Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1389/2011 tad-19 ta’ Diċembru 2011 li jimponi dazju antidumping definittiv fuq importazzjonijiet tal-aċidu triklorojsoċjanuriku li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina wara reviżjoni ta’ skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009
Grade B
mapped from publisher markup. A grade says how a document's structure was obtained, not how reliable the law is.
Address https://gelex.eu/eli/EU/act/2011/1389@2011-12-19/mt
Contents
- Preamble
- (47) Tabella 1 Konsum tal-Unjoni
- (49) Tabella 2 Volumi ta’ importazzjoni u ishma tas-suq RPĊ
- (50) Tabella 3 Prezz ta’ unità RPĊ
- (52) Tabella 4 Importazzjonijiet minn pajjiżi oħra (volum u sehem tas-suq)
- (55) Tabella 5 Produzzjoni tal-Unjoni
- (57) Tabella 6 Il-kapaċità tal-produzzjoni u l-użu tal-kapaċità tal-Unjoni
- (59) Tabella 7 Bejgħ
- (60) Tabella 8 Sehem tas-suq tal-Unjoni
- (61) Tabella 9 Impjiegi
- (62) Tabella 10 Produttività
- (63) Tabella 11 Prezz tal-bejgħ fis-suq tal-Unjoni
- (64) Tabella 12 Kapaċità ta’ profitt
- (65) Tabella 13 Investimenti
- (66) Tabella 14 Likwidità
- Artikolu 1
- ANNEX
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ir-Regolament bażiku), u b’mod partikolari l-Artikolu 11(2) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mressqa mill-Kummissjoni Ewropea (Il-Kummissjoni) wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv,
Billi: PROĊEDURA Miżuri fis-seħħ
(1) Bir-Regolament (KE) Nru 1631/2005 il-Kunsill impona miżuri definittivi ta’ antidumping li jikkonsistu f’dazji individwali li jvarjaw minn 7,3 % għal 40,5 % b’dazju li jifdal ta’ 42,6 % fuq importazzjonijiet tal-aċidu triklorojsoċjanuriku li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (RPĊ).
(2) Bir-Regolament (KE) Nru 855/2010 il-Kunsill baxxa d-dazju individwali applikat għal kumpanija waħda minn 14,1 % għal 3,2 %.
Talba għal reviżjoni
(3) Wara l-pubblikazzjoni ta’ avviż ta’ skadenza imminenti tal-miżuri ta’ antidumping definittivi fis-seħħ, fis-6 ta’ Lulju 2010 il-Kummissjoni irċeviet talba għal bidu ta’ reviżjoni tal-iskadenza ta’ dawn il-miżuri skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku. Ir-reviżjoni tressqet mill-Kunsill Ewropew tal-Industrija tal-Kimka (CEFIC) f’isem il-produtturi tal-Unjoni li jirrappreżentaw proporzjon ewlieni, f’dan il-każ ta’ aktar minn 90 %, tal-produzzjoni totali tal-Unjoni tal-aċidu triklorojsoċjanuriku (l-applikanti).
(4) It-talba kienet ibbażata fuq ir-raġuni li l-iskadenza tal-miżuri probabbli tirriżulta f’kontinwazzjoni jew rikorrenza ta’ dumping u ħsara lill-Industrija tal-Unjoni.
Bidu
(5) Wara li ddeterminat, wara li kkonsultat mal-Kumitat Konsultattiv, li kien hemm biżżejjed evidenza għall-bidu ta’ reviżjoni tal-iskadenza, il-Kummissjoni ħabbret fis-6 ta’ Ottubru 2010, il-bidu ta’ din ir-reviżjoni ta’ skadenza, skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku, f’avviż ippubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (l-Avviż ta’ bidu).
L-investigazzjoni Il-perjodu ta’ investigazzjoni
(6) Il-perjodu ta’ investigazzjoni ta’ reviżjoni (PIR) kien mill-1 ta’ Lulju 2009 sat-30 ta’ Ġunju 2010. Il-probabbiltà ta’ kontinwazzjoni jew rikorrenza tal-aspetti ta’ ħsara ġiet analizzata matul il-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2007 sat-tmien tal-PIR (il-perjodu kkunsidrat).
Il-partijiet milquta mill-investigazzjoni
(7) Il-Kummissjoni avżat uffiċjalment lill-applikanti, lill-produttur l-ieħor magħruf tal-Unjoni, lill-produtturi esportaturi, lill-importaturi, lill-utenti magħrufa li huma milquta, kif ukoll lir-rappreżentanti tar-RPĊ bil-bidu tar-reviżjoni tal-iskadenza.
(8) Il-partijiet interessati ngħataw l-opportunità li jesprimu l-fehmiet tagħhom bil-miktub u li jitolbu seduta ta’ smigħ fil-limitu taż-żmien stabbilit fl-Avviż ta’ bidu. Il-partijiet kollha interessati li talbu seduta ta’ smigħ u wrew li kien hemm raġunijiet speċifiċi l-għala għandhom jinstemgħu, ngħataw seduta ta’ smigħ.
(9) Fid-dawl tal-għadd apparentament kbir ta’ produtturi esportaturi fir-RPĊ u importaturi mhux relatati fl-Unjoni, ġie ppjanat it-teħid ta’ kampjuni għal dawn il-partijiet fl-avviż ta’ bidu, skont l-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku.
(10) Sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tiddeċiedi jekk it-teħid ta’ kampjuni jkunx meħtieġ u, jekk dan ikun il-każ, tagħżel kampjun, il-partijiet imsemmija hawn fuq intalbu, skont l-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku, jippreżentaw irwieħhom fi żmien 15-il jum mill-pubblikazzjoni tal-avviż ta’ bidu u jipprovdu l-informazzjoni mitluba fl-Avviż ta’ bidu lill-Kummissjoni.
(11) L-ebda wieħed mill-produtturi esportaturi fir-RPĊ ma kkoopera fl-investigazzjoni.
(12) Fir-rigward tal-importaturi, għadd żgħir ta’ kumpaniji ppreżentaw irwieħhom fil-bidu iżda irtiraw il-kooperazzjoni tagħhom fl-istadji ta’ wara.
(13) Il-Kummissjoni bagħtet il-kwestjonarji lill-partijiet kollha magħrufa li kienu milquta qabel ma skada ż-żmien stabbilit fl-Avviż ta’ bidu. Waslu tweġibiet mit-tliet produtturi magħrufa tal-Unjoni u minn żewġ utenti.
(14) Il-Kummissjoni fittxet u vverifikat l-informazzjoni kollha li qieset li kienet meħtieġa għad-determinazzjoni tal-probabbiltà tal-kontinwazzjoni jew ir-rikorrenza ta’ dumping u ħsara li tirriżulta minnu u tal-interess tal-Unjoni. Iż-żjarat ta’ verifika twettqu fl-istabbilimenti taż-żewġ produtturi ewlenin tal-Unjoni:
Fluidra (Inquide Sau), Passeig de Sanllehy, 25, 08213 Polinya (Barcelona), Spanja;
Ercros (Aragonesas), Avenida Diagonal 595, Barcelona, Spanja.
IL-PRODOTT IKKONĊERNAT U L-PRODOTT SIMILI
(15) Il-prodott milqut mir-reviżjoni preżenti huwa l-aċidu triklorojsoċjanuriku u preparazzjonijiet magħmula minnu (TCCA), magħruf ukoll bħala simklosene skont l-isem internazzjonali mhux tad-ditta (INN), li bħalissa jaqa’ taħt il-kodiċjiet CN ex29336980 u ex38089420 (Kodiċijiet TARIC 2933698070 u 3808942020), u li joriġina mir-RPĊ.
(16) It-TCCA huwa prodott kimiku użat bħala diżinfettant u bliċer organiku ġenerali li fih il-klorur, użat b’mod partikolari bħala diżinfettant tal-ilma fis-swimming pools. Jinbiegħ bħala trab, żibeġ, pilloli jew ċippijiet. Il-forom kollha tat-TCCA u l-preparazzjonijiet minnu għandhom l-istess karatteristiċi bażiċi (kompożizzjoni kimika) u użi (diżinfettant), kollha huma maħsuba għall-istess użu u għalhekk jitqiesu bħala prodott wieħed.
(17) L-investigazzjoni attwali kkonfermat li l-prodott ikkonċernat, kif prodott u mibjuh mill-produtturi esportaturi lejn l-Unjoni, huwa simili f’dawk li huma karatteristiċi fiżiċi u kimiċi, kif ukoll f’dawk li huma l-użi tiegħu, għall-prodott magħmul u mibjuh mill-produtturi tal-Unjoni fis-suq tal-Unjoni u mill-produttur fil-pajjiż analogu kemm fis-swieq domestiċi kif ukoll f’dawk ta’ esportazzjoni. Għalhekk, huma kkunsidrati bħala prodotti simili fis-sens tal-Artikolu 1(4) tar-Regolament bażiku.
IL-PROBABBILTÀ TA’ KONTINWAZZJONI JEW TA’ RIKORRENZA TAD-DUMPING Kummenti preliminari
(18) B’konformità mal-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku, saret reviżjoni biex jiġi ddeterminat jekk li l-iskadenza tal-miżuri eżistenti twassalx gћal tkomplija jew gћal rikorrenza tad-dumping.
(19) Kif ġie spjegat hawn fuq, ebda wieħed mit-30 produttur esportatur li ġew ikkuntattjati ma ppreżenta ruħhu matul l-eżerċizzju ta’ teħid ta’ kampjuni jew għamlu lilhom inffushom magħrufa matul l-investigazzjoni.
(20) Billi l-ebda wieħed mill-produtturi esportaturi fir-RPĊ ma kkoopera, ir-riżultati dwar il-probabbiltà tal-issoktar jew rikorrenza tad-dumping iserħu fuq il-fatti disponibbli skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, jiġifieri d-data tal-Eurostat, it-talba ta’ reviżjoni u l-istatistika uffiċjali tar-RPĊ dwar l-esportazzjoni.
(21) Barra minn hekk, id-data mibgħuta mill-produttur esportatur li kkoopera fil-pajjiż analogu, il-Ġappun, intużat biex jinstab il-valur normali.
Id-dumping ta’ importazzjonijiet matul il-PIR Pajjiż analogu
(22) Billi r-RPĊ hija ekonomija fi tranżizzjoni, u peress, b’konformità mal-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku, il-valur normali irid jiġi ddeterminat abbażi tal-prezz jew tal-valur normali kostrutt miksub f’pajjiż terz b’ekonomija tas-suq xierqa (il-pajjiż analogu), jew abbażi tal-prezz mill-pajjiż analogu għal pajjiżi oħra, inkluża l-Unjoni Ewropea, jew fejn dawn ma jistgħux jiġu ddeterminati, fuq xi bażi oħra raġonevoli, inkluż il-prezz imħallas realment jew li għandu jitħallas fl-Unjoni għall-prodott simili, aġġustat b’mod xieraq jekk meħtieġ biex jinkludi marġini ta’ profitt raġonevoli.
(23) Fl-Avviż ta’ bidu l-Kummissjoni ħabbret li l-Ġappun kien intuża fl-investigazzjoni ta’ qabel bħala pajjiż b’ekonomija tas-suq xierqa għall-fini li jiġi stabbilit il-valur normali fir-rigward tar-RPĊ u li kien għad hemm il-ħsieb li jerġa’ jintuża l-Ġappun għal dan il-għan. Matul din l-investigazzjoni ta’ reviżjoni sar kuntatt ma’ produtturi f’pajjiżi oħra b’ekonomija tas-suq bħall-Istati Uniti tal-Amerika u t-Tajwan u ntalbet il-kooperazzjoni tagħhom. Iżda l-kooperazzjoni waslet biss minn produttur esportatur wieħed fil-Ġappun.
(24) Għalhekk il-Ġappun tqies bħala pajjiż analogu xieraq. F’dan ir-rigward, ma wasal ebda kumment jew oġġezzjoni mill-partijiet interessati dwar jekk dan il-pajjiż kienx xieraq.
Valur normali
(25) Skont l-Artikolu 2(7) tar-Regolament bażiku, il-valur normali ġie stabbilit abbażi tal-informazzjoni li waslet mill-produttur esportatur li kkoopera fil-pajjiż analogu, jiġifieri abbażi tal-prezzijiet imħallsa jew li jitħallsu fis-suq domestiku fil-Ġappun għal prodotti simili li nstab li jinbiegħu fl-andament normali tal-kummerċ.
(26) L-ewwel ġie stabbilit għall-produttur esportatur fil-Ġappun jekk il-bejgħ domestiku totali tiegħu tal-prodott simili lil klijenti indipendenti kienx rappreżentattiv skont l-Artikolu 2(2) tar-Regolament bażiku, jiġifieri jekk kienx jirrappreżenta tal-inqas 5 % tal-volum tal-bejgħ totali tal-prodott ikkonċernat esportat lejn l-Unjoni. Il-bejħ domestiku tal-produttur esportatur li kkoopera fil-Ġappun instab li kien rappreżentattiv matul il-PIR.
(27) Sussegwentement, ġie eżaminat il-bejgħ domestiku biex jiġi ddeterminat jekk sarx fl-andament normali tan-negozju (OCOT), skont l-Artikolu 2(4) tar-Regolament bażiku.
(28) Billi l-bejgħ kollu fis-suq domestiku tqies li sar bi profitt, il-valur normali ġie ibbażat fuq il-medja differenzjata tal-prezz domestiku attwali matul il-PIR.
Prezz ta’ esportazzjoni
(29) Fin-nuqqas ta’ kooperazzjoni mill-produtturi esportaturi fir-RPĊ, il-prezz ta’ esportazzjoni ġie stabbilit fuq id-data tal-Eurostat.
It-tqabbil
(30) It-tqabbil bejn il-medja differenzjata tal-valur normali u l-medja differenzjata tal-prezz ta’ esportazzjoni sar fuq il-bażi ta’ kif joħroġ mill-fabbrika u fl-istess livell ta’ kummerċ. Sabiex jiġi żgurat tqabbil ġust bejn il-valur normali u l-prezz ta’ esportazzjoni, skont l-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku, tqiesu d-differenzi fil-fatturi li jaffetwaw il-prezzijiet u t-tqabbil tal-prezz. Għal dan il-għan, saru aġġustamenti biex jitqiesu d-differenzi fl-ispejjeż ta’ trasport u tal-assigurazzjoni.
Marġni ta’ dumping
(31) Kif stipulat fl-Artikolu 2(11) tar-Regolament bażiku, il-medja differenzjata tal-valur normali tqabblet mal-medja differenzjata tal-prezz ta’ esportazzjoni. Abbażi tal-metodoloġija hawn fuq imsemmija, il-marġini ta’ dumping stabbilit jammonta għal 75 %.
L-iżvilupp tal-importazzjonijiet kieku jitħassru l-miżuri Kumment preliminari
(32) Apparti l-analiżi tal-eżistenza tad-dumping matul il-PIR, il-probabbiltà ta’ ssoktar tad-dumping ġiet eżaminata wkoll.
(33) F’dan ir-rigward ġew analizzati l-elementi li ġejjin: il-kapaċità ta’ riżerva disponibbli fir-RPĊ, il-ġibda tas-suq tal-Unjoni għall-produtturi esportaturi tar-RPĊ u l-esportazzjonijiet tagħhom lejn pajjiżi terzi.
Il-kapaċità ta’ riżerva tal-produtturi esportaturi tar-RPĊ
(34) Fin-nuqqas ta’ aktar informazzjoni dwar il-kapaċità ta’ produzzjoni, l-analiżi saret b’konformità mal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku fuq il-bażi tal-informazzjoni li tinsab fit-talba ta’ reviżjoni.
(35) Skont it-talba ta’ reviżjoni, bir-rati taħt l-40 %, l-utilizzazzjoni tal-kapaċità ta’ produzzjoni fir-RPĊ baqgħat baxxa matul il-perjodu kkunsidrat. Minħabba kapaċità ta’ produzzjoni enormi u domanda domestika baxxa jidher li hemm aktar minn 180000 tunnellata ta’ kapaċità ta’ riżerva disponibbli fir-RPĊ li tista’ tiġi esportata. Dan huwa daqs il-konsum tal-Unjoni ta’ madwar 44000 tunnellata fil-PIR.
Il-Ġibda tas-suq tal-Unjoni
(36) Il-Ġibda tas-suq tal-Unjoni tidher fil-fatt li l-impożizzjoni tad-dazji antidumping ma ħonqitx l-espansjoni tal-esportazzjonijiet tar-RPĊ lejn l-Unjoni. Għalkemm matul il-perjodu 2007-2009 il-volumi ta’ importazzjoni kienu f’livell iktar baxx meta mqabbla mal-perjodu ta’ investigazzjoni oriġinali li wasslet għall-impożizzjoni tal-miżuri, il-volumi ta’ importazzjoni fil-PIR kienu ogħla minn dak il-livell, u laħqu 22696 tunnellata.
(37) Minkejja ż-żieda fil-prezz medju ta’ importazzjoni matul il-perjodu kkunsidrat, il-prezzijiet baqgħu kostantement taħt dawk tal-industrija tal-Unjoni.
(38) Il-fatt li l-importazzjonijiet tar-RPĊ matul il-perjodu kkunsidrat żdiedu matul il-PIR għal livell li kien ogħla minn dak ta’ matul il-perjodu ta’ investigazzjoni oriġinali juri li għad hemm interess mir-RPĊ fis-suq tal-Unjoni.
Prezzijiet ta’ esportazzjoni lejn pajjiżi terzi
(39) L-istatistika tar-RPĊ dwar l-esportazzjoni ġiet analizzata fir-rigward tal-volumi u l-prezzijiet ta’ esportazzjoni Ċiniża lejn pajjiżi terzi oħrajn. Skont din l-istatistika, 24 % tal-esportazzjonijiet mir-RPĊ fl-2010 kienu maħsubin għas-suq tal-Unjoni. Il-prezzijiet ta’ esportazzjoni tal-UE fil-livell FOB kienu kemm kemm ogħla mill-prezzijiet ta’ esportazzjoni għall-bqija tad-dinja. Iżda, fin-nuqqas ta’ kooperazzjoni jew data fit-talba ta’ reviżjoni dwar l-esportazzjonijiet lejn pajjiżi terzi oħra, mhux possibbli li jitqabblu dawk il-prezzijiet fil-livell CIF mal-prezz medju tal-industrija tal-Unjoni. Madankollu, il-fatt li l-prezzijiet ta’ esportazzjoni lejn pajjiżi terzi huma bħala medja iktar baxxi mill-prezzijiet ta’ esportazzjoni lejn l-Unjoni jista’ jidher bħala indikazzjoni li s-suq tal-Unjoni huwa suq attraenti għall-esportaturi tar-RPĊ u li l-esportazzjonijiet x’aktarx li jkomplu jiżdiedu jekk jitneħħew il-miżuri.
Konklużjoni dwar il-probabbiltà ta’ ssoktar jew rikorrenza tad-dumping
(40) Fid-dawl tas-sejbiet deskritti hawn fuq, jista’ jiġi konkluż li l-esportazzjonijiet mir-RPĊ għadhom oġġett ta’ dumping u li hemm probabbiltà ta’ kontinwazzjoni ta’ dumping fis-suq tal-Unjoni jekk jitneħħew il-miżuri antidumping attwali. Tabilħaqq, meta jitqiesu l-kapaċità ta’ riżerva attwali fir-RPĊ u l-ġibda tas-suq tal-Unjoni, u abbażi ta’ paragun bejn il-prezzijiet ta’ esportazzjoni lejn l-UE u dawk lejn pajjiżi terzi, x’aktarx li l-volum ta’ esportazzjonijiet tar-RPĊ ta’ dumping lejn l-Unjoni jiżdiedu sostanzjalment kieku jitħallew jiskadu l-miżuri.
IS-SITWAZZJONI FIS-SUQ TAL-UNJONI Definizzjoni tal-industrija tal-Unjoni
(41) Il-prodott ikkonċernat huwa mmanifatturat ġewwa l-Unjoni minn tliet kumpaniji. Għalhekk dawn huma meqjusin li jikkostitwixxu l-industrija tal-Unjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 4(1) u l-Artikolu 5(4) tar-Regolament bażiku (minn hawn ’il quddiem imsejħa l-industrija tal-Unjoni).
Kumment preliminari
(42) Id-data nkisbet mill-istatistika tal-Eurostat, mit-talba ta’ reviżjoni, mit-tweġibiet tal-kwestjonarju u mit-tagħrif miġbur matul iż-żjarat ta’ verifika.
(43) L-indikaturi ekonomiċi li jikkonċernaw il-produzzjoni, il-kapaċità, ir-rata ta’ utilizzazzjoni tal-kapaċità, il-volum ta’ bejgħ, is-sehem tas-suq u l-impjieg jirreferu għad-data pprovduta mit-tliet produtturi tal-Unjoni. L-indikaturi l-oħra kollha jirreferu għad-data pprovduta mill-applikanti biss, minħabba l-kooperazzjoni limitata ta’ wieħed mill-produtturi tal-Unjoni li ma kienx applikant fir-reviżjoni attwali. Meta wieħed iqis li l-applikanti kienu jirrappreżentaw 90 % tal-produzzjoni tal-Unjoni fil-PIR, id-data tagħhom tqieset rappreżentattiva tal-industrija tal-Unjoni għall-fini ta’ din ir-reviżjoni. Id-data miksuba mill-applikanti biss ġiet ivverifikata fuq il-post.
(44) Data marbuta mas-sitwazzjoni ekonomika tal-industrija tal-Unjoni kif ukoll mal-konsum tista’ tingħata biss taħt forma ta’ indiċi, u dan biex tinżamm il-konfidenzjalità skont l-Artikolu 19 tar-Regolament bażiku. U dan minħabba l-fatt li dawn l-indikaturi ekonomiċi jirrigwardaw żewġ produtturi biss, jew f’xi każijiet, tliet produtturi, li wieħed minnhom huwa biss marġinalment attiv fis-settur.
(45) F’Ġunju 2009, wieħed mill-applikanti għalaq wieħed miż-żewġ impjanti tiegħu u minn dakinhar waqqaf il-produzzjoni u ta issensja lill-impjegati kollha. Għal bidu l-impjant imsemmi nżamm miftuh għal ftit xhur, iżda mbagħad ingħalaq definittivament f’Jannar 2010. Dan kellu impatt mhux ħażin fuq numru ta’ indikaturi bħall-konsum, il-volum ta’ produzzjoni u l-produttività, kif jiġi spjegat aktar ’il quddiem fil-premessi (47) u (62).
Il-konsum fis-suq tal-Unjoni
(46) Il-konsum tal-Unjoni ġie stabbilit abbażi tal-volumi ta’ bejgħ tat-tliet produtturi tal-Unjoni fis-suq tal-Unjoni u ta’ data dwar l-importazzjoni mill-Eurostat.
(47) Tabella 1 Konsum tal-Unjoni
Bejn l-2007 u l-2009 l-konsum tal-Unjoni ta’ TCCA naqas b’19 % qabel ma rkupra fil-PIR fuq livell li jaqbeż b’6 % dak miksub fl-2007. Għas-snin 2008 u 2009 din it-tendenza tista’ tiġi spjegata b’taħlita ta’ effetti ta’ domanda iktar baxxa, minħabba l-kriżi ekonomika globali, u provvista ristretta, minħabba l-għeluq ta’ sit ta’ produzzjoni fl-2009 (ara l-premessa (45)). Il-livell ogħla ta’ konsum tal-Unjoni miksub fil-PIR huwa marbut fil-biċċa l-kbira tiegħu mal-irkupru mill-kriżi ekonimika u ż-żieda fl-importazzjonijiet mir-RPĊ. 2007 2008 2009 PIR Konsum tal-Unjoni (MT) Indiċi (2007 = 100) 100 93 81 106
Volum u sehem mis-suq ta’ importazzjonijet oġġett ta’ dumping mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina
(48) It-tendenzi fil-volumi u l-ishma tas-suq tal-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping mir-RPĊ jidhru hawn taħt. L-ishma kwantittattivi u tas-suq li ġejjin huma ibbażati fuq l-istatistika dwar l-importazzjoni tal-Eurostat billi ebda produttur/esportatur tar-RPĊ ma kkoopera f’din ir-reviżjoni.
(49) Tabella 2 Volumi ta’ importazzjoni u ishma tas-suq RPĊ
Il-kwantitajiet ta’ TCCA importati mir-RPĊ naqsu kemm kemm fl-2008 u l-2009. Dan it-tnaqqis fl-importazzjonijiet ġie segwit minn żieda sinifikanti fil-PIR (aktar minn 35 % meta mqabbel mal-2009). Fl-istess waqt, l-importazzjonijiet tar-RPĊ baqgħu jżidu s-sehem tas-suq tagħhom matul il-perjodu kkunsidrat. 2007 2008 2009 PIR Volumi ta’ importazzjoni f’MT 17957 17298 16645 22696 Indiċi (2007 = 100) 100 96 93 126 Ishma tas-suq (Meded) 40 %-50 % 40 %-50 % 45 %-55 % 50 %-60 %
Tendenzi fil-prezzjijiet ta’ importazzjonijiet oġġett ta’ dumping mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u twaqqiegħ tal-prezz Tendenzi fil-prezzijiet
(50) Tabella 3 Prezz ta’ unità RPĊ
Il-prezzijiet tal-importazzjonijiet mir-RPĊ urew żieda kostanti ta’ 11,3 %. Min-naħa, din it-tendenza tista’ tiġi attribwita għall-evoluzzjoni tal-prezzijiet tal-element ta’ materja prima ewlenija li bdew tilgħin b’mod aktar sostanzjali fl-2009 u matul il-PIR. Min-naħa l-oħra, hija tista’ tirrifletti sa ċertu punt varjazzjoni fit-taħlita tal-prodott. 2007 2008 2009 PIR EUR/MT 1048 1052 1163 1167 Indiċi (2007 = 100) 100 100,4 111 111,3
It-twaqqigħ tal-prezz
(51) B’mod ġenerali, il-prezzijiet tal-importazzjonijiet tar-RPĊ baqgħu taħt il-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni matul il-perjodu kollu. Biex issib kemm kien it-twaqqigħ tal-prezz il-Kummissjoni bbażat il-kalkolu tagħha fuq il-medja tal-prezzijiet ta’ esportazzjoni CIF tar-RPĊ miksuba mill-Eurostat. Il-prezzijiet tal-prodott ikkonċernat tqabblu mal-medja differenzjata tal-prezz tal-industrija tal-Unjoni aġġustat għal-livell ta’ kif joħroġ mill-fabbrika. It-tqabbil wera li l-importazzjonijiet mir-RPĊ kienu qed iwaqqgħu l-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni b’iktar minn 10 %, mingħajr ma jitqies id-dazju antidumping fis-seħħ.
Importazzjonijiet minn pajjiżi oħra
(52) Tabella 4 Importazzjonijiet minn pajjiżi oħra (volum u sehem tas-suq)
Il-volum u l-ishma tas-suq ta’ importazzjonijiet minn pajjiżi oħrajn matul il-perjodu kkunsidrat jidhru fit-tabella hawn taħt. Id-data rispettiva hija bbażata fuq ċifri tal-Eurostat: 2007 2008 2009 PIR Volum ta’ importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħra (MT) 501 239 296 378 Sehem tas-suq ta’ importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħra (Meded) Taħt it-2 % Taħt it-2 % Taħt it-2 % Taħt it-2 %
(53) F’termini ta’ volum u sehem tas-suq, l-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħra kienu negliġibbli matul il-perjodu kkunsidrat. L-importazzjonijiet mill-Istati Uniti tal-Amerika, pajjiż ieħor suġġett għal miżura antidumping, waqfu għal kollox matul il-perjodu kkunsidrat.
Sitwazzjoni ekonomika tal-industrija tal-Unjoni
(54) Skont l-Artikolu 3(5) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni eżaminat il-fatturi ekonomiċi u l-indiċijiet kollha rilevanti li għandhom effett fuq l-istat tal-industrija tal-Unjoni.
Produzzjoni
(55) Tabella 5 Produzzjoni tal-Unjoni
Kien hemm tnaqqis serju fil-produzzjoni mill-2009 ‘l quddiem wara l-kriżi ekonomika globali u l-għeluq ta’ faċilità ta’ produzzjoni f’Ġunju 2009, meta l-produzzjoni minn dan l-impjant waqfet għal kollox (ara l-premessa (45) hawn fuq). 2007 2008 2009 PIR Indiċi ta’ Volum ta’ Produzzjoni tal-Unjoni (2007 = 100) 100 95,2 66,5 70,7
Kapaċità u rati tal-użu tal-kapaċità
(56) Il-kapaċità ta’ produzzjoni mxiet bl-istess tendenza tal-produzzjoni matul il-perjodu kkunsidrat. Iżda l-użu tal-kapaċità kien influwenzat b’mod pożittiv matul il-PIR minn xi titjib fil-proċess.
(57) Tabella 6 Il-kapaċità tal-produzzjoni u l-użu tal-kapaċità tal-Unjoni
B’riżultat tal-għeluq ta’ impjant fl-Unjoni fl-2009 (ara l-premessa (45) hawn fuq), id-data miġbura għall-PIR hija limitata għall-kapaċità tal-impjant li fadal. 2007 2008 2009 PIR Indiċi tal-kapaċità ta’ produzzjoni (2007 = 100) 100 101,5 91,0 80,6 L-użu tal-kapaċità Indiċi (2007 = 100) 100 93,4 72,8 86,9
Stokks
(58) Dan l-indikatur kien ibbażat fuq l-informazzjoni mibgħuta mill-applikanti, għar-raġunijiet kif spjegat fil-premessa (54) hawn fuq. L-investigazzjoni fil-bini tal-kumpanija żvelat konsum ta’ TCCA li jsegwi skema ripetuta skont l-istaġun, bil-prodott ikkonċernat li jintuża l-aktar fis-sajf. Dan għandu impatt fuq il-varjazzjoni fil-livell ta’ stokkijiet matul is-sena kollha: l-istokkijiet jilħqu l-ogħla punt tagħhom fiż-żmien tax-xitwa u jonqsu b’mod konsiderevoli fil-perjodu tas-sajf. Għas-snin 2007-2009 iċ-ċifri jirrappreżentaw il-livell tal-istokkijiet fil-31 ta’ Diċembru tas-sena partikolari. Iżda ċ-ċifra għall-PIR turi l-livell tal-istokkijiet fit-30 ta’ Ġunju 2010, iż-żmien tas-sena bl-ogħla użu ta’ stokkijiet. Għalhekk, dan l-indikatur ma jippermettix tqabbil xieraq bejn il-PIR u l-bqija tal-perjodu kkonċernat u minħabba f’hekk mhuwiex meqjus rilevanti biex issir stima tal-ħsara.
Volum ta’ bejgħ
(59) Tabella 7 Bejgħ
Il-kriżi ekonomika kellha influwenza negattiva fuq il-volum ta’ bejgħ tal-prodott ikkonċernat fis-suq tal-Unjoni. Iż-żieda matul il-PIR tista’ tiġi attribwita l-aktar għaż-żieda ta’ konsum tal-Unjoni minħabba rkupru mir-riċessjoni wara l-kriżi ekonomika. 2007 2008 2009 PIR Volum Indiċi (2007 = 100) 100 92 73 91
Is-sehem tas-suq
(60) Tabella 8 Sehem tas-suq tal-Unjoni
Matul il-perjodu kkunsidrat l-industrija tal-Unjoni ma setgħetx tirkupra s-sehem tas-suq tagħha, li naqas b’mod sinifikanti matul il-perjodu kkunsidrat. 2007 2008 2009 PIR Sehem tas-suq tal-Unjoni (Meded) 55 %-65 % 50 %-60 % 45 %-55 % 45 %-55 %
Impjiegi u pagi
(61) Tabella 9 Impjiegi
L-impjiegi fis-settur naqsu fl-UE matul il-perjodu kkunsidrat, b’mod partikolari wara l-għeluq ta’ waħda mill-faċilitajiet ta’ produzzjoni (ara l-premessa (45) hawn fuq). Minħabba f’hekk, l-ispejjeż ta’ pagi fil-livell tal-industrija tal-Unjoni naqsu wkoll. Il-medja tal-pagi għal kull impjegat baqgħet relattivament stabbli matul il-perjodu kkunsidrat. 2007 2008 2009 PIR Impjegati Indiċi (2007 = 100) 100 98,7 84,1 74,2 Pagi għal kull impjegat Indiċi (2007 = 100) 100 104,6 105,7 106,0
Il-produttività
(62) Tabella 10 Produttività
Il-produttività tal-forza tax-xogħol tal-industrija tal-Unjoni, imkejla bħala produzzjoni fis-sena għal kull persuna impjegata, żviluppat b’mod negattiv matul il-perjodu kkunsidrat, u wriet tnaqqis f’daqqa ta’ madwar 20 % fl-2009. Dan kien minħabba r-riorganizzazzjoni meħtieġa wara l-għeluq tal-faċilitajiet ta’ produzzjoni, bil-produzzjoni sospiża għal 6 xhur fl-2009 sakemm l-impjant ingħalaq f’Jannar 2010 (ara l-premessa (45) hawn fuq). Il-produttività mbagħad irkuprat matul il-PIR, għalkemm għall-ewwel sitt xhur kienet influwenzata parzjalment mit-tendenzi negattivi fl-2009. 2007 2008 2009 PIR Produttività Indiċi (2007 = 100) 100 96,5 79,2 95,3
Prezzijiet tal-bejgħ
(63) Tabella 11 Prezz tal-bejgħ fis-suq tal-Unjoni
Il-prezzijiet medji ta’ unità ta’ TCCA fl-UE (kif jidher fit-tabella hawn taħt) żdiedu ftit bejn l-2007 u l-2009, biex marru lura għal-livell tal-2007 matul il-PIR. Sa ċertu punt iż-żieda 2007-2009 hija marbuta mal-effett tat-taħlit tal-prodott (ara n-nota 1 ta’ qiegħ il-paġna fil-paġna 10). 2007 2008 2009 PIR Prezz medju ta’ unità — Indiċi (2007 = 100) 100 104,6 111,4 103,1
Kapaċità ta’ profitt
(64) Tabella 12 Kapaċità ta’ profitt
Il-kapaċità ta’ profitt mill-bejgħ tat-TCCA fl-UE żviluppat b’mod negattiv mill-2007 ‘l hawn, b’telf sinifikanti fl-2009. Din il-prestazzjoni baxxa wieħed irid jaraha f’rabta mal-għeluq f’dik is-sena ta’ wieħed mill-postijiet ta’ produzzjoni minn produttur tal-Unjoni. Fil-PIR, il-kapaċità ta’ profitt resqet naqra lejn il-pożittiv, għalkemm il-livell ta’ profitt kien ħafna iktar baxx mil-livell ta’ profit normali (jiġifieri 10 %) li normalment jinkiseb f’dan is-settur ta’ attivtà. Dan juri li l-industrija tal-Unjoni għada f’qagħda finanzjarja dgħajfa. 2007 2008 2009 PIR Kapaċità ta’ profitt (medda) – 10 % sa 0 % – 10 % sa 0 % – 20 % sa – 10 % 0 % sa 10 %
Investimenti u dħul fuq l-investimenti
(65) Tabella 13 Investimenti
Ma kienx hemm xi nfiq kapitali ewlieni matul il-perjodu kkunsidrat. Iċ-ċifri indiċizzati li jidhru fit-tabella juru l-investimenti li saru biex jitjiebu l-kapaċità ta’ profitt u l-proċess ta’ produzzjoni. L-indiċijiet għad-dħul fuq l-investimenti jimxu bl-istess tendenza bħall-kapaċità ta’ profitt. 2006 2007 2008 PIR Investimenti netti Indiċi (2007 = 100) 100 158 32 23 Dħul fuq l-investimenti (medda) – 10 % sa 0 % – 10 % sa 0 % – 20 % sa – 10 % 0 % sa 10 %
Likwidità
(66) Tabella 14 Likwidità
Il-likwidità baqgħet pożittiva matul il-perjodu kkunsidrat, għajr għall-2009, li matulha kellhom jiġu rkuprati spejjeż żejda ta’ ristrutturazzjoni minħabba l-għeluq ta’ wieħed mill-postijiet ta’ produzzjoni (ara l-premessa (45) hawn fuq). L-iżvilupp tal-likwidità kien id f’id mal-iżvilupp tal-kapaċità ta’ profitt. 2007 2008 2009 PIR Likwidità (medda) 0 % sa 10 % 0 % sa 10 % – 10 % sa 0 % 5 % sa 15 %
Id-daqs tal-marġni tad-dumping
(67) Id-dumping mir-RPĊ kompla matul il-PIR f’livell li huwa ‘l fuq sew mil-livell attwali ta’ miżuri. Barra minn hekk, minħabba l-kapaċità ta’ riżerva u l-prezzijiet tal-importazzjonijiet mir-RPĊ, l-impatt fuq l-industrija tal-Unjoni tal-marġnijiet attwali ta’ dumping ma jistax jitqies bħala negliġibbli.
Irkupru minn dumping fil-passat
(68) Miżuri antidumping ġew imposti f’Ottubru 2005. Meqjusal-qagħda ġenerali tal-industrija tal-Unjoni kif ukoll l-importazzjonijiet mir-RPĊ fil-perjodu mill-2007 sal-PIR, jista’ jiġi konkluż li l-industrija tal-Unjoni għadha ma rkupratx għal kollox minn dawn l-effetti minkejja l-miżuri ta’ antidumping fis-seħħ.
Konklużjoni dwar il-ħsara
(69) Bosta indikaturi tal-ħsara żviluppaw b’mod negattiv matul il-perjodu kkunsidrat. Meqjusal-qagħda tal-produtturi tal-Unjoni li b’mod ġenerali dejjem tmur għall-agħar, l-industrija tal-Unjoni titqies li ġarrbet ħsara materjali matul il-perjodu kkunsidrat.
Impatt tal-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping u fatturi oħra L-impatt tal-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping mir-RPĊ
(70) Kif stabbilit fil-premessa (49), l-importazzjonijiet tat-TCCA mir-RPĊ żdiedu b’mod sinifikanti bejn l-2007 u l-PIR, kemm f’termini ta’ volum kif ukoll ta’ sehem tas-suq. Instab ukoll twaqqigħ ta’ prezz sinifikanti (ara premessa (51)). L-influss massiva bla waqfien ta’ importazzjonijiet oġġett ta’ dumping mir-RPĊ seħħet f’kuntest ta’ konsum tal-Unjoni li dejjem jiżdied b’mod ġenerali fil-perjodu kkunsidrat, li fil-PIR laħaq livell ogħla b’6 % minn dak miksub fl-2007, minkejja tnaqqis bejn l-2007 u l-2009. Kif jidher mill-qagħda tal-industrija tal-Unjoni li dejjem qed tiħżien, kienu l-iktar l-importazzjonijiet mir-RPĊ li bbenefikaw miż-żieda fil-konsum.
L-impatt ta’ fatturi oħra
(71) Il-Kummissjoni analizzat jekk xi fatturi magħrufa għajr l-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping mir-RPĊ setgħax ikollhom effett fuq il-ħsara bla waqfien imġarrba mill-produtturi tal-Unjoni.
(72) Flimkien mal-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping mir-RPĊ, x’aktarx li l-prestazzjoni nieqsa tal-industrija tal-Unjoni fi swieq terzi, fejn ukoll kellha kompetizzjoni mir-RPĊ, u fis-suq tal-Istati Uniti b’mod partikolari, kellha impatt negattiv fuq il-produzzjoni tal-Unjoni. Iżda, ħafna mill-attività tal-produtturi tal-Unjoni hija diretta lejn is-suq tal-Unjoni, u dan jillimita sa ċertu punt l-impatt potenzjali tal-esportazzjonijiet imnaqqsa.
(73) Il-kriżi ekonomika wkoll kellha impatt negattiv fuq il-prestazzjoni tal-industrija tal-Unjoni, u dan wassal għal tnaqqis fil-produzzjoni u l-istrutturar ta’ wieħed mill-produtturi tal-Unjoni. Madankollu, l-impatt tal-kriżi ekonomika kien limitat fiż-żmien (parti mill-2008 u l-2009), filwaqt li l-qagħda ekonomika tal-industrija tal-Unjoni kompliet tmur għall-agħar matul il-perjodu kollu kkunsidrat. Barra minn hekk, l-iżviluppi fil-PIR wrew li l-industrija tal-Unjoni fil-fatt bdiet tirkupra parzjalment. Għalhekk jista’ jitqies li l-impatt tal-kriżi ekonomika kien sinifikanti f’dan il-każ, għalkemm ma kkawżax interruzzjoni bejn ir-rabta ta’ kawża u effett bejn l-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping mir-RPĊ u l-ħsara mġarrba mill-industrija tal-Unjoni.
Konklużjoni
(74) Id-dumping bla waqfien tal-importazzjonijiet mir-RPĊ flimkien mal-kriżi ekonomika biddlu l-proċess ta’ rkupru u aċċentwaw id-diffikultajiet tal-industrija tal-Unjoni. Għalkemm xi fatturi kkontribwixxew għat-tiħżin fil-prestazzjoni tal-industrija tal-Unjoni, ebda wieħed minnhom ma kien biżżejjed biex ikisser ir-rabta ta’ kawża u effett bejn l-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping mir-RPĊ u l-ħsara mġarrba mill-industrija tal-Unjoni. Bis-saħħa ta’ dawn ir-raġunijiet jista’ jiġi konkluż li l-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping mir-RPĊ kienu ta’ ħsara materjali għall-industrija tal-Unjoni.
IL-PROBABBILTÀ TAL-KONTINWAZZJONI TAL-ĦSARA Kummenti preliminari
(75) Skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku, l-importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat ġew ivvalutati sabiex tiġi stabbilita l-probabbiltà ta’ tkomplija tal-ħsara.
(76) Għal dak li għandu x’jaqsam mal-effett probabbli fuq l-industrija tal-Unjoni tal-iskadenza tal-miżuri li qegħdin fis-seħħ, il-fatturi li ġejjin tqiesu li kienu skont l-elementi deskritti fil-qosor tal-probabbiltà ta’ tkomplija ta’ dumping.
Volumi u prezzijiet tal-importazzjonijiet mir-RPĊ
(77) L-importazzjonijiet tat-TCCA mir-RPĊ, jirrappreżentaw madwar 98 % tal-importazzjonijiet kollha lejn l-UE, baqgħu jżidu s-sehem tas-suq tagħhom matul il-perjodu kkunsidrat, u laħqu iktar minn 50 % matul il-PIR. L-investigazzjoni wriet li dawn l-importazzjonijiet saru bi prezzijiet ta’ dumping b’marġini sostanzjali ta’ dumping. Barra minn hekk, il-prezzijiet tal-importazzjonijiet mir-RPĊ baqgħu taħt il-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni b’mod stabbli matul il-perjodu kollu, u waqqgħu l-prezzijiet tal-Unjoni b’aktar minn 10 % (mingħajr ma jitqiesu l-miżuri fis-seħħ).
Kapaċità ta’ riżerva fis-suq tar-RPĊ
(78) Kif diġà msemmi fil-premessi (34) u (35), l-analiżi tal-kapaċitajiet disponibbli fir-RPĊ wriet li l-użu tal-kapaċità ta’ produzzjoni baqa’ baxx matul il-perjodu kkunsidrat. Minn stima tal-kapaċità ta’ produzzjoni żejda nstab li din kienet ogħla minn dik tas-suq tal-Unjoni b’aktar minn tliet darbiet. Fl-istess waqt, skont tagħrif li wasal fit-talba ta’ reviżjoni, kien hemm biss suq limitat għall-prodott ikkonċernat fir-RPĊ.
Ġibda tas-suq tal-Unjoni
(79) Fid-dawl tat-tendenzi ta’ importazzjoni dejjem jikbru u l-kapaċitajiet ta’ riżerva disponibbli fir-RPĊ, l-UE x’aktarx li tattira aktar importazzjonijiet mir-RPĊ fil-ġejjieni. Il-fatt li s-suq tal-Unjoni huwa attraenti għall-esportaturi tar-RPĊ huwa ppruvat mill-iżviluppi fl-2009, meta l-produzzjoni mnaqqsa fl-UE, kienet riżultat tal-istrutturazzjoni mill-ġdid tas-settur, tpattiet parzjalment mill-importazzjonijiet żejda mir-RPĊ.
(80) Din is-sitwazzjoni tista’ tkompli tiggrava minħabba l-fatt li, fis-suq tal-Istati Uniti tal-Amerika, dan l-aħħar ġew estiżi l-miżuri attwali ta’ antidumping fuq t-TCCA mir-RPĊ. Għalhekk wieħed jistenna li l-iskadenza tal-miżura AD fl-UE twassal biex is-suq tal-Unjoni jkun komparattivament aktar attraenti.
Konklużjoni dwar il-probabbiltà tal-kontinwazzjoni tal-ħsara
(81) L-industrija tal-Unjoni kienet ilha ġġarrab l-effetti tal-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping għal diversi snin u għadha s’issa f’qagħda ekonomika prekarja.
(82) Kif stabbilit hawn fuq, l-investigazzjoni wriet li s-sitwazzjoni ta’ ħsara għall-industrija tal-Unjoni kompliet matul il-perjodu kollu kkunsidrat. Skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku, it-tkomplija tal-ħsara hija fiha nnifisha indikatur qawwi li l-ħsara x’aktarx se tkompli fil-ġejjieni u dan jindika li l-miżuri għandhom jinżammu.
(83) Minħabba l-kapaċità ta’ riżerva disponibbli fir-RPĊ u l-ġibda tas-suq tal-Unjoni, jekk il-miżuri jitneħħew x’aktarx li tkompli t-tendenza dejjem tikber li permezz tagħha l-importazzjonijiet mir-RPĊ bi prezzijiet oġġett ta’ dumping iwaqqgħu b’mod sinifikanti l-prezzijiet tal-produtturi tal-Unjoni.
(84) Jekk il-miżuri fis-seħħ ma jiġux estiżi, il-qagħda tal-industrija tal-Unjoni tmur għall-agħar u tiġi mhedda l-eżistenza nfisha tagħha. Għalhekk, jista’ jiġi konkluż li hemm probabbiltà ċara ta’ tkomplija ta’ ħsara għall-industrija tal-Unjoni, ġaladarba jitneħħew il-miżuri eżistenti.
L-INTERESS TAL-UNJONI Introduzzjoni
(85) Skont l-Artikolu 21 tar-Regolament bażiku, kien meħtieġ li jiġi analizzat jekk iż-żamma tal-miżuri antidumping attwali imorrux kontra l-interess tal-Unjoni fl-intier tagħha. Id-determinazzjoni tal-interess tal-Unjoni kienet ibbażata fuq l-apprezzament tal-bosta interessi involuti, jiġifieri dawk tal-produtturi, tal-importaturi u tal-utenti tal-Unjoni.
(86) F’investigazzjonijiet preċedenti tqies li l-adozzjoni ta’ miżuri ma kinitx kontra l-interess tal-Unjoni. Barra minn hekk, il-fatt li l-investigazzjoni preżenti hija reviżjoni, li b’hekk tanalizza sitwazzjoni li fiha l-miżuri antidumping diġà huma fis-seħħ, jippermetti l-valutazzjoni ta’ kwalunkwe impatt negattiv mhux dovut fuq il-partijiet milquta mill-miżuri antidumping attwali.
(87) Fuq din il-bażi ġie eżaminat, jekk, minkejja l-konklużjonijiet dwar il-probabbiltà ta’ tkomplija ta’ dumping u ta’ ħsara, jista’ jiġi konkluż b’mod ċar li mhuwiex fl-interess tal-Unjoni li jinżammu l-miżuri f’dan il-każ partikolari.
L-interess tal-industrija tal-Unjoni
(88) Fid-dawl tal-konklużjonijiet dwar is-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni stabbiliti fil-premessa (66) hawn fuq, u bi qbil mal-argumenti li jirfdu l-probabbiltà tat-tkomplija ta’ ħsara kif spjegat fil-premessi (78) sa (81), jista’ jitqies li l-iskadenza tal-miżuri fis-seħħ twassal għal aktar ħsara fis-sitwazzjoni ekonomika tal-industrija tat-TCCA tal-Unjoni, li sofriet mill-effett ta’ ħsara tal-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping mir-RPĊ u li marret għall-agħar minħabba l-kriżi ekonomika mondjali.
(89) Qiegħed jitqies li t-tkomplija tal-miżuri tkun ta’ benefiċċju għall-industrija tal-Unjoni, li f’dan il-każ tkun tista’ tirkupra mill-effett ta’ ħsara ta’ dumping aggravat mill-kriżi ekonomika. Kuntrarjament, il-waqfien tal-miżuri jġib fi tmiem l-irkupru tal-industrija tal-Unjoni u b’hekk jhedded serjament il-vijabilità tagħha, u, minħabba f’hekk, ipoġġi l-eżistenza tagħha fil-periklu, biex b’hekk tonqos il-provvista u l-kompetizzjoni fis-suq.
L-interessi tal-importaturi u l-utenti
(90) L-utenti, l-importaturi u l-proċessuri u l-atturi kollha magħrufa li huma eqreb l-istadji finali tal-produzzjoni tal-industrija tat-TCCA ġew ikkuntattjati.
(91) Żewġ utenti biss ippreżentaw irwieħhom u t-tnejn li huma esprimew l-appoġġ tagħhom għat-tkomplija tal-miżuri fis-seħħ. It-tnejn sostnew li t-tkomplija tal-miżuri ma tħallix impatt negattiv fuq il-kompetizzjoni fis-suq tal-Unjoni, iżda li, għall-kuntrarju, tipprovdi lill-industrija utenti b’firxa usa’ ta’ fornituri li jikkompetu fi prezzijiet tas-suq. Billi ebda parti oħra ma ppreżentat ruħha f’dan il-każ, ma hemmx xhieda li turi li ż-żamma tal-miżuri antidumping fil-każ attwali jista’ jkollha effett serju fuq l-importaturi u l-utenti fl-Unjoni.
Il-konklużjoni dwar l-interess tal-Unjoni
(92) It-tkomplija tal-miżuri tista’ tkun mistennija li tgħin lill-industrija tal-Unjoni, b’effetti ta’ benefiċċji konsegwenti fuq il-kondizzjonijiet kompetittivi fis-suq tal-Unjoni u t-tisħiħ tas-settur wara l-kriżi ekonomika u l-istrutturar mill-ġdid. Barra minn hekk, it-tkomplija tal-miżuri tista’ tkun mistennija li tibbenefika lill-utenti u l-importaturi billi żżomm firxa wiesgħa ta’ fornituri fis-suq tal-Unjoni.
(93) B’kunsiderazzjoni għal fatturi kollha ta’ hawn fuq, il-konklużjoni hija li ma hemm ebda raġuni kontra l-kontinwazzjoni tal-miżuri msemmija.
MIŻURI ANTIDUMPING
(94) Il-partijiet kollha ġew mgħarrfa dwar il-fatti essenzjali u l-kunsiderazzjonijiet li abbażi tagħhom kien maħsub li jiġi rakkomandat li jinżammu l-miżuri eżistenti. Dawn ingħataw ukoll perjodu ta’ żmien biex jibagħtu l-kummenti tagħhom wara dan l-iżvelar. Is-sottomissjonijiet u l-kummenti kienu debitament ikkunsidrati, fejn kien hemm bżonn.
(95) Minn dak li ntqal fuq jirriżulta, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku, li l-miżuri antidumping applikabbli għall-importazzjonijiet tat-TCCA għandhom jinżammu,
ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
1. Dazju definittiv antidumping huwa b’dan impost fuq l-importazzjonijiet tal-aċidu triklorojsoċjanuriku u preparazzjonijiet magħmula minnu, magħruf ukoll bħala simklosene skont l-isem internazzjonali mhux tad-ditta (INN), li bħalissa jaqa’ taħt il-kodiċjiet CN ex29336980 u ex38089420 (Kodiċijiet TARIC 2933698070 u 3808942020), u li joriġina mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina.
2. Ir-rata tad-dazju antidumping definittiv applikabbli għall-prezz nett, ħieles fil-fruntiera tal-Unjoni, qabel id-dazju, għall-prodotti mmanifatturati mill-kumpaniji mniżżla hawn taħt għandha tkun kif ġej: Kumpanija Rata tad-dazju antidumping Kodiċi addizzjonali TARIC Hebei Jiheng Chemical Co. Limited 8,1 % A604 Puyang Cleanway Chemicals Limited 7,3 % A628 Heze Huayi Chemical Co. Limited 3,2 % A629 Zhucheng Taisheng Chemical Co. Limited 40,5 % A627 Il-kumpaniji l-oħra kollha 42,6 % A999
3. L-applikazzjoni tar-rati individwali tad-dazju speċifikati gћall-kumpaniji msemmija fil-paragrafu 2 gћandha sseћћ bil-kundizzjoni li tiġi ppreżentata fattura kummerċjali valida lill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri, li trid tkun konformi mar-rekwiżiti stipulati fl-Anness. Jekk ma tiġix ippreżentata fattura ta’ dan it-tip, gћandha tapplika r-rata tad-dazju applikabbli gћall-kumpaniji l-oћra kollha.
4. Sakemm ma jiġix speċifikat mod ieħor, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet fis-seħħ li jikkonċernaw id-dazji doganali.
Artikolu 2 Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha. Magħmul fi Brussell, id-19 ta’ Diċembru 2011. Għall-Kunsill Il-President M. Korolec
ANNEX
ANNESS
Dikjarazzjoni ffirmata minn uffiċjal tal-entità li toħroġ il-fattura kummerċjali għandha tidher fuq il-fattura kummerċjali valida msemmija fl-Artikolu 1(3) skont il-format li ġej:
1. L-isem u l-funzjoni tal-uffiċjal tal-entità li tkun qiegħda toħroġ il-fattura kummerċjali.
2. Id-dikjarazzjoni li ġejja: Jiena, li l-firma tiegħi tidher taħt, niċċertifika li l-(volum) ta’ aċidu triklorojsoċjanuriku mibjugħ għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni Ewropea kopert minn din il-fattura, ġie mmanifatturat minn (isem u indirizz tal-kumpanija) (kodiċi TARIC addizzjonali) fi (pajjiż ikkonċernat). Niddikjara li t-tagħrif mogħti f’din il-fattura huwa sħiħ u korrett. Data u firma.