Gelex

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1202/2011 tat-18 ta’ Novembru 2011 dwar il-klassifikazzjoni ta' ċerti prodotti fin-Nomenklatura Magħquda

In forceVersion 2011-11-18from 2011-12-13
Grade B

mapped from publisher markup. A grade says how a document's structure was obtained, not how reliable the law is.

Ask Gelex about this law

Address https://gelex.eu/eli/EU/act/2011/1202@2011-11-18/mt

Contents
  1. Preamble
  2. ANNEX

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta' Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni, u b’mod partikolari l-Artikolu 9(1)(a) tiegħu,

Billi:

(1) Sabiex tiġi żgurata applikazzjoni uniformi tan-Nomenklatura Magħquda annessa mar-Regolament (KEE) Nru 2658/87, huwa neċessarju li jiġu adottati miżuri li jikkonċernaw il-klassifikazzjoni tal-prodotti msemmija fl-Anness ta' dan ir-Regolament.

(2) Ir-Regolament (KEE) Nru 2658/87 stabbilixxa r-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda. Dawk ir-regoli japplikaw ukoll għal kwalunkwe nomenklatura oħra li hija bbażata, parzjalment jew kollha kemm hi fuqha, jew li żżid kwalunkwe subdiviżjoni magħha u li hija stabbilita minn dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Unjoni, bil-għan li jiġu applikati tariffi u miżuri oħra relatati mal-kummerċ ta' prodotti.

(3) Skont dawk ir-regoli ġenerali, il-prodotti msemmija fil-kolonna (1) tat-tabella mniżżla fl-Anness għandhom jiġu kklassifikati taħt il-kodiċi tan-NM indikata fil-kolonna (2), minħabba r-raġunijiet stabbiliti fil-kolonna (3) ta' dik it-tabella.

(4) Huwa xieraq li jkun stipulat li informazzjoni tariffarja li torbot u li tkun inħarġet mill-awtoritajiet tad-dwana tal-Istati Membri rigward il-klassifikazzjoni ta' prodotti fin-Nomenklatura Magħquda, iżda li ma tkunx skont dan ir-Regolament, tkun tista', għal perjodu ta' tliet xhur, tibqa’ tkun invokata mid-detentur, skont l-Artikolu 12(6) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta' Ottubru 1992 li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità.

(5) Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1 Il-prodotti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella kif imniżżla fl-Anness għandhom ikunu kklassifikati fin-Nomenklatura Magħquda taħt il-kodiċi tan-NM indikat fil-kolonna (2) ta' dik it-tabella.

Artikolu 2 Informazzjoni tariffarja li torbot maħruġa mill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri, li ma tikkonformax ma' dan ir-Regolament, tista' tibqa’ tiġi invokata għal perjodu ta' tliet xhur skont l-Artikolu 12(6) tar-Regolament (KEE) Nru 2913/92.

Artikolu 3 Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin ġurnata wara dik tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jkun vinkolanti fit-totalità tiegħu, u direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha. Magħmul fi Brussell, it-18 ta’ Novembru 2011. Għall-Kummissjoni, f'isem il-President, Algirdas Šemeta Membru tal-Kummissjoni

ANNEX

ANNESS

Deskrizzjoni tal-prodotti Klassifikazzjoni (Kodiċi TARIC) Raġunijiet (1) (2) (3) Pannell bi skrin tal-kristall likwidu (LCD) [l-hekk imsejjaħ modulu LCD], ta’ qies djagonali ta’ madwar 66 cm (26 pulzier), li jikkonsisti f’saff ta’ matriċi attiva ta’ kristalli likwidi mqiegħed bejn żewġ folji tal-ħġieġ, immuntat b'konnekters. Bejn l-ewwel folja tal-ħġieġ u s-saff ta’ kristalli likwidi hemm matriċi ta’ tranżister magħmul minn pellikola rqiqa (TFT - thin film transistor) li tipprovdi l-vultaġġ adattat lill-pixels. Bejn is-saff tal-kristalli likwidi u t-tieni folja tal-ħġieġ hemm filtru RGB li jikkontrolla l-kuluri tal-istampa li tkun qed tintwera. Mal-pannell hemm imwaħħla diversi konnekters f’forma ta’ strixxi. Kull konnekter huwa magħmul minn ċirkwiti integrati żgħar ħafna (l-hekk imsejħa source drivers IC) fuq ċirkwiti flessibbli stampati. Is-source drivers IC iħallu l-kurrent jgħaddi u jikkontrollaw is-sinjali li jgħaddu minnhom, kif ukoll jaqilbu u jittrażmettu d-dejta mill-unitajiet taċ-ċirkwiti (circuit board) stampati (konnessi wara l-importazzjoni) għal kull pixel tal-matriċi attiva ta’ kristalli likwidi. Il-modulu jintuża fil-manifattura ta’ moniters jew ta’ apparat ta’ riċezzjoni għat-televiżjonijiet taħt l-intestatura 8528. 8529909244 Il-klassifikazzjoni hija ddeterminata mir-Regoli Ġenerali 1 u 6 għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda, in-Nota 2(b) tat-Taqsima XVI u tal-kliem użat fil-kodiċi tan-NM 8529, 852990 u 85299092 u tal-kodiċi TARIC 8529909244. Hekk kif il-modulu LCD jiġi mgħammar bis-source drivers IC li huma aktar minn sempliċi konnessjonijiet elettriċi (jiġifieri għall-provvista tal-elettriku), il-klassifikazzjoni taħt l-intestatura 9013 bħala mezzi b'matriċi attiva ta’ kristalli likwidi hija eskluża (ara wkoll in-Noti ta' Spjegazzjoni tas-Sistema Armonizzata għall-intestatura 9013 (1)). Minħabba li l-modulu huwa magħmul minn saff ta’ kristalli likwidi TFT mqiegħed bejn żewġ folji tal-ħġieġ u huwa mgħammar b’elementi elettroniċi ta’ kontroll għall-indirizzar tal-pixels użat fil-manifattura ta’ moniters jew ta’ apparat ta’ riċezzjoni għat-televiżjonijiet taħt l-intestatura 8528, huwa kkunsidrat bħala komponent li jintuża biss jew prinċipalment flimkien mal-apparat tal-intestatura 8528 taħt il-kodiċi tan-NM 85299092. Għaldaqstant, dan il-prodott għandu jiġi kklassifikat taħt il-kodiċi TARIC 8529909244 bħala modulu LCD li jikkonsisti biss f’ċelloli TFT tal-ħġieġ jew tal-plastik, mhux ikkombinati ma’ faċilitajiet ta’ touch screen, b’unità tad-dawl minn wara l-iskrin (backlight) jew mingħajrha, b’inverters jew mingħajrhom u b’unità waħda jew aktar ta’ ċirkwiti stampati b’elementi elettroniċi ta’ kontroll użati biss għall-indirizzar tal-pixels.

Versions

  1. 2011-11-18