel l-istrumenti azzjonarji maħruġa biex jestingwixxu tali obbligazzjoni finanzjarja?

(c) Kif għandha entità tirrapporta kwalunkwe differenza bejn l-ammont tal-obbligazzjoni finanzjarja estinta miżmum fil-kotba u l-kejl inizjali tal-ammont tal-istrument azzjonarju maħruġ?

KONSENSUS 567891011

Il-ħruġ ta' strumenti azzjonarji ta' entità lil kreditu biex jestingwixxu obbligazzjoni finanazjarja sħiħa jew parti minnha hija korrispettiv imħallas skont il-paragrafu 41 tal-IAS 39. Entità għandha tneħħi obbligazzjoni finanzjarja (jew parti minn obbligazzjoni finanzjarja) mir-rapport tal-pożizzjoni finanzjarja fil-każ biss fejn tiġi estinta skont il-paragrafu 39 tal-IAS 39. Meta l-istrumenti azzjonarji maħruġa lil kreditur għall-estinzjoni ta' obbligazzjoni finanzjarja sħiħa jew parti minnha jkunu inizjalment rikonoxxuti, entità għandha tkejjilhom skont il-valur ġust tal-istrumenti azzjonarji maħruġa, sakemm dak il-valur ġust ma jkunx jista' jitkejjel b'affidabbiltà. Jekk il-valur ġust tal-istrumenti azzjonarji maħruġa ma jkunx jista' jitkejjel b'mod affidabbli, l-istrumenti azzjonarji għandhom jitkejlu biex jirriflettu l-valur ġust ta' obbligazzjoni finanzjarja estinta. Fil-kejl tal-valur ġust ta' obbligazzjoni finanzjarja estinta li jinkludi element ta' domanda (eż. depożitu domanda), ma japplikax il-paragrafu 49 tal-IAS 39. Jekk tiġi estinta biss parti mill-obbligazzjoni finanzjarja, l-entità għandha tivvaluta jekk parti mill-korrispettiv imħallas ikunx relatat ma' bidla fit-termini tal-obbligazzjoni li tibqa' pendenti. Jekk parti mill-korrispettiv imħallas tkun relatata ma' bidla fit-termini tal-parti li tibqa' tal-obbligazzjoni, l-entità għandha talloka l-korrispettiv imħallas bejn il-parti tal-obbligazzjoni estinta u l-parti tal-obbligazzjoni li baqgħet pendenti. F'din l-allokazzjoni l-entità għandha tqis il-fatti kollha rilevanti u ċ-ċirkostanzi dwar it-tranżazzjoni. Id-differenza bejn l-ammont ta' obbligazzjoni finanzjarja estinta (jew parti minn obbligazzjoni finanzjarja) miżmum fil-kotba, u l-korrispettiv imħallas, għandha tkun rikonoxxuta fil-profitt jew fit-telf, skont il-paragrafu 41 tal-IAS 39. L-istrumenti azzjonarji maħruġa għandhom jiġu inizjalment rikonoxxuti u mkejla fid-data li l-obbligazzjoni finanzjarja (jew parti minn dik l-obbligazzjoni) tkun ġiet estinta. Meta parti biss mill-obbligazzjoni finanzjarja tiġi estinta, il-korrispettiv għandu jiġi allokat skont il-paragrafu 8. Il-korrispettiv allokat għall-obbligazzjoni li jifdal għandu jiġi inkluż fil-valutazzjoni ta' jekk it-termini tal-obbligazzjoni li jifdal tbiddlux sostanzjalment. Jekk l-obbligazzjoni li jifdal tkun tbiddlet sostanzjalment, l-entità għandha tirrapporta l-bidla bħala l-estinzjoni tal-obbligazzjoni oriġinali u r-rikonoxximent tal-obbligazzjoni l-ġdida skont il-paragrafu 40 tal-IAS 39. Entità għandha tiżvela l-qligħ jew telf rikonoxxut skont il-paragrafi 9 u 10 bħala punt f'linja separata fil-profitt jew telf jew fin-noti.

DATA EFFETTIVA U TRANŻIZZJONI 1213

Entità għandha tapplika din l-Interpretazzjoni għall-perjodi annwali li jibdew fl-1 ta’ Lulju 2010 jew wara. Applikazzjoni minn qabel hija permessa. Jekk entità tapplika din l-Interpretazzjoni għal perjodu li jibda qabel l-1 ta' Lulju 2010, għandha tiżvela dak il-fatt. Entità għandha tapplika bidla fil-politika ta' kontabbiltà skont l-IAS 8 mill-bidu tal-abkar perjodu kumparattiv ippreżentat.

Appendiċi

Emendi għall-IFRS 1 Adozzjoni għall-ewwel darba ta' Standards Internazzjonali ta’ Rappurtaġġ Finanzjarju

L-emendi f'dan l-appendiċi għandhom ikunu applikati għall-perijodi annwali li jibdew fl-1 ta' Lulju 2010 jew wara. Jekk entità tapplika din l-Interpretazzjoni għal xi perjodu abkar, dawn l-emendi japplikaw għal dak il-perjodu abkar. Fl-Appendiċi D jiddaħħlu intestatura u l-paragrafu D25.

Estinzjoni tal-obbligazzjonijiet finanzjarji permezz ta' strumenti azzjonarji D25

Dak li qed jadotta għall-ewwel darba jista’ japplika d-dispożizzjonijiet tranżizzjonali fl-IFRIC 19 Estinzjoni tal-obbligazzjonijiet finanzjarji permezz ta' strumenti azzjonarji.

Versions

  1. 2010-07-23