Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 377/2012 tat-3 ta’ Mejju 2012 dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi li jheddu l-paċi, is-sigurtà jew l-istabbiltà tar-Repubblika tal-Ginea Bissaw
Grade B
mapped from publisher markup. A grade says how a document's structure was obtained, not how reliable the law is.
Address https://gelex.eu/eli/EU/act/2012/377@2012-05-03/mt
Contents
- Preamble
- Artikolu 1
- Artikolu 2
- Artikolu 3
- Artikolu 4
- 1.
- Artikolu 5
- 1.
- Artikolu 6
- 1.
- Artikolu 7
- Artikolu 8
- 1.
- Artikolu 11
- Artikolu 12
- Artikolu 14
- ANNEX
- ANNESS I Lista ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi imsemmija fl-Artikoli 2(1) u 2(2) Persuni
- ANNESS II Websajts għall-informazzjoni dwar l-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri msemmija fl-Artikoli 4(1), 5(1) u 8(1), u l-indirizzi għan-notifiki lill-Kummissjoni Ewropea
- A.
- B.
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 215(2) tiegħu,
Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/237/PESK tal-3 ta’ Mejju 2012 dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi li jheddu l-paċi, is-sigurtà jew l-istabbiltà tar-Repubblika tal-Ginea Bissaw,
Wara li kkunsidra l-proposta konġunta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà u tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1) Id-Deċiżjoni 2012/237/PESK tipprevedi l-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi li jippruvaw jimpedixxu jew jostakolaw proċess politiku paċifiku, jew li jieħdu azzjoni li timmina l-istabbiltà fir-Repubblika tal-Ginea Bissaw. Dan jikkonċerna b’mod partikolari lil dawk li kellhom rwol prominenti fir-ribelljoni tal-1 ta’ April 2010 u l-kolp ta’ stat tat-12 ta’ April 2012 u li l-azzjonijiet tagħhom għadhom immirati biex jimminaw l-istat tad-dritt u l-preminenza tal-poter ċivili. Dawn il-miżuri jinkludu l-iffriżar ta’ fondi u riżorsi ekonomiċi tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet u korpi elenkati fl-Anness għal dik id-Deċiżjoni.
(2) Dawn il-miżuri jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u, għalhekk, partikolarment bi ħsieb li tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tagħhom mill-operaturi ekonomiċi fl-Istati Membri kollha, hija meħtieġa azzjoni regolatorja fil-livell tal-Unjoni sabiex timplimentahom.
(3) Dan ir-Regolament jirrispetta d-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji rikonoxxuti b’mod partikolari mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u notevolment id-dritt għal rimedju effettiv, id-dritt għal proċess ġust, u d-dritt għall-protezzjoni ta’ data personali. Dan ir-Regolament għandu jiġi applikat skont dawk id-drittijiet u prinċipji.
(4) Is-setgħa li jemenda l-listi fl-Anness I għal dan ir-Regolament għandha titħaddem mill-Kunsill, fid-dawl tat-theddida speċifika għall-paċi u s-sigurtà internazzjonali maħluqa mis-sitwazzjoni fil-Ginea Bissaw, u biex tiġi żgurata konsistenza mal-proċedura għall-emendament u r-reviżjoni tal-Anness għad-Deċiżjoni 2012/237/PESK.
(5) Il-proċedura biex jiġu emendati l-listi fl-Anness I għal dan ir-Regolament għandha tinkludi l-għoti tar-raġunijiet għall-inklużjoni ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi nominati sabiex tingħatalhom opportunità biex iressqu l-osservazzjonijiet. Fejn jitressqu osservazzjonijiet, jew tiġi ppreżentata evidenza ġdida sostanzjali, il-Kunsill għandu jirrevedi d-deċiżjoni tiegħu fid-dawl ta’ dawk l-osservazzjonijiet u jgħarraf lill-persuna, entità jew korp ikkonċernat kif adatt.
(6) Għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, u sabiex tinħoloq ċertezza legali massima fi ħdan l-Unjoni, għandhom ikunu disponibbli għall-pubbliku l-ismijiet u data rilevanti oħra rigward persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi li l-fondi u r-riżorsi ekonomiċi tagħhom iridu jiġu ffriżati skont ir-Regolament. Kwalunkwe pproċessar ta’ data personali għandu jirrispetta r-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta’ dik id-data u d-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 95/46/KE tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data.
(7) Sabiex jiġi żgurat li l-miżuri previsti f’dan ir-Regolament ikunu effettivi, dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ minnufih,
ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1 Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
Artikolu 1
(a) fondi tfisser assi u benefiċċji finanzjarji ta’ kull tip, li jinkludu iżda li mhumiex limitati għal:
(a)
(i) flus kontanti, ċekkijiet, pretensjonijiet fuq flejjes, drafts, money orders u strumenti oħra ta’ ħlas;
(ii) depożiti ma’ istituzzjonijiet finanzjarji jew entitajiet oħra, bilanċi f’kontijiet, dejn u obbligazzjonijiet ta’ dejn;
(iii) titoli negozjati kemm pubblikament kif ukoll privatament u dokumenti dwar dejn, inklużi titoli ta’ fondi u ishma, ċertifikati li jirrappreżentaw sigurtajiet, bonds, noti, mandati, obbligazzjonijiet u kuntratti ta’ derivati;
(iv) imgħax, dividendi jew dħul ieħor fuq assi, jew valur li joħroġ minnhom jew li hu ġenerat minnhom;
(v) kreditu, dritt ta’ tpaċija, garanziji, titoli eżegwibbli jew impenji finanzjarji oħra;
(vi) ittri ta’ kreditu, poloz tat-tagħbija, dokumenti ta’ bejgħ;
(vii) dokumenti li jixhdu xi mgħax f’fondi jew riżorsi finanzjarji;
(b) iffriżar ta fondi’ tfisser il-projbizzjoni ta’ kwalunkwe ċaqliq, trasferiment, bidla, użu, aċċess jew traffikar ta’ fondi li jistgħu b’xi mod iwasslu għal bidla fil-volum, fl-ammont, fil-lokalizzazzjoni, fis-sjieda, fil-pussess, fil-karattru, fid-destinazzjoni jew f’bidla oħra li tagħmel possibbli l-użu tal-fondi, inkluż il-ġestjoni tal-portafolli;
(c) riżorsi ekonomiċi tfisser assi ta’ kull xorta, kemm tanġibbli u kif ukoll intanġibbli, mobbli jew immobbli, li mhumiex fondi iżda li jistgħu jintużaw biex jinkisbu fondi, prodotti jew servizzi;
(d) iffriżar ta riżorsi ekonomiċi’ tfisser il-prevenzjoni tal-użu ta’ riżorsi ekonomiċi biex jinkisbu fondi, prodotti jew servizzi fi kwalunkwe mod, li jinkludu, iżda mhumiex limitati għal, bejgħ, kiri jew ipoteki tagħhom;
(e) territorju tal-Unjoni tfisser it-territorji li għalihom japplika t-Trattat, skont il-kondizzjonijiet stabbiliti fit-Trattat.
Artikolu 2
1. Il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li jappartjenu, huma miżmuma jew ikkontrollati minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi, l-entitajiet jew il-korpi li, skont l-Artikolu 2(1) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/237/PESK, ġew identifikati mill-Kunsill bħal jew (i) li ħadu sehem jew ipprovdew sostenn għal atti li jheddu l-paċi, is-sigurtà jew l-istabbiltà tar-Repubblika tal-Ginea Bissaw jew (ii) li assoċjaw ruħhom ma’ tali persuni, entitajiet jew korpi, kif elenkati fl-Anness I għandhom jiġu ffriżati.
2. L-ebda fondi jew riżorsi ekonomiċi ma għandhom jitpoġġew għad-dispożizzjoni, direttament jew indirettament, ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi elenkati fl-Anness I jew għall-benefiċċju tagħhom.
3. Il-parteċipazzjoni, b’intenzjoni u apposta, f’attivitajiet li l-għan jew l-effett tagħhom hu, b’mod dirett jew indirett, li jevitaw il-miżuri msemmija fil-paragrafi 1 u 2 għandu jiġi pprojbit.
Artikolu 3
1. L-Anness I għandu jinkludi r-raġunijiet għall-inklużjoni ta’ persuni, entitajiet u korpi elenkati.
2. L-Anness I għandu jinkludi wkoll, fejn disponibbli, informazzjoni meħtieġa biex jiġu identifikati l-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, l-entitajiet u l-korpi ikkonċernati. Fir-rigward ta’ persuni fiżiċi, informazzjoni bħal din tista’ tinkludi ismijiet fosthom psewdonomi, data u post tat-twelid, nazzjonalità, numri tal-passaport u tal-karta tal-identità, sess, indirizz, jekk magħruf, u funzjoni jew professjoni. Fir-rigward ta’ persuni, entitajiet u korpi ġuridiċi, informazzjoni bħal din tista’ tinkludi ismijiet, post u data ta’ reġistrazzjoni, numru tar-reġistrazzjoni u post tan-negozju.
Artikolu 4
1. B’deroga mill-Artikolu 2, l-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri, kif identifikati fil-websajts elenkati fl-Anness II, jistgħu jawtorizzaw ir-rilaxx ta’ ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati jew id-disponibbiltà ta’ ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati, taħt il-kondizzjonijiet li jidhrilhom xierqa, wara li jkunu ddeterminaw li l-fondi jew riżorsi ekonomiċi kkonċernati jkunu:
1.
(a) meħtieġa biex jissodisfaw il-ħtiġijiet bażiċi tal-persuni elenkati fl-Anness I u l-membri tal-familja dipendenti fuqhom, inklużi ħlasijiet għal oġġetti tal-ikel, kera jew ipoteka immobiljari, mediċini u kura medika, taxxi, poloz tal-assigurazzjoni, u l-ħlasijiet għall-użu ta’ servizzi pubbliċi;
(b) maħsuba esklużivament għall-ħlas ta’ onorarji professjonali raġonevoli u għar-rimbors ta’ spejjeż li huma konnessi mal-forniment ta’ servizzi legali;
(c) maħsuba esklużivament għall-pagament ta’ miżati jew il-ħlasijiet ta’ servizzi għaż-żamma jew il-manutenzjoni ta’ fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati; jew
(d) neċessarji għal spejjeż straordinarji, bil-kondizzjoni li l-Istat Membru nnotifika bir-raġunijiet li jikkonsidra li għalihom awtorizzazzjoni speċifika għandha tingħata lill-Istati Membri kollha u lill-Kummissjoni mill-anqas ġimagħtejn qabel l-awtorizzazzjoni.
2. L-Istat Membru relevanti għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni dwar kull awtorizzazzjoni mogħtija skont il-paragrafu 1.
Artikolu 5
1. B’deroga mill-Artikolu 2, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, kif identifikati fis-websajts fl-Anness II, jistgħu jawtorizzaw ir-rilaxx ta’ ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati, jekk il-kondizzjonijiet li ġejjin jiġu sodisfatti:
1.
(a) il-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi kkonċernati huma s-suġġett ta’ garanzija ġudizzjarja, amministrattiva jew arbitrali stabbilita qabel id-data li fiha l-persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp imsemmijin fl-Artikolu 2 ikunu ġew inklużi fl-Anness I jew ta’ sentenza ġudizzjarja, amministrattiva jew arbitrali mogħtija qabel dik id-data;
(b) il-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi inkwistjoni jridu jintużaw esklużivament sabiex jissodisfaw il-pretensjonijiet iggarantiti b’din il-garanzija jew rikonoxxuti bħala validi f’din is-sentenza, fil-limiti stabbiliti bil-liġijiet u r-regolamenti applikabbli li jirregolaw id-drittijiet tal-persuni li jkollhom dawn il-pretensjonijiet;
(c) il-garanzija jew sentenza mhumiex għall-benefiċċju ta’ persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp elenkati fl-Anness I; kif ukoll
(d) ir-rikonoxximent li l-garanzija jew is-sentenza ma jmorrux kontra l-politika pubblika fl-Istat Membru kkonċernat.
2. L-Istat Membru relevanti għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni dwar kull awtorizzazzjoni mogħtija skont il-paragrafu 1.
Artikolu 6
1. L-Artikolu 2(2) m’għandux japplika għaż-żieda fil-kontijiet iffriżati ta’: sakemm tali imgħax, dħul u ħlas ikunu ffriżati skont l-Artikolu 2(1).
1.
(a) imgħax jew qligħ ieħor fuq dawk il-kontijiet; jew
(b) ħlasijiet dovuti taħt kuntratti, ftehimiet jew obbligi li jkunu ġew konklużi jew li nħolqu qabel id-data li fiha l-persuna fiżika jew ġuridika, l-entità jew il-korp imsemmijin fl-Artikolu 2 ġew inklużi fl-Anness I,
2. L-Artikolu 2(2) m’għandux iwaqqaf lill-istituzzjonijiet finanzjarji jew ta’ kreditu fl-Unjoni milli jikkreditaw kontijiet iffriżati meta jirċievu fondi trasferiti fil-kont ta’ persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp elenkat, sakemm kwalunkwe żieda għal dawn il-kontijiet tiġi ffriżata wkoll. L-istituzzjoni finanzjarja jew ta’ kreditu għandha tinforma bla dewmien lill-awtoritajiet kompetenti rilevanti b’din it-transazzjoni.
Artikolu 7
1. L-iffriżar ta’ fondi u riżorsi ekonomiċi jew ir-rifjut li wieħed jagħmel fondi jew riżorsi ekonomiċi disponibbli, magħmula bi skop tajjeb u bil-konvinzjoni li tali azzjoni hi konformi ma’ dan ir-Regolament, ma għandux joħloq responsabbiltà ta’ kwalunkwe tip min-naħa tal-persuna fiżika jew ġuridika, l-entità jew il-korp li jkunu qed jimplimentawh, jew id-diretturi jew l-impjegati tagħhom, sakemm ma jiġix ippruvat li l-fondi u r-riżorsi ekonomiċi ġew iffriżati jew miżmuma bħala riżultat ta’ negliġenza.
2. Il-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 2(2) m’għandhiex twassal għal responsabbiltà ta’ ebda xorta fuq in-naħa tal-persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi li poġġew għad-dispożizzjoni fondi jew riżorsi ekonomiċi, jekk huma ma kinux jafu, u ma kellhom ebda raġuni valida biex jissuspettaw li l-azzjonijiet tagħhom kienu se jiksru din il-projbizzjoni.
Artikolu 8
1. Mingħajr preġudizzju għar-regoli applikabbli dwar ir-rappurtar, il-kunfidenzjalità u s-segretezza professjonali, il-persuni fiżiċi u ġuridiċi, l-entitajiet u l-korpi elenkati fl-Anness I għandhom:
1.
(a) immedjatament ifornu kull informazzjoni li tiffaċilita konformità ma’ dan ir-Regolament, bħal kontijiet u ammonti ffriżati skont l-Artikolu 2, lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru fejn huma residenti jew qegħdin, kif identifikati fil-websajts elenkati fl-Anness II, u għandhom jgħaddu din l-informazzjoni, direttament jew permezz tal-awtorità kompetenti, lill-Kummissjoni; u
(b) jikkooperaw ma’ dik l-awtorità kompetenti f’kull verifikazzjoni ta’ din l-informazzjoni.
2. Kwalunkwe informazzjoni li tingħata jew tiġi rċevuta skont dan l-Artikolu għandha tintuża biss għall-finijiet li għalihom tkun ġiet ipprovduta jew irċevuta.
Artikolu 9 Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jinfurmaw minnufih lil xulxin bil-miżuri meħuda skont dan ir-Regolament u għandhom jipprovdu lil xulxin bi kwalunkwe informazzjoni oħra rilevanti konnessa ma’ dan ir-Regolament li hija għad-dispożizzjoni tagħhom, b’mod partikolari informazzjoni dwar problemi ta’ ksur u ta’ infurzar u sentenzi mogħtija mill-qrati nazzjonali.
Artikolu 10 Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li temenda l-Anness II abbażi tal-informazzjoni mogħtija mill-Istati Membri.
Artikolu 11
1. Fejn il-Kunsill jiddeċiedi li jissottometti persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp għall-miżuri msemmija fl-Artikolu 2(1), għandu jemenda l-Anness I kif adegwat.
2. Il-Kunsill għandu jikkomunika d-deċiżjoni tiegħu, inklużi r-raġunijiet għall-inklużjoni, lill-persuna fiżika jew ġuridika, l-entità jew il-korp imsemmija fil-paragrafu 1, jew direttament, jekk l-indirizz ikun magħruf, jew permezz tal-pubblikazzjoni ta’ avviż, u b’hekk tali persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp jingħataw l-opportunità li jippreżentaw osservazzjonijiet.
3. Fejn jiġu mressqa osservazzjonijiet, jew tiġi ppreżentata evidenza sostanzjali ġdida, il-Kunsill għandu jirrivedi d-deċiżjoni tiegħu u jgħarraf lill-persuna fiżika jew ġuridika, l-entità jew il-korp ikkonċernat skont il-każ.
4. Il-lista fl-Anness I għandha tiġi riveduta f’intervalli regolari u mill-inqas kull 12-il xahar.
Artikolu 12
1. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar penali applikabbli għall-ksur ta’ dan ir-Regolament u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li dawn jiġu implimentati. Il-penali previsti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.
2. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar dawk ir-regoli mingħajr dewmien wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament u għandhom jinnotifikawha dwar kwalunkwe emenda sussegwenti f’dawn ir-regoli.
Artikolu 13 Fejn dan ir-Regolament jipprevedi rekwiżit li l-Kummissjoni tiġi nnotifikata, infurmata jew li ssir xi komunikazzjoni oħra magħha, l-indirizz u d-dettalji l-oħra tal-kuntatt li għandhom jintużaw għal din il-komunikazzjoni għandhom ikunu dawk indikati fl-Anness II.
Artikolu 14 Dan ir-Regolament għandu japplika:
Artikolu 14
(a) fit-territorju tal-Unjoni, inkluż l-ispazju tal-ajru tagħha;
(b) abbord kwalunkwe inġenju tal-ajru jew bastiment li jaqa’ taħt il-ġurisdizzjoni ta’ Stat Membru;
(c) għal kwalunkwe persuna fit-territorju tal-Unjoni jew barra minnu li tkun ċittadina ta’ Stat Membru;
(d) għal kwalunkwe persuna ġuridika, entità jew korp li huma inkorporati jew kostitwiti taħt il-liġi ta’ Stat Membru;
(e) għal kwalunkwe persuna ġuridika, entità jew korp fir-rigward ta’ kwalunkwe kummerċ imwettaq, b’mod sħiħ jew parzjalment, fl-Unjoni.
Artikolu 15 Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha. Magħmul fi Brussell, it-3 ta’ Mejju 2012. Għall-Kunsill Il-President N. Wammen
ANNEX
ANNESS I Lista ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi imsemmija fl-Artikoli 2(1) u 2(2) Persuni
Isem Informazzjoni għall-identifikazzjoni (data u post tat-twelid (d.t.t. u p.t.t.), numru tal-passaport/karta tal-identità, eċċ.) Raġunijiet għall-inklużjoni Data tal-inklużjoni 1. Ġeneral António INJAI (magħruf ukoll bħala António INDJAI) Nazzjonalità: Ginea Bissaw d.t.t.: 20 ta' Jannar 1955 p.t.t.: Encheia, Sector de Bissorá, Região de Oio, Guiné-Bissau Ġenituri: Wasna Injai u Quiritche Cofte Kariga uffiċjali: Logutenent Ġeneral – Chefe de Estado-Maior Geral das Forças Armadas António Injai kien personalment involut fl-ippjanar u t-tmexxija tar-rewwixta tal-1 ta' April 2010, li laħqet il-qofol bil-ħtif illegali tal-Prim Ministru, Carlo Gomes Junior, u dak li dak iż-żmien kien il-Kap tal-Persunal tal-Forzi Armati, José Zamora Induta. Antonio Injai opera b'tali mod li jagħmel pressjoni fuq il-Gvern sabiex jaħtru Kap tal-Persunal tal-Forzi Armati. 3.5.2012 Karta tal-Identità Nazzjonali: Mhix magħrufa (Ginea Bissaw) Passaport: Passaport diplomatiku AAID00435 Data tal-ħruġ: 18.02.2010 Post tal-ħruġ: Ginea Bissaw Data tal-iskadenza: 18.02.2013 Indjai kien qiegħed jagħmel dikjarazzjonijiet pubbliċi b'mod konsistenti u jhedded il-ħajja tal-awtoritajiet leġittimi jiġifieri l-Prim Ministru Carlos Gomes Junior u jdgħajjef l-istat tad-dritt, idgħajjef is-setgħat tal-persuni ċivili, u kompla joħloq klima dominanti ta' impunità u instabbiltà fil-pajjiż. Matul il-perijodu elettorali tal-2012, fil-kapaċità tiegħu bħala Kap tal-Persunal tal-Forzi Armati, Injai għamel għal darb'oħra dikjarazzjoni u hedded li jwaqqa' l-awtoritajiet eletti u li jtemm il-proċess elettorali. Antonio Injai kien involut għal darb'oħra fl-ippjanar operattiv tal-coup d’état tat-12 ta' April 2012. Wara l-coup, l-ewwel komunikazzjoni mill-Kmand Militari inħareġ mill-Persunal Ġenerali tal-Forzi Armati, li huwa mmexxi mill-Ġeneral Injai. Huwa ma pprova bl-ebda mod jiġġieled jew jiddistakka ruħu minn dik l-azzjoni militari mhux kostituzzjonali. 2. Maġġur Ġeneral Mamadu TURE (N'KRUMAH) (magħruf ukoll bħala N’Krumah) Nazzjonalità - Ginea Bissaw d.t.t. 26 ta' April 1947 Passaport Diplomatiku nru DA0002186 Data tal-ħruġ: 30.03.2007 Data tal-iskadenza: 26.08.2013 Viċi Kap tal-Istat Maġġur tal-Forzi Armati. Membru tal-Kmand Militari li ħa r-responsabbiltà għall-coup d’état tat-12 ta' April 2012. 3.5.2012 3. Ġeneral Augusto MÁRIO CÓ Kap tal-Istat Maġġur tal-Armata tal-Art. Membru tal-Kmand Militari li ħa r-responsabbiltà għall-coup d’état tat-12 ta' April 2012. 3.5.2012 4. Ġeneral Estêvão NA MENA Kap tal-Istat Maġġur tal-Marina. Membru tal-Kmand Militari li ħa r-responsabbiltà għall-coup d’état tat-12 ta' April 2012. 3.5.2012 5. Brigadier Ġeneral Ibraima CAMARÁ (magħruf ukoll bħala Papa Camará) Nazzjonalità - Ginea Bissaw d.t.t. 11 ta' Mejju 1964 Passaport Diplomatiku nru AAID00437 Data tal-ħruġ:18.02.2010 Data tal-iskadenza: 18.02.2013 Kap tal-Istat Maġġur tal-Forzi tal-Ajru. Membru tal-Kmand Militari li ħa r-responsabbiltà għall-coup d’état tat-12 ta' April 2012. 3.5.2012 6. Logutenent Kurunell Daba NAUALNA (magħruf ukoll bħala Daba Na Walna) Nazzjonalità - Ginea Bissaw d.t.t. 6 ta' Ġunju 1966 Passaport nru SA 0000417 Data tal-ħruġ: 29.10.2003 Data tal-iskadenza: 10.03.2013 Kelliem tal-Kmand Militari li ħa r-responsabbiltà għall-coup d’état tat-12 ta' April 2012. 3.5.2012
ANNESS II Websajts għall-informazzjoni dwar l-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri msemmija fl-Artikoli 4(1), 5(1) u 8(1), u l-indirizzi għan-notifiki lill-Kummissjoni Ewropea
A.
Awtoritajiet kompetenti għal kull Stat Membru:
BELĠJU http://www.diplomatie.be/eusanctions
BULGARIJA http://www.mfa.bg/en/pages/view/5519
REPUBBLIKA ĊEKA http://www.mfcr.cz/mezinarodnisankce
DANIMARKA http://um.dk/da/politik-og-diplomati/retsorden/sanktioner/
ĠERMANJA http://www.bmwi.de/BMWi/Navigation/Aussenwirtschaft/Aussenwirtschaftsrecht/embargos.html
ESTONJA http://www.vm.ee/est/kat_622/
IRLANDA http://www.dfa.ie/home/index.aspx?id=28519
GREĊJA http://www1.mfa.gr/en/foreign-policy/global-issues/international-sanctions.html
SPANJA http://www.maec.es/es/MenuPpal/Asuntos/Sanciones%20Internacionales/Paginas/Sanciones_%20Internacionales.aspx
FRANZA http://www.diplomatie.gouv.fr/autorites-sanctions/
ITALJA http://www.esteri.it/MAE/IT/Politica_Europea/Deroghe.htm
ĊIPRU http://www.mfa.gov.cy/sanctions
LATVJA http://www.mfa.gov.lv/en/security/4539
LITWANJA http://www.urm.lt/sanctions
LUSSEMBURGU http://www.mae.lu/sanctions
UNGERIJA http://www.kulugyminiszterium.hu/kum/hu/bal/Kulpolitikank/nemzetkozi_szankciok/
MALTA http://www.doi.gov.mt/EN/bodies/boards/sanctions_monitoring.asp
PAJJIŻI L-BAXXI http://www.rijksoverheid.nl/onderwerpen/internationale-vrede-en-veiligheid/sancties
AWSTRIJA http://www.bmeia.gv.at/view.php3?f_id=12750&LNG=en&version=
POLONJA http://www.msz.gov.pl
PORTUGALL http://www.min-nestrangeiros.pt
RUMANIJA http://www.mae.ro/node/1548
SLOVENJA http://www.mzz.gov.si/si/zunanja_politika_in_mednarodno_pravo/zunanja_politika/mednarodna_varnost/omejevalni_ukrepi/
SLOVAKKJA http://www.foreign.gov.sk
FINLANDJA http://formin.finland.fi/kvyhteistyo/pakotteet
ISVEZJA http://www.ud.se/sanktioner
RENJU UNIT www.fco.gov.uk/competentauthorities
B.
Indirizz għan-notifiki lill-Kummissjoni Ewropea jew komunikazzjonijiet oħra magħha: European Commission Foreign Policy Instruments Service Unit FPIS.2 CHAR 12/106 B-1049 Bruxelles/Brussel Belġju E-Mail: relex-sanctions@ec.europa.eu Tel. (32 2) 295 55 85 Fax (32 2) 299 08 73