Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tas-7 ta’ Novembru 2011 li tistabbilixxi l-kontribuzzjoni finanzjarja mill-Unjoni għan-nefqa mġarrba fil-kuntest tal-miżuri ta’ emerġenza meħuda biex tiġi miġġielda l-influwenza avjarja fid-Danimarka fl-2010 (notifikata bid-dokument numru C(2011) 7850) (It-test bid-Daniż biss huwa awtentiku) (2011/727/UE)
Grade B
mapped from publisher markup. A grade says how a document's structure was obtained, not how reliable the law is.
Address https://gelex.eu/eli/EU/act/2011/727@2011-11-07/mt
Contents
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/470/KE tal-25 ta’ Mejju 2009 dwar in-nefqa fil-kamp veterinarju, u b’mod partikolari l-Artikolu 4 tagħha,
Billi:
(1) Skont l-Artikolu 75 tar-Regolament Finanzjarju u l-Artikolu 90(1) tar-Regoli ta’ Implimentazzjoni, l-impenn ta’ nefqa mill-baġit tal-Unjoni għandu jkollu qablu deċiżjoni ta’ finanzjament li tistabbilixxi l-elementi essenzjali tal-azzjoni li tinvolvi n-nefqa u li tiġi adottata mill-istituzzjoni jew mill-awtoritajiet b’setgħat li ġew delegati lilhom mill-istituzzjoni.
(2) Id-Deċiżjoni 2009/470/KE tistabbilixxi l-proċeduri li jirregolaw il-kontribuzzjoni finanzjarja mill-Unjoni għal miżuri veterinarji speċifiċi, inklużi miżuri ta’ emerġenza. Sabiex tgħin biex tinqered l-influwenza avjarja malajr kemm jista’ jkun, l-Unjoni għandha tikkontribwixxi finanzjarjament għal nefqa eliġibbli mġarrba mill-Istati Membri. L-Artikolu 4(3), l-ewwel u t-tieni inċiżi, ta’ dik id-Deċiżjoni jistabbilixxi r-regoli dwar il-perċentwal li jrid jiġi applikat għall-ispejjeż imġarrba mill-Istati Membri.
(3) L-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 349/2005 tat-28 ta’ Frar 2005 li jistabilixxi r-regoli rigward il-finanzjament Komunitarju għall-interventi urġenti u l-ġlieda kontra ċertu mard tal-annimali kif imsemmi fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 90/424/KEE, jistabbilixxi regoli dwar in-nefqa eliġibbli għall-appoġġ finanzjarju tal-Unjoni.
(4) Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2011/204/UE tal-31 ta’ Marzu 2011 dwar kontribuzzjoni finanzjarja mill-Unjoni għal miżuri ta’ emerġenza għall-ġlieda kontra l-influwenza tat-tjur fid-Danimarka u l-Pajjiżi l-Baxxi fl-2010, ikkonċediet kontribuzzjoni finanzjarja mill-Unjoni għal miżuri ta’ emerġenza biex tiġi miġġielda l-influwenza avjarja fid-Danimarka fl-2010.
(5) Fis-26 ta’ Mejju 2011, id-Danimarka bagħtet talba uffiċjali għal ħlas lura kif stipulat fl-Artikoli 7(1) u 7(2) tar-Regolament (KE) Nru 349/2005.
(6) Il-ħlas tal-kontribuzzjoni finanzjarja mill-Unjoni għandu jiġi soġġett għall-kundizzjoni li l-attivitajiet ippjanati kienu fil-fatt implimentati u li l-awtoritajiet ipprovdew it-tagħrif kollu meħtieġ fiż-żmien stipulat. L-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni, il-metodu tal-kalkolu tan-nefqa eliġibbli u l-konklużjonijiet aħħarija ġew ikkomunikati lid-Danimarka permezz ta’ e-mail datata l-14 ta’ Ġunju 2011. Id-Danimarka qablet permezz ta’ e-mail datata l-14 ta’ Ġunju 2011.
(7) L-awtoritajiet Daniżi ssodisfaw bis-sħiħ l-obbligi tekniċi u amministrattivi tagħhom kif stipulati fl-Artikolu 3(4) tad-Deċiżjoni 2009/470/KE u fl-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 349/2005.
(8) Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet ta’ hawn fuq, l-ammont totali tal-appoġġ finanzjarju mill-Unjoni għan-nefqa eliġibbli mġarrba marbuta mal-qerda tal-influwenza avjarja fid-Danimarka fl-2010 għandu issa jiġi stabbilit.
(9) Il-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni huma b’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1 Il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni għan-nefqa marbuta mal-qerda tal-influwenza avjarja fid-Danimarka fl-2010 hija stabbilita għal EUR 183858,72.
Artikolu 2 Din id-Deċiżjoni li tikkostitwixxi deċiżjoni ta’ finanzjament skont it-tifsira tal-Artikolu 75 tar-Regolament Finanzjarju, hi indirizzata lir-Renju tad-Danimarka.
Magħmul fi Brussell, is-7 ta’ Novembru 2011. Għall-Kummissjoni John Dalli Membru tal-Kummissjoni