Gelex

Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tal-25 ta’ Awwissu 2011 dwar ir-rikonoxximent tal-Azerbajġan skont id-Direttiva 2008/106/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f’dak li għandu x’jaqsam mas-sistemi għat-taħriġ u ċ-ċertifikazzjoni tal-baħħara (notifikata bid-dokument numru C(2011) 6003) (Test b’relevanza għaż-ŻEE) (2011/517/UE)

In forceVersion 2011-08-25from 2011-08-26
Grade B

mapped from publisher markup. A grade says how a document's structure was obtained, not how reliable the law is.

Ask Gelex about this law

Address https://gelex.eu/eli/EU/act/2011/517@2011-08-25/mt

Contents
  1. Preamble

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2008/106/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Novembru 2008 dwar il-livell minimu ta’ taħriġ tal-baħħara, u b’mod partikulari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 19(3) tagħha,

Wara li kkunsidrat it-talba magħmula mill-Belġju fis-7 ta’ Awwissu 2008,

Billi:

(1) Skont id-Direttiva 2008/106/KE, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jaċċettaw iċ-ċertifikati xierqa tal-baħħara li jkunu nħarġu minn pajjiżi terzi, sakemm il-pajjiż terz ikkonċernat ikun rikonoxxut mill-Kummissjoni. Dawk il-pajjiżi terzi għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti kollha tal-Konvenzjoni dwar l-Istandards għat-Taħriġ, iċ-Ċertifikazzjoni u l-Għassa għall-Baħħara, 1978 (il-Konvenzjoni STCW) tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (IMO), kif ġiet riveduta fl-1995.

(2) Permezz ta’ ittra fis-7 ta’ Awwissu 2008, il-Belġju ressaq talba għar-rikonoxximent tal-Azerbajġan. Wara dik it-talba tal-Belġju, il-Kummissjoni vvalutat it-taħriġ u s-sistemi ta’ ċertifikazzjoni fl-Azerbajġan sabiex tivverifika jekk l-Azerbajġan jikkonformax mar-rekwiżiti kollha tal-Konvenzjoni STCW u jekk ittiħdux miżuri xierqa biex tiġi evitata l-frodi fil-ħruġ taċ-ċertifikati. Dik il-valutazzjoni kienet ibbażata fuq ir-riżultati ta’ spezzjoni li għamlu l-esperti tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima fi Frar 2009. Matul dik l-ispezzjoni, ġew identifikati ċerti nuqqasijiet fit-taħriġ u fis-sistemi ta’ ċertifikazzjoni.

(3) Il-Kummissjoni pprovdiet lill-Istati Membri rapport dwar ir-riżultati tal-valutazzjoni.

(4) Permezz ta’ ittri tal-4 ta’ Diċembru 2009 u tas-26 ta’ Ottubru 2010, il-Kummissjoni talbet lill-Azerbajġan jibagħtilha provi li juru li n-nuqqasijiet identifikati kienu tranġaw.

(5) Permezz ta’ ittri tat-13 ta’ Jannar 2010 u tal-24 ta’ Diċembru 2010, l-Azerbajġan ipprovda l-informazzjoni mitluba u l-provi dwar l-implimentazzjoni tal-azzjoni korrettiva xierqa u suffiċjenti biex jiġu indirizzati n-nuqqasijiet kollha identifikati matul il-valutazzjoni tal-konformità.

(6) Ir-riżultati tal-valutazzjoni tal-konformità u tal-evalwazzjoni tal-informazzjoni pprovduti mill-Azerbajġan juru li l-Azerbajġan jissodisfa r-rekwiżiti kollha tal-Konvenzjoni STCW u li ħa l-miżuri x-xierqa biex ikun evitat il-frodi fil-ħruġ taċ-ċertifikati. Għaldaqstant, għandu jiġi rikonoxxut mill-Kummissjoni.

(7) Il-miżuri pprovduti f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat dwar l-Ibħra Sikuri u l-Prevenzjoni ta’ Tniġġis minn Vapuri,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1 Għall-finijiet tal-Artikolu 19 tad-Direttiva 2008/106/KE, l-Azerbajġan huwa rikonoxxut f’dak li għandu x’jaqsam mas-sistemi għat-taħriġ u ċ-ċertifikazzjoni tal-baħħara.

Artikolu 2 Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, il-25 ta’ Awwissu 2011. Għall-Kummissjoni Siim Kallas Viċi-President

Versions

  1. 2011-08-25