Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta’ Awwissu 2011 li tawtorizza lil Spanja tissospendi temporanjament l-applikazzjoni tal-Artikoli minn 1 sa 6 tar-Regolament (UE) Nru 492/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema fi ħdan l-Unjoni fir-rigward tal-ħaddiema mir-Rumanija (2011/503/UE)
Grade B
mapped from publisher markup. A grade says how a document's structure was obtained, not how reliable the law is.
Address https://gelex.eu/eli/EU/act/2011/503@2011-08-11/mt
Contents
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat l-Att tal-Adeżjoni tal-Bulgarija u r-Rumanija, u b'mod partikolari l-Artikolu 23 u t-tieni subparagrafu tal-paragrafu 7 tal-Anness VII, il-Parti 1 Moviment Liberu ta' Persuni, tiegħu,
Wara li kkunsidrat it-talba minn Spanja tat-28 ta’ Lulju 2011,
Billi:
(1) Spanja kienet qed tapplika bis-sħiħ l-Artikoli minn 1 sa 6 tar-Regolament (KEE) Nru 1612/68 tal-Kunsill tal-15 ta' Ottubru 1968 dwar il-libertà tal-moviment għall-ħaddiema fi ħdan il-Komunità għaċ-ċittadini tar-Rumanija mill-1 ta' Jannar 2009. Ir-Regolament (KEE) Nru 1612/68 kien kodifikat u sostitwit bir-Regolament (UE) Nru 492/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ April 2011 dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema fi ħdan l-Unjoni, li daħal fis-seħħ fis-16 ta' Ġunju 2011.
(2) B'referenza għal taqlib serju fis-suq tax-xogħol Spanjol, fit-22 ta' Lulju 2011 Spanja nnotifikat lill-Kummissjoni, skont it-tielet subparagrafu tal-paragrafu 7 tal-Anness VII l-Parti 1 tal-Att tal-Adeżjoni tal-2005, li ddeċidiet f'dik il-ġurnata li terġa' ddaħħal restrizzjonijiet fuq l-aċċess fis-suq tax-xogħol għall-ħaddiema mir-Rumanija, l-aktar minħabba l-ħtieġa li tittieħed azzjoni immedjata għas-sitwazzjoni staġonali fis-settur tal-agrikoltura fis-sajf; inkella l-periklu ta' żieda fin-numru ta' ħaddiema li jaslu mir-Rumanija waqt l-istennija għal Deċiżjoni tal-Kummissjoni, skont it-tieni subparagrafu tal-paragrafu 7 ta' dak l-Anness VII, jista' jipperikola l-effettività tar-restrizzjonijiet li reġgħu ddaħħlu. Fl-istess ħin, il-Gvern Spanjol ippreżenta notifika motivata ex-post b'informazzjoni ta' appoġġ dwar it-taqlib fis-suq tax-xogħol.
(3) B'ittra tat-28 ta' Lulju 2011, skont it-tieni subparagrafu tal-paragrafu 7 tal-Anness VII tal-Att tal-Adeżjoni tal-2005, Spanja segwiet in-notifika tat-22 ta' Lulju 2011, li titlob lill-Kummissjoni tiddikjara li l-Artikoli minn 1 sa 6 tar-Regolament (UE) Nru 492/2011 jiġu sospiżi bis-sħiħ fir-rigward tal-ħaddiema mir-Rumanija fi Spanja kollha u fis-setturi kollha tas-suq tax-xogħol u li d-Deċiżjoni li għandha tittieħed għandha tiġi riveduta sal-31 ta' Diċembru 2012.
(4) Spanja tiġġustifika t-talba tagħha b'referenza għat-taqlib serju attwali fis-suq tax-xogħol fi Spanja, b'mod partikolari t-tnaqqis bla preċedent fil-livell ta' impjiegi wara r-riċessjoni ekonomika li bdiet fl-2008 li rriżultat f'żieda qawwija fil-livell ta' qgħad bir-rata tal-qgħad aktar minn 20 % bħalissa u fid-diffikultà li jerġa' jinħoloq numru sostanzjali ta' impjiegi fi żmien qasir.
(5) Spanja tistqarr li t-taqlib fis-suq tax-xogħol Spanjol, li jipperikola l-livell tal-impjiegi, huwa ta' natura ġenerali u mhuwiex limitat għal reġjun jew settur partikolari.
(6) Spanja tiġġustifika wkoll it-talba tagħha bl-elementi li ġejjin: it-tnaqqis fir-rata tal-impjegar ta' ċittadini tar-Rumanija fi Spanja; iż-żieda kontinwa tal-qgħad u ż-żieda qawwija fin-numru ta' ċittadini tar-Rumanija li joqogħdu fi Spanja li seħħet minkejja l-evoluzzjoni negattiva tas-suq tax-xogħol fi Spanja u li kellha impatt fuq il-kapaċità ta' Spanja li tassorbi flussi ġodda ta' ħaddiema fil-pajjiż.
(7) Il-paragrafu 7 tal-Anness VII l-Parti 1 tal-Att tal-Adeżjoni tal-2005 jikkostitwixxi klawżola ta' salvagwardja, u l-iskop tagħha huwa li tippermetti lil Stat Membru li diġà jkun qed japplika bis-sħiħ l-Artikoli minn 1 sa 6 tar-Regolament (UE) Nru 492/2011 lill-ħaddiema, li jiġu affettwati mill-arranġamenti tranżitorji ta' dak l-Anness, u li jkollu jew jipprevedi taqlib serju fis-suq tax-xogħol, li jerġa' jimponi restrizzjonijiet fuq il-moviment ħieles tal-ħaddiema sabiex it-taqlib is-sitwazzjoni tat-taqlib fis-suq tax-xogħol terġa' tiġi għan-normal f'reġjun jew okkupazzjoni speċifika.
(8) Il-paragrafu 7 tal-Anness VII l-Parti 1 tal-Att tal-Adeżjoni tal-2005 jipprevedi żewġ proċeduri konnessi: il-proċedura normali skont it-tieni subparagrafu tal-paragrafu 7 u l-proċedura urġenti skont it-tielet subparagrafu tal-paragrafu 7. Filwaqt li l-proċedura fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 7 tirrikjedi li Stat Membru jitlob lill-Kummissjoni tiddikjara fi żmien ġimagħtejn is-sospensjoni sħiħa jew parzjali tal-Liġi tal-Unjoni dwar l-aċċess liberu għas-suq tax-xogħol f'reġjun jew okkupazzjoni speċifika, il-proċedura fit-tielet subparagrafu tal-paragrafu 7 jipprevedi li, f'każijiet urġenti u eċċezzjonali fejn l-Istat Membru ma jkunx jista' jistenna li tittieħed Deċiżjoni mill-Kummissjoni skont it-tieni subparagrafu tal-paragrafu 7, dan ikun jista' jissospendi unilateralment il-Liġi tal-UE dwar il-moviment ħieles tal-ħaddiema.
(9) L-analiżi tad-dejta ekonomika disponibbli turi li Spanja qiegħda tassew tiffaċċa taqlib serju fis-suq tax-xogħol, li huwa karatterizzat mir-rata l-aktar għolja ta' qgħad fl-UE (id-dejta ta' kull xahar dwar il-qgħad tal-Eurostat turi 21,0 %, meta mqabbla ma' medja ta' 9,4 % fl-UE u 9,9 % fiż-żona tal-Euro f'Ġunju 2011), qgħad partikolarment drammatiku fost iż-żgħażagħ (45,7 % f'Ġunju 2011) u rkupru ekonomiku bil-mod (iċ-ċifri tal-Eurostat juru li t-tkabbir fil-PDG fl-ewwel tliet xhur tal-2011 meta mqabbel mat-tliet xhur preċedenti kien 0,3 % biss, meta mqabbla ma' 0,8 % għall-UE u għaż-żona tal-Euro). Barra minn hekk, dan l-irkupru huwa mfixkel mit-turbulenza finanzjarja internazzjonali attwali li ġġiegħel lil Spanja twettaq tnaqqis fil-baġit bl-għan li jkun hemm konsolidazzjoni baġitarja, u dan jista' jkollu effetti negattivi ulterjuri fi żmien qasir fuq l-iskop tagħha għal tkabbir ekonomiku. L-impatt tat-tnaqqis fl-impjiegi kien wieħed ġenerali li jaffettwa r-reġjuni u s-setturi kollha tal-produzzjoni. Id-dejta tal-istħarriġ dwar il-forza tax-xogħol għall-perjodu bejn l-2008 u l-2010 turi wkoll tnaqqis ġenerali fil-livell tal-impjiegi ta' 9 %, u fis-settur tal-bini ta' 33 %, li jaffettwa r-reġjuni kollha. Dan ivarja minn 6 % fil-pajjiż Bask sa 13 % fil-Komunità Awtonoma Valenzjana.
(10) Għalhekk il-Kummissjon tqis li Spanja pprovdiet evidenza li qed tgħaddi minn taqlib fis-suq tax-xogħol b'mod ġenerali li jaffettwa b'mod serju l-livell tal-impjiegi fir-reġjuni u s-setturi kollha u li x'aktarx jippersisti fil-futur qrib.
(11) Barra minn hekk, l-analiżi tal-Kummissjoni stipulat li: Iċ-ċittadini tar-Rumanija li joqogħdu fi Spanja huma affettwati ħafna mill-qgħad b'rata ta' aktar minn 30 % (sors: Id-dejta tal-istħarriġ dwar il-Forza tax-Xogħol tal-Eurostat, l-ewwel tliet xhur tal-2011). Il-flussi fi Spanja ta' ċittadini Rumeni, minkejja ċertu tnaqqis minħabba r-riċessjoni ekonomika, jibqgħu f'livelli sostanzjali, għalkemm hemm talba għax-xogħol baxxa fi Spanja. In-numru ta' ċittadini Rumeni li normalment joqogħdu fi Spanja żdied minn 388000 fl-1 ta' Jannar 2006 sa 823000 fl-1 ta' Jannar 2010 (sors: l-istatistika dwar l-immigrazzjoni tal-Eurostat).
(12) X'aktarx li fluss kontinwu fil-pajjiż mingħajr restrizzjonijiet ta' ħaddiema Rumeni jkun fattur fiż-żieda tal-pressjoni fis-suq tax-xogħol Spanjol.
(13) Għalhekk, sabiex is-sitwazzjoni tas-suq tax-xogħol Spanjol terġa' tiġi għan-normal, huwa xieraq li Spanja tiġi awtorizzata li tillimita temporanjament l-aċċess ħieles taċ-ċittadini Rumeni f'dak is-suq tax-xogħol.
(14) Ir-restrizzjonijiet dwar l-aċċess għas-suq tax-xogħol jikkostitwixxu deroga minn prinċipju fundamentali tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li huwa l-moviment ħieles tal-ħaddiema. Skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, tali miżuri għandhom jiġu interpretati u applikati b'mod restrittiv.
(15) Għalhekk, għalkemm bil-ħsieb tas-sitwazzjoni speċifika attwali fis-suq tax-xogħol Spanjol u meta jitqiesu l-ispostament u l-effetti potenzjali sekondarji oħra bejn ir-reġjuni u s-setturi kkawżati minn restrizzjoni selettiva, huwa issa xieraq li japplikaw restrizzjonijiet għall-attivitajiet ta' impjieg fit-territorju kollu ta' Spanja u għas-setturi kollha. Il-kamp ta' applikazzjoni tad-deroga jista' jitnaqqas, jekk il-Kummissjoni tiżgura li d-dettalji rilevanti li rriżultaw fl-approvazzjoni tagħha nbiddlu jew li l-effetti tagħha jkunu aktar restrittivi milli jirrikjedi l-iskop tagħha, b'mod partikolari għall-attivitajiet ta' impjieg li jirrikjedu lawrja mill-università u kwalifiki ekwivalenti.
(16) B'mod ugwali, għalkemm sabiex ir-restrizzjonijiet awtorizzati b'din id-Deċiżjoni jkollhom l-effett previst fuq is-suq tax-xogħol Spanjol, issa jitqies xieraq li dawn ir-restrizzjonijiet jibqgħu fis-seħħ sal-31 ta' Diċembru 2012. Dan it-tul ta' żmien jista' jitqassar jekk il-Kummissjoni tiddetermina li d-dettalji rilevanti li rriżultaw għall-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni nbiddlu jew li l-effetti tagħha jkunu aktar restrittivi milli jirrikjedi l-iskop tagħha.
(17) Għal dan, kull tliet xhur, Spanja se jkollha tipprovdi lill-Kummissjoni tali dejta statistika, li tkun rikjesta sabiex tiġi żgurata l-evoluzzjoni tas-settur tax-xogħol għal kull settur ta' attività u għal kull okkupazzjoni. L-ewwel rapport ta' kull tliet xhur għandu jiġi ppreżentat qabel il-31 ta' Diċembru 2011.
(18) Id-Deċiżjoni biex Spanja tiġi awtorizzata li terġa' ddaħħal restrizzjonijiet għall-aċċess ħieles taċ-ċittadini Rumeni fis-suq tax-xogħol Spanjol ittieħdet skont ċerti kundizzjonijiet sabiex jiġi żgurat li dawn ir-restrizzjonijiet ikunu limitati strettament għal dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq l-iskop previst.
(19) Għalhekk mhuwiex xieraq li tiġi awtorizzata l-introduzzjoni mill-ġdid ta' restrizzjonijiet fir-rigward taċ-ċittadini Rumeni u l-membri tal-familja tagħhom li huma diġà impjegati fis-suq tax-xogħol Spanjol u fir-rigward ta' dawk iċ-ċittadini Rumeni u l-membri tal-familja tagħhom li diġà ġew reġistrati bħala persuni li qegħdin ifittxu impjieg mis-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi fi Spanja.
(20) Il-prinċipji li jirregolaw ir-restrizzjonijiet fuq l-aċċess għas-suq tax-xogħol, kif stipulati fl-Anness VII l-Parti 1 tal-Att tal-Adeżjoni tal-2005, bħal pereżempju l-klawżola ta' sospensjoni u l-prinċipju ta' preferenza tal-Unjoni fil-paragrafu 14, għandhom ukoll jiġu rispettati.
(21) Id-dritt li l-membri tal-familja taċ-ċittadini Rumeni li jiġu impjegati fi Spanja għandhom jiġu rregolati mutatis mutandis mill-paragrafu 8 tal-Anness VII l-Parti 1 tal-Att tal-Adeżjoni tal-2005.
(22) Ir-restrizzjonijiet dwar id-drittijiet taċ-ċittadini Rumeni u l-membri tal-familja tagħhom ta' aċċess fis-suq tax-xogħol Spanjol awtorizzati b'din id-Deċiżjoni huma strettament limitati għall-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Deċiżjoni u bl-ebda mod ma jistgħu jaffettwaw drittijiet oħra li għandhom iċ-ċittadini Rumeni u l-membri tal-familja tagħhom skont il-Liġi tal-Unjoni.
(23) Għandhom jiġu żgurati monitoraġġ u proċess ta' informazzjoni dwar l-iżvilupp tas-suq tax-xogħol Spanjol kull tliet xhur.
(24) Għall-iskopijiet ta' monitoraġġ, għandu jiġi żgurat obbligu li jiġu pprovduti lill-Kummissjoni d-dettalji tal-miżuri li ħadet Spanja fuq il-bażi ta' din id-Deċiżjoni,
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1 Spanja qed tiġi awtorizzata b'dan, skont il-kundizzjonijiet speċifikati fl-Artikoli minn 2 sa 4 ta' din id-Deċiżjoni li tissospendi l-Artikoli minn 1 sa 6 tar-Regolament (UE) Nru 492/2011 fir-rigward taċ-ċittadini Rumeni sal-31 ta' Diċembru 2012.
Artikolu 2 Din id-Deċiżjoni ma għandhiex taffettwa ċ-ċittadini Rumeni u l-membri tal-familja tagħhom
Artikolu 2
1. li huma impjegati fi Spanja fil-jum tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Deċiżjoni,
2. li huma reġistrati bħala persuni li qegħdin ifittxu impjieg mis-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi fi Spanja fil-jum tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Deċiżjoni.
Artikolu 3 L-applikazzjoni ta' din id-Deċiżjoni għandha tkun soġġetta mutatis mutandis għall-kundizzjonijiet dwar l-arranġamenti tranżitorji kif stipulat fl-Anness VII l-Parti 1 tal-Att tal-Adeżjoni tal-2005.
Artikolu 4 Spanja għandha tieħu l-miżuri meħtieġa kollha sabiex tkompli timmonitorja mill-qrib l-iżvilupp tas-suq tax-xogħol. Għandha tipprovdi lill-Kummissjoni dejta statistika kull tliet xhur li tagħti evidenza tal-evoluzzjoni tas-suq tax-xogħol għal kull settur ta' attività u għal kull okkupazzjoni. L-ewwel rapport ta' kull tliet xhur għandu jiġi ppreżentat qabel il-31 ta' Diċembru 2011. Fil-każ ta' bidla sinifikanti, Spanja għandha tipprovdi lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri mingħajr dewmien aġġornament tad-dettalji rilevanti li pprovdiet fir-rigward tat-talba tagħha għal Deċiżjoni tal-Kummissjoni u li fir-rigward tagħhom ittieħdet din id-Deċiżjoni.
Artikolu 5 Din id-Deċiżjoni tista' tiġi emendata jew revokata b'mod partikolari jekk id-dettalji rilevanti msemmijin fl-Artikolu 4 u li wasslu għall-adozzjoni tagħha nbiddlu jew jekk l-effetti tagħha jkunu aktar ristrettivi milli jirrikjedi l-iskop tagħha.
Artikolu 6 Spanja għandha tipprovdi lill-Kummissjoni d-dettalji tal-miżuri li tkun ħadet fuq il-bażi ta' din id-Deċiżjoni fi żmien xahrejn tal-wasla tagħha.
Artikolu 7 Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussell, il-11 ta’ Awwissu 2011. Għall-Kummissjoni Il-President José Manuel Barroso