Gelex

Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta’ Jannar 2011 dwar deroga mir-regoli ta’ oriġini kif imfissra fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/822/KE fir-rigward taz-zokkor mill-Antilli tal-Pajjiżi l-Baxxi (notifikata bid-dokument numru C(2011) 140) (2011/47/UE)

In forceVersion 2011-01-20from 2011-01-01
Grade B

mapped from publisher markup. A grade says how a document's structure was obtained, not how reliable the law is.

Ask Gelex about this law

Address https://gelex.eu/eli/EU/act/2011/47@2011-01-20/mt

Contents
  1. Preamble
  2. ANNEX

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/822/KE tas-27 ta’ Novembru 2001 dwar l-assoċjazzjoni tal-pajjiżi u t-territorji barranin mal-Komunità Ewropea (Deċiżjoni tal-Assoċjazzjoni Barranija), u b’mod partikolari l-Artikolu 37 tal-Anness III tagħha,

Billi:

(1) L-Anness III tad-Deċiżjoni 2001/822/KE jikkonċerna d-definizzjoni tal-kunċett ta’ prodotti oriġinanti u metodi ta’ koperazzjoni amministrattiva L-Artikolu 37 tiegħu jistipula li derogi minn dawk ir-regoli ta’ oriġini jistgħu jiġu adottati fejn ikun ġustifikat bl-iżvilupp ta’ industriji eżistenti jew il-ħolqien ta’ industriji ġodda f’pajjiż jew territorju.

(2) Bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/699/KE, it-talba sottomessa fl-2009 għall-estensjoni tad-deroga ta’ qabel ma ġietx aċċettata filwaqt li d-deroga l-ġdida mitluba ġiet konċessa għall-kwantitajiet ta’ liema l-liċenzji ta’ importazzjoni taz-zokkor ġew allokati lill-Antilli tal-Pajjiżi l-Baxxi għall-2009 u l-2010.

(3) Skont ir-rapporti ta’ kull tliet xhur tal-kwantitajiet użati skont id-Deċiżjoni 2009/699/KE mibgħuta mill-Antilli tal-Pajjiżi l-Baxxi lill-Kummissjoni, il-konsum tad-deroga konċessa fir-rigward ta’ 7000 tunnellata għall-2010 bħalissa qiegħda madwar 2500 tunnellata f’dik is-sena.

(4) Fl-24 ta’ Awwissu 2010, il-Pajjiżi l-Baxxi talbu f’isem l-Antilli tal-Pajjiżi l-Baxxi deroga ġdida mir-regoli ta’ oriġini stipulati fl-Anness III tad-Deċiżjoni 2001/822/KE għall-perjodu bejn l-1 ta’ Jannar 2011 sal-31 ta’ Diċembru 2013, data tal-iskadenza tad-Deċiżjoni 2001/822/KE. Fit-8 ta’ Settembru 2010 u fil-11 ta’ Ottubru 2010 aktar informazzjoni ġiet provduta mill-Antilli tal-Pajjiżi l-Baxxi. It-talba tkopri kwantità annwali totali ta’ 7000 tunnellata prodotti taz-zokkor li toriġina f’pajjiżi terzi u pproċessata fl-Antilli tal-Pajjiżi l-Baxxi biex tkun esportata lill-Unjoni.

(5) It-talba għal deroga ġdida għandha l-għan li tippermetti l-użu ta’ zokkor mhux ipproċessat minn pajjiżi terzi biex jiġi aromatizzat, ikkulurit, mitħun u pproċessat f’ċangaturi taz-zokkor fl-Antilli tal-Pajjiżi l-Baxxi filwaqt li jingħata l-oriġini OCT (Pajjiżi u Territorji extra-Ewropej). Barra dan, l-Antilli tal-Pajjiżi l-Baxxi talbu li għas-snin 2011, 2012 u 2013 l-ammont annwali għal liema l-kumulazzjoni AKP/UE-OCT tista’ temporanjament titħalla, permezz tal-Artikolu 6 tal-Anness III għad-Deċiżjoni 2001/822/KE, tkun 7000 tunnellata.

(6) It-talba għal deroga ġdida hija bbażata fuq rekwiżiti ta’ kwalità li jiddikjaraw li z-zokkor mill-AKP fir-reġjun tal-Karibew ma jissodisfax il-kriterji għal produzzjoni ta’ zokkor ta’ kwalità għolja destinat lejn il-konsumaturi fl-Unjoni, u fuq id-disponibbiltà jiddikjaraw li z-zokkor tal-AKP mill-Karibew huwa suġġett għal nuqqasijiet kontinwi minħabba l-kundizzjonijiet tal-klima. Barra dan, l-Istati tal-AKP qegħdin dejjem aktar jesportaw il-produzzjoni tagħhom taz-zokkor direttament lejn l-Istati Uniti u lejn l-Unjoni. Barra dan, l-Unjoni ma tipproduċix zokkor mhux maħdum tal-kannamieli li jiġi użat għall-prodott finali. Għaldaqstant ikun ġustifikat li l-Antilli tal-Pajjiżi l-Baxxi jiksbu z-zokkor mhux ipproċessat f’pajjjiżi terzi ġirien li mhumiex parti mill-Istati tal-AKP, l-OCT jew tal-Unjoni.

(7) Fl-informazzjoni addizzjonali tagħhom, il-Pajjiżi l-Baxxi indikaw li l-industrija taz-zokkor fl-Antilli tal-Pajjiżi l-Baxxi, li għandhom jibbenefikaw mid-deroga mitluba, għandha l-għan li tiddiversifika fil-produzzjoni ta’ taħlit u zokkor bio, li t-tnejn jindirizzaw distintivament swieq differenti minn tal-prodotti taz-zokkor għal liema id-deroga mitluba ġiet sottomessa. Għall-mument id-diversifikazzjoni għadha insuffiċenti, id-deroga jkollha bżonn tikseb il-kapital neċessarju għall-investimenti meħtieġa għal diversifikazzjoni ulterjuri.

(8) Id-deroga l-ġdida mitluba mir-regoli ta’ oriġini stipulati fl-Anness III lid-Deċiżjoni 2001/822/KE għal kwantità ta’ 7000 tunnellata għal prodotti li jaqgħu fil-kodiċi NM 17011190, 17019910 u 17019100 hija ġġustifikata skont l-Artikolu 37(1), (3) u (7) ta’ dak l-Anness skont ċerti kundizzjonijiet, bil-għan li jibbilanċjaw l-interessi leġittimi tal-operaturi tal-OCT mal-objettivi tad-dimensjoni esterna tal-organizzazzjoni tas-suq komuni tal-Unjoni dwar iz-zokkor.

(9) Hija favur l-interessi leġittimi tal-Antilli tal-Pajjiżi l-Baxxi li din id-deroga tikkonċerna prodotti li jinvolvu attwalment l-ipproċessar u l-valur miżjud liz-zokkor mhux ipproċessat hija minn tal-inqas 45 % tal-valur tal-prodott finali. Barra dan, il-konċessjoni tad-deroga ser tikkontribwixxi għall-abilità tal-industrija attwali li tkompli l-esportazzjoni tagħha lejn l-Unjoni. Id-deroga mitluba hi mistennija tiġġenera d-dħul meħtieġ biex tiffinanzja investimenti ulterjuri fid-diversifikazzjoni ta’ prodotti u attivitajiet, sabiex l-industrija kkonċernata ma jinħtiġiliex iktar li titlob derogi ta’ dan it-tip.

(10) Barra minn hekk, ir-regoli fir-rigward tal-kumulazzjoni tal-oriġini ma jipprovdux soluzzjoni għall-industrija taz-zokkor fl-Antilli tal-Pajjiżi l-Baxxi. L-Artikolu 6 (4) tal-Anness III tad-Deċiżjoni 2001/822/KE jistipula l-perjodi u l-limiti kwantitattivi li għalihom il-kumulazzjoni tal-oriġini tħalliet temporanjament, u li huma kompatibbli mal-għanijiet tal-organizzazzjoni tas-suq komuni tal-Unjoni filwaqt li jittieħed kont dovut tal-interessi leġittimi tal-operaturi tal-OCT. Dawn il-kwantitajiet tnaqqsu progressivament u fl-aħħar se jitneħħew f’fażijiet sa żero tunnellati fl-1 ta’ Jannar 2011.

(11) It-tneħħijja f’fażijiet tal-kumulazzjoni AKP/KE-OCT fir-rigward taz-zokkor, skont l-Artikolu 6 (4) tal-Anness III lid-Deċiżjoni 2001/822/KE, turi l-intenzjoni tal-Unjoni li regoli ta’ oriġini speċifiċi għandhom ikunu iktar restrittivi fir-rigward taz-zokkor sabiex tieħu kont dovut tal-operaturi tal-Unjoni fis-suq taz-zokkor. Dak il-prinċipju għandu jiġi applikat għall-għan li jiddetermina l-kwantitajiet għal liema derogazzjoni ġiet konċessa. It-tneħħijja f’fażijiet hija ġġustifikata wkoll fir-rigward tan-negozjar previst tal-Unjoni ta’ ftehim għall-kummerċ ħieles ma’ pajjiżi tal-Amerika Latina, li mingħandhom iz-zokkor jista’ ġeneralment jinkiseb mill-Antilli tal-Pajjiżi l-Baxxi. Meta wieħed jikkunsidra l-intenzjoni tal-industrija tal-Antilli tal-Pajjiżi l-Baxxi li tiddiversifika lil hinn mill-produzzjoni taz-zokkor u li teħtieġ deroga bħal dik preżenti, l-ammont ta’ derogi għandu jitneħħa f’fażijiet matul iż-żmien.

(12) Mogħtija l-użu baxx tal-kwantitajiet, ipprovdut fid-derogi passati, huwa xieraq li nipprovdu għad-doppju tal-ammont tal-użu kurrenti bħala kwantità inizjali, li tirrispetta l-abilità tal-industrija eżistenti li tkompli l-esportazzjoni tagħha lejn l-Unjoni. Skont it-tneħħija f’fażijiet prevista, l-ammonti għandhom jitnaqqsu progressivament matul il-perjodu mitlub. Tali tneħħija f’fażijiet għandha tippermetti, fl-istess ħin, il-ġenerazzjoni tad-dħul meħtieġ għall-iffinanzjar ta’ investimenti ulterjuri fl-Antilli tal-Pajjiżi l-Baxxi u biex tagħti inċentiv lill-industrija taz-zokkor ikkonċernata hemmhekk id-diversifikazzjoni intiża.

(13) Konsegwentement, soġġetta għal konformità ma’ ċerti kundizzjonijiet relatati ma’ kwantitajiet, sorveljanza u tul ta’ żmien, id-deroga għandha tiġi konċessa għal 5000 tunnellata għall-2011, 3000 tunnellata għall-2012 u 1500 tunnellata għall-2013.

(14) Suġġetta għal dawn il-kundizzjonijiet id-deroga mhix tali li tikkawża ħsara serja lil xi settur ekonomiku jew lil xi industrija stabbilita fl-Unjoni.

(15) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 tat-2 ta’ Lulju 1993 li jistipula dispożizzjonijiet għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali Komuni jistipula r-regoli għat-tmexxija tal-kwoti tariffarji. Dawk ir-Regoli għandhom ikunu applikati mutatis mutandis għall-ġestjoni tal-kwantità li għaliha qed tiġi konċessa d-deroga kkonċernata.

(16) Peress li d-deroga kurrenti tiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2010, u deroga ġdida hi mitluba għal perjodu li jibda fl-1 ta’ Jannar 2011 sal-31 ta’ Diċembru 2013, id-deroga mitluba għandha tapplika mill-1 ta’ Jannar 2011 għal dak il-perjodu.

(17) Il-miżuri provduti f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1 B’deroga mill-Anness III tad-Deċiżjoni 2001/822/KE, prodotti taz-zokkor ipproċessati fl-Antilli tal-Pajjiżi l-Baxxi li jaqgħu taħt il-kodiċi tan-NM 17011190, 17019910 u 17019100 għandhom jitqiesu bħala li joriġinaw fl-Antilli tal-Pajjiżi l-Baxxi fejn jinkisbu minn zokkor mhux ta’ oriġini, skont il-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikoli 2, 3 u 4 ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2 Id-deroga provduta fl-Artikolu 1 għandha tapplika għall-prodotti u l-kwantitajiet stabbiliti fl-Anness li huma dikjarati għal ċirkolazzjoni ħielsa lejn l-Unjoni mill-Antilli tal-Pajjiżi l-Baxxi matul il-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2011 sal-31 ta’ Diċembru 2013.

Artikolu 3 L-Artikoli 308a, 308b u 308c tar-Regolament (KEE) Nru 2454/93 relatati mal-ġestjoni tal-kwoti tat-tariffi għandhom japplikaw mutatis mutandis għall-ġestjoni tal-kwantità msemmija fl-Anness msemmi.

Artikolu 4 L-awtoritajiet doganali tal-Antilli tal-Pajjiżi l-Baxxi għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jagħmlu kontrolli kwantitattivi fuq esportazzjonijiet tal-prodotti msemmija fl-Artikolu 2. Iċ-ċertifikati kollha ta’ ċirkulazzjoni EUR1 li joħorġu fir-rigward ta’ dawk il-prodotti għandhom jinkludu referenza għal din id-Deċiżjoni. L-awtoritajiet kompetenti tal-Antilli tal-Pajjiżi l-Baxxi għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni rapport ta’ kull tliet xhur tal-kwantitajiet li għalihom ikunu nħarġu ċertifikati ta’ ċirkulazzjoni tal-EUR1 skont din id-Deċiżjoni u n-numri serjali ta’ dawk iċ-ċertifikati.

Artikolu 5 Il-Kaxxa 7 taċ-ċertifikati ta’ ċirkulazzjoni tal-EUR 1 maħruġa skont din id-Deċiżjoni għandu jkollha waħda mill-annotazzjonijiet li ġejjin:

Derogation – Decision 2011/47/EU

Dérogation – Décision 2011/47/UE

Artikolu 6 Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-1 ta’ Jannar 2011 sal-31 ta’ Diċembru 2013.

Artikolu 7 Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, l-20 ta’ Jannar 2011. Għall-Kummissjoni Algirdas Šemeta Membru tal-Kummissjoni

ANNEX

ANNESS

Nru tal-Ordni Kodiċi NM Deskizzjoni tal-prodotti Perjodu Kwantitajiet (f’tunnellati) 09.7910 17011190 17019910 17019100 Prodotti taz-zokkor 1.1.2011 sa 31.12.2011 5000 1.1.2012 sa 31.12.2012 3000 1.1.2013 sa 31.12.2013 1500

Versions

  1. 2011-01-20