Gelex

Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta’ Frar 2011 dwar għajnuna finanzjarja mill-Unjoni lill-Pajjiżi l-Baxxi għal studji dwar id-deni Q (notifikata bid-dokument numru C(2011) 554) (It-test bl-Olandiż biss huwa awtentiku) (2011/89/UE)

In forceVersion 2011-02-08from 2011-02-09
Grade B

mapped from publisher markup. A grade says how a document's structure was obtained, not how reliable the law is.

Ask Gelex about this law

Address https://gelex.eu/eli/EU/act/2011/89@2011-02-08/mt

Contents
  1. Preamble
  2. Artikolu 1
  3. 2.
  4. Artikolu 2
  5. ANNEX
  6. Deskrizzjoni tal-istudji tekniċi u xjentifiċi dwar l-epidemjoloġija tad-deni Q u l-effettività ta’ miżuri ta’ kontroll possibbli għal ruminanti domestiċi, imsemmija fl-Artikolu 1(1)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/470/KE tal-25 ta’ Mejju 2009 dwar in-nefqa fil-kamp veterinarju, u b' mod partikolari l-Artikolu 23 tagħha,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta' Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ ir-Regolament Finanzjarju), u b' mod partikulari l-Artikolu 75 tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2342/2002 tat-23 ta’ Diċembru 2002 li jippreskrivi regoli ddettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 fuq ir-Regolament Finanzjarju li jgħodd għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (minn hawn 'il quddiem jissejħu r-Regoli Implimentattivi), u b' mod partikolari l-Artikolu 90 tiegħu,

Billi:

(1) F’konformità mal-Artikolu 75 tar-Regolament Finanzjarju u l-Artikolu 90(1) tar-Regoli Implimentattivi, l-impenn ta’ nefqa mill-baġit tal-Unjoni Ewropea għandu jkollu qablu deċiżjoni finanzjarja li tistabbilixxi l-elementi essenzjali tal-azzjoni li tinvolvi l-infiq u għandha tiġi adottata mill-istituzzjoni jew l-awtoritajiet li l-poteri tagħhom ġew delegati mill-istituzzjoni.

(2) Id-deni Q huwa marda żoonotika li tittieħed malajr ħafna kkawżata minn patoġenu Coxiella burnetii li huwa preżenti b’mod komuni kważi fil-pajjiżi kollha madwar id-dinja. Ħafna annimali ddomestikati u salvaġġi jistgħu jkunu trasportaturi tal-marda iżda l-bhejjem, il-mogħoż u n-nagħaġ huma r-riżervi ewlenin.

(3) Fl-UE, m’hemmx regoli armonizzati fir-rigward ta’ notifika jew kontroll tad-deni Q fl-annimali. Miżuri għall-kontroll tal-marda normalment jittieħdu fuq livell nazzjonali, reġjonali jew saħansitra fuq livell ta’ razzett.

(4) Skont l-opinjoni tal-EFSA tas-27 ta’ April 2010, l-impatt ġenerali tad-deni Q fuq is-saħħa tal-bnedmin u ruminanti domestiċi fl-Istati Membri tal-UE huwa limitat. Madankollu, f’ċerti ċirkostanzi epidemjoloġiċi u għal gruppi partikolari ta’ riskju l-impatt tas-saħħa pubblika u għaldaqstant anke l-impatt fuq is-soċjetà u/jew l-ekonomija jista’ jkun sinifikanti.

(5) Fis-snin 2008 u 2009, ġiet osservata żieda kbira ta’ każijiet umani tad-deni Q fil-Pajjiżi l-Baxxi, b’bosta mwiet umani. L-investigazzjonijiet epidemjoloġiċi indikaw rabta ma’ azjendi kbar tal-mogħoż tal-ħalib fiż-żona, fejn din il-produzzjoni ta’ dan it-tip ta’ ħalib partikolari żviluppat malajr tul l-aħħar deċenni. Madankollu, l-opinjoni tal-EFSA msemmija hawn fuq tenfasizza li r-raġinijiet preċiżi għall-iżvilupp ta’ problemi kliniċi fil-popolazzjoni tal-annimali fl-2005, u ż-żieda ta’ każijiet fil-popolazzjoni umana fl-2007 għadha mhijiex ċara.

(6) Fl-24 ta’ Marzu 2010, il-Ministru Olandiż għall-Agrikoltura, in-Natura u l-Kwalità tal-Ikel ressaq talba għal kofinanzjament fil-qafas tad-Deċiżjoni 2009/470/KE għal studji tekniċi u xjentifiċi dwar id-dinamiki tal-marda u l-effettività ta’ miżuri ta’ kontroll possibbli applikabbli għal ruminanti domestiċi, bħat-tilqim tal-mogħoż.

(7) L-istudji li għalihom il-Pajjiżi l-Baxxi talbu kofinanzjament għalihom se jindirizzaw fost affarijiet oħra t-temi li ġejjin: (i) karatterizzazzjoni tal-ġenotipi differenti ta’ Coxiella burnetii li teżisti fi speċi differenti tal-annimali fil-Pajjiżi l-Baxxi u d-differenza tagħhom fil-virulenza, jekk hemm; (ii) il-patoġeniċità ta’ Coxiella burnetii f’mogħoż tqal u dawk li mhumiex tqal; (iii) is-sopravivenza ta’ Coxiella burnetii fid-demel; u (iv) mezzi adattati ta’ diżinfezzjoni.

(8) Skont l-Artikolu 22 tad-Deċiżjoni 2009/470/KE, l-Unjoni għandha twettaq, jew tgħin lill-Istati Membri jew lill-organizzazzjonijiet internazzjonali biex iwettqu, il-miżuri tekniċi u xjentifiċi meħtieġa għall-iżvilupp ta' leġiżlazzjoni veterinarja tal-UE u għall-iżvilupp ta’ edukazzjoni jew taħriġ veterinarju.

(9) Għandha tingħata kontribuzzjoni finanzjara għall-istudji dwar id-deni Q fil-Pajjiżi l-Baxxi minħabba li r-riżultati jistgħu jwasslu għal għarfien ġdid li jista' jikkontribwixxi għal żvilupp possibbli fil-futur ta' leġiżlazzjoni veterinarja fl-Unjoni, b'mod partikolari fir-rigward tal-adozzjoni possibbli ta’ regoli armonizzati dwar il-monitoraġġ u r-rappurtaġġ tal-marda.

(10) Skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005 tal-21 ta’ Ġunju 2005 dwar il-finanzjament tal-Politika Agrikola Komuni, għandhom jiġu ffinanzjati miżuri veterinarji skont il-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija. Għal finijiet ta’ kontroll finanzjarju, għandhom japplikaw l-Artikoli 9, 36 u 37 ta’ dan ir-Regolament.

(11) Il-ħlas tal-kontribut finanzjarju għandu jkun suġġett għall-kundizzjoni li l-azzjonijiet ippjanati tabilħaqq twettqu u li l-awtoritajiet jipprovdu t-tagħrif kollu meħtieġ lill-Kummissjoni.

(12) Il-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1. L-Unjoni għandha tagħti lill-Pajjiżi l-Baxxi għajnuna finanzjarja għall-istudji tagħha dwar id-deni Q, kif hemm imqassar fl-Anness. Id-deċiżjoni preżenti tikkostitwixxi deċiżjoni ta’ finanzjament fit-tifsira tal-Artikolu 75 tar-Regolament Finanzjarju.

2. Il-kundizzjonijiet li ġejjin għandhom jiġu sodisfatti:

2.

(a) Ir-riżultati tal-istudji għandhom ikunu disponibbli għall-Kummissjoni u għall-Istati Membri kollha u ppreżentati fil-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali;

(b) Il-Pajjiż l-Baxxi għandhom iressqu rapport tekniku u finanzjarju lill-Kummissjoni sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Marzu 2012, ir-rapport finanzjarju flimkien ma’ dokumenti ta' sostenn li jiġġustifikaw l-evidenza rigward l-ispejjeż imġarrba u r-riżultati miksuba.

Artikolu 2

1. Il-kontribuzzjoni massima awtorizzata b’din id-Deċiżjoni għall-ispejjeż imġarrba għax-xogħol imsemmi fl-Artikolu 1(1) ġiet stabbilita bħala EUR 500000 u għandha tiġi ffinanzjata mil-Linja Baġitarja li ġejja tal-Baġit Ġenerali tal-Unjoni Ewropea għall-2011.

Linja Baġitarja Nru 17 04 02 01 EUR 500000.

2. L-għajnuna finanzjarja tal-Unjoni għandha titħallas wara l-preżentazzjoni tar-rapporti u d-dokumenti ta' sostenn imsemmija fl-Artikolu 1(2)(b).

Artikolu 3 Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Pajjiżi l-Baxxi.

Magħmul fi Brussell, it-8 ta’ Frar 2011. Għall-Kummissjoni John Dalli Membru tal-Kummissjoni

ANNEX

ANNESS

Deskrizzjoni tal-istudji tekniċi u xjentifiċi dwar l-epidemjoloġija tad-deni Q u l-effettività ta’ miżuri ta’ kontroll possibbli għal ruminanti domestiċi, imsemmija fl-Artikolu 1(1)

Proġett 1 Id-deni-Q fil-mogħoż jinvolvi l-kultivazzjoni ta' C. burnetii u l-karatterizzazzjoni ta' C. burnetii tal-ġenotipi differenti li jeżistu fil-Pajjiżi l-Baxxi. Jinvolvi wkoll is-sopravivenza ta’ C. burnetii fid-demel, ir-rotot differenti ta' infezzjoni, l-iżvilupp ta' immunità, it-tixrid ta' C. burnetii f’mogħoż tqal u dawk li mhumiex u informazzjoni ġenerali dwar il-patoġeniċi ta’ C. burnetii. Proġett 2 Valutazzjoni tal-virulenza ta’ varjanti ta’ C. burnetii fil-mogħoż tindirizza l-mistoqsija jekk il-varjant Olandiża attwali huwiex aktar virulenti mill-varjanti C. burnetii l-oħra. Proġett 3 Patoġeniċi tad-deni-Q jistudja l-patoġenesi ta’ infezzjonijiet ta’ C. burnetii fil-mogħoż. l-irwol tat-tqala fil-patoġenesi tal-infezzjonijiet ta’ C. burnetii; l-akkumulazzjoni ta’ immunità ċellulari u umorali; differenzi fil-virulenza ta’ tensjonijiet ta’ C. burnetii fil-mogħoż u l-immunità protettiva ta’ infezzjoni naturali. Bl-għarfien tal-patoġenesi u fi ħdan it-trażmissjoni tal-merħla, ir-riżultati ta’ ttestjar dijanjostiku jistgħu jiġu mifhuma aħjar. Proġett 4 Inventarju tal-varjanti tad-deni-Q fil-baqar, nagħaġ, klieb u qtates jistudja r-relazzjoni bejn il-pazjenti umani bid-deni-Q u sorsi possibbli tal-annimali. L-għan huwa li jiġu mqabbla l-varjanti tad-deni-Q misjuba fi speċi differenti tal-annimali mal-varjanti misjuba fil-pazjenti umani. Dan huwa importanti sabiex wieħed ikun jista' jeskludi annimali ħlief il-mogħoż tal-ħalib bħala sors ta' infezzjoni umana. Proġett 5 Effettività fuq it-titqib iqabbel l-istudji fuq il-post li saru qabel b'mod partikolari fi Franza ma' studji ġodda fuq il-post fil-Pajjiżi l-Baxxi biex jivvaluta l-effettività tat-titqib tal-mogħoż kontra d-deni Q. Proġett 6 Tfittxija għal mezzi adattati ta’ diżinfezzjoni għandu l-għan li jidentifika prodotti adattati għad-diżinfezzjoni u li jivvaluta jekk il-materjali bħall-injam, it-tiben, l-art jew id-demel jistgħux ikunu diżinfettati b'mod efettiv. Il-proġett jinkludi: (i) id-definizzjoni ta’ kriterji għal prodotti ta' diżinfezzjoni; (ii) l-inattivazzjoni ta’ C. burnetii u l-ispori ta’ C. burnetii fi fluwidi nodfa; (iii) l-inattivazzjoni ta’ C. burnetii u l-ispori ta’ C. burnetii fuq materjali kumplessi u fid-demel; u (iv) l-inattivazzjoni ta’ C. burnetii u l-ispori C. burnetii fuq uċuh kumplessi.

Versions

  1. 2011-02-08