Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1166/2012 tas-7 ta’ Diċembru 2012 li jemenda l-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-użu tad-Dikarbonat tad-dimetil (E 242) f’ċertu xorb alkoħoliku (Test b’relevanza għaż-ŻEE)
Grade B
mapped from publisher markup. A grade says how a document's structure was obtained, not how reliable the law is.
Address https://gelex.eu/eli/EU/act/2012/1166@2012-12-07/mt
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar l-addittivi tal-ikel, u b’mod partikolari l-Artikolu 10(3) tiegħu,
Billi:
(1) L-Anness II għar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 jistipula lista tal-Unjoni ta’ addittivi tal-ikel approvati għall-użu fl-ikel u l-kondizzjonijiet tal-użu tagħhom.
(2) Din il-lista tista’ tiġi emendata bil-proċedura msemmija fir-Regolament (KE) Nru 1331/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 li jistabbilixxi proċedura ta’ awtorizzazzjoni komuni għall-addittivi tal-ikel, l-enżimi tal-ikel u l-aromatizzanti tal-ikel.
(3) Skont l-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE) Nru 1331/2008, il-lista’ ta’ addittivi tal-ikel tal-Unjoni tista’ tiġi aġġornata jew fuq inizjattiva tal-Kummissjoni jew wara li ssir applikazzjoni.
(4) Applikazzjoni għal awtorizzazzjoni tal-użu tad-Dikarbonat tad-dimetil (E 242) għall-prodotti kollha li jappartjenu għall-kategorija 14.2.8 (Xarbiet alkoħoliċi oħra inkluż taħlit ta’ xarbiet alkoħoliċi ma’ xarbiet mhux alkoħoliċi u spirti b’inqas minn 15 % ta’ alkoħol), ġiet ippreżentata fl-4 ta’ Ottubru 2011 u saret disponibbli lill-Istati Membri.
(5) Id-Dikarbonat tad-dimetil (E 242) jintuża għal xorb ta’ sterilizzazzjoni kiesaħ. Huwa jaġixxi kontra l-fungi u l-batterji u huwa partikolarment utli biex jillimita l-pastorizzazzjoni. Dan l-użu jippermetti preżervazzjoni effettiva tax-xorb mingħajr ma jinbidel il-palat u t-togħma. Barra minn hekk pastorizzazzjoni limitata tkun iktar kosteffettiva u ekoloġika. Is-sustanza bħalissa hija awtorizzata għall-użu f’bosta kategoriji ta’ xorb alkoħoliku u mhux alkoħoliku.
(6) Id-Dikarbonat tad-dimetil (E 242) ġie evalwat l-aħħar mill-Kumitat Xjentifiku dwar l-Ikel fl-2001. Is-sustanza hija kkunsidrata bħala waħda li ma fihiex tħassib tossikoloġiku billi fil-livell ta’ użu ta’ 250 mg/l hija instabbli u tinbidel f’sustanzi li r-residwi tagħhom jitqiesu li huma mingħajr periklu. Dan jimplika li dan l-użu ma jirrappreżentax periklu għas-saħħa. Huwa għalhekk xieraq li jkun permess l-użu tad-Dikarbonat tad-dimetil (E 242) għall-preżervazzjoni tal-prodotti kollha li jappartjenu għall-kategorija 14.2.8 (Xarbiet alkoħoliċi oħra inkluż taħlit ta’ xarbiet alkoħoliċi ma’ xarbiet mhux alkoħoliċi u spirti b’inqas minn 15 % ta’ alkoħol).
(7) Skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament (KE) Nru 1331/2008, il-Kummissjoni għandha titlob l-opinjoni tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel biex taġġorna l-lista tal-Unjoni tal-addittivi tal-ikel stipulata fl-Anness II għar-Regolament (KE) Nru 1333/2008, għajr meta l-aġġornament inkwistjoni x’aktarx li ma jħallix effett fuq is-saħħa tal-bniedem. Billi l-awtorizzazzjoni tal-użu tad-Dikarbonat tad-dimetil (E 242) għall-preżervazzjoni tal-prodotti kollha li jappartjenu għall-kategorija 14.2.8 jikkostitwixxi aġġornament ta’ dik il-lista ta’ sustanzi li mhux suxxettibbli li jkollhom effett fuq is-saħħa tal-bniedem, mhuwiex meħtieġ li tintalab l-opinjoni tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel.
(8) Skont id-dispożizzjonijiet tranżitorji tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1129/2011 tal-11 ta’ Novembru 2011 li jemenda l-Anness II għar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi lista tal-Unjoni ta’ addittivi tal-ikel, l-Anness II li jistabbilixxi l-lista tal-Unjoni ta’ addittivi tal-ikel approvata għall-użu fl-ikel u l-kondizzjonijiet tal-użu, japplika mill-1 ta’ Ġunju 2013. Sabiex ikun permess l-użu tad-Dikarbonat tad-dimetil (E 242) għall-preżervazzjoni tal-prodotti kollha li jappartjenu għall-kategorija 14.2.8 qabel dik id-data, huwa meħtieġ li wieħed jispeċifika data aktar bikrija tal-applikazzjoni fir-rigward ta’ dak l-addittiv tal-ikel.
(9) Għaldaqstant, l-Anness II għar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 għandu jiġi emendat skont dan.
(10) Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali u la l-Parlament Ewropew u lanqas il-Kunsill ma opponewhom,
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1 L-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 huwa emendat skont l-Anness ta’ dan ir-Regolament.
Artikolu 2 Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha. Magħmul fi Brussell, is-7 ta’ Diċembru 2012. Għall-Kummissjoni Il-President José Manuel Barroso
ANNEX
ANNESS
Fil-Parti E tal-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 l-annotazzjoni dwar l-addittiv E 242 fil-kategorija tal-ikel 14.2.8 Xarbiet alkoħoliċi oħra inkluż taħlit ta’ xarbiet alkoħoliċi ma’ xarbiet mhux alkoħoliċi u spirti b’inqas minn 15 % ta’ alkoħol tinbidel b’dan li ġej: E 242 Dikarbonat tad-dimetil 250 (24) Perjodu ta’ applikazzjoni: Mit-28 ta' Diċembru 2012