Gelex

Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-22 ta’ Novembru 2010 dwar ir-rikonoxximent tas-Sri Lanka rigward l-edukazzjoni, it-taħriġ u ċ-ċertifikazzjoni tal-baħħara għar-rikonoxximent taċ-ċertifikati ta’ kompetenza (notifikata bid-dokument numru C(2010) 7963) (Test b’relevanza għaż-ŻEE) (2010/704/UE)

In forceVersion 2010-11-22from 2010-11-23
Grade B

mapped from publisher markup. A grade says how a document's structure was obtained, not how reliable the law is.

Ask Gelex about this law

Address https://gelex.eu/eli/EU/act/2010/704@2010-11-22/mt

Contents
  1. Preamble

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2008/106/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Novembru 2008 dwar il-livell minimu ta’ taħriġ tal-baħħara, u b’mod partikolari l-Artikolu 19(3) tagħha,

Wara li kkunsidrat l-ittra tat-13 ta’ Mejju 2005 mill-Awtoritajiet Ċiprijotti li fiha qed jitolbu r-rikonoxximent tas-Sri Lanka sabiex jiġu rikonoxxuti ċ-ċertifikati ta’ kompetenza maħruġa minn dan il-pajjiż,

Billi:

(1) L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li japprovaw iċ-ċertifikati ta’ kompetenza tal-baħħara maħruġa minn pajjiżi terzi, dejjem jekk il-pajjiż terz rilevanti jkun rikonoxxut mill-Kummissjoni bħala pajjiż li jiżgura l-konformità mar-rekwiżiti tal-Konvenzjoni internazzjonali dwar Standards ta’ Taħriġ, Ċertifikazzjoni u Għassa għall-Baħħara tal-1978, kif emendata (il-Konvenzjoni STCW).

(2) Wara t-talba tal-Awtoritajiet Ċiprijotti, il-Kummissjoni vvalutat l-edukazzjoni marittima, it-taħriġ u s-sistemi ta’ ċertifikazzjoni fis-Sri Lanka sabiex tivverifika jekk dan il-pajjiż jikkonformax mar-rekwiżiti tal-Konvenzjoni STCW u jekk ittiħdux miżuri xierqa biex ikunu evitati l-frodi fil-ħruġ ta’ ċertifikati. Din il-valutazzjoni kienet ibbażata fuq ir-riżultati ta’ spezzjonijiet għat-tfittxija tal-fatti li għamlu l-Esperti tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima f’Novembru 2006.

(3) Meta kienu identifikati nuqqasijiet matul il-valutazzjoni ta’ konformità mal-Konvenzjoni STCW, l-Awtoritajiet tas-Sri Lanka pprovdew lill-Kummissjoni l-informazzjoni u l-evidenza rilevanti mitluba dwar l-implimentazzjoni ta’ azzjoni korrettiva xierqa u suffiċjenti li tindirizza l-biċċa l-kbira ta’ dawn il-kwistjonijiet.

(4) Għad baqa’ xi nuqqasijiet, fir-rigward ta’ ċerti aspetti tal-proċeduri nazzjonali li jikkonċernaw l-edukazzjoni, it-taħriġ u ċ-ċertifikazzjoni tal-baħħara, li jirrigwardaw b’mod partikolari dispożizzjonijiet legali speċifiċi neqsin rigward il-kwalifiki tal-għalliema, l-użu ta’ simulaturi, kif ukoll in-nuqqas ta’ disinn u ttestjar għall-eżerċizzji tas-simulaturi f’waħda mill-Istituzzjonijiet tal-Edukazzjoni u t-Taħriġ Marittimu li ġew eżaminati. Għalhekk l-Awtoritajiet tas-Sri Lanka kienu mistiedna biex jimplimentaw iktar l-azzjoni korrettiva f’dawn l-oqsma. Madanakollu, dawn in-nuqqasijiet ma jqajmux dubji dwar il-livell ġenerali ta’ konformità tas-sistemi tas-Sri Lanka rigward l-edukazzjoni marittima, it-taħriġ u ċ-ċertifikazzjoni mal-Konvenzjoni STCW.

(5) Ir-riżultat tal-valutazzjoni ta’ konformità u l-evalwazzjoni tal-informazzjoni pprovduta mill-Awtoritajiet tas-Sri Lanka juru li s-Sri Lanka tikkonforma mar-rekwiżiti rilevanti tal-Konvenzjoni STCW. Is-Sri Lanka ħadet ukoll miżuri xierqa biex ikunu evitati frodi fil-ħruġ ta’ ċertifikati u għalhekk għandha tkun rikonoxxuta mill-Unjoni.

(6) Il-miżuri pprovduti f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat dwar l-Ibħra Sikuri u l-Prevenzjoni ta’ Tniġġis minn Vapuri.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1 Is-Sri Lanka hi rrikonoxxuta fir-rigward tal-edukazzjoni, it-taħriġ u ċ-ċertifikazzjoni għall-baħħara, għall-iskop tar-rikonoxximent taċ-ċertifikati ta’ kompetenza maħruġa minn dan il-pajjiż.

Artikolu 2 Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, it-22 ta’ Novembru 2010. Għall-Kummissjoni Siim Kallas Viċi President

Versions

  1. 2010-11-22