Direttiva tal-Kummissjoni 2012/3/UE tad-9 ta’ Frar 2012 li temenda d-Direttiva 98/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill biex tinkludi il-bendiocarb bħala sustanza attiva fl-Anness I għaliha (Test b’relevanza għaż-ŻEE)
Grade B
mapped from publisher markup. A grade says how a document's structure was obtained, not how reliable the law is.
Address https://gelex.eu/eli/EU/act/2012/3@2012-02-09/mt
Contents
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva 98/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 1998 dwar it-tqegħid fis-suq tal-prodotti bijoċidali, u b'mod partikolari t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 16(2) tagħha,
Billi:
(1) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1451/2007 tal-4 ta’ Diċembru 2007 dwar it-tieni fażi tal-programm ta’ ħidma ta’ 10 snin imsemmi fl-Artikolu 16(2) tad-Direttiva 98/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti bijoċidali jistabbilixxi lista ta’ sustanzi attivi li għandhom jiġu vvalutati, bil-għan li possibbilment jiġu inklużi fl-Anness I, IA jew IB għad-Direttiva 98/8/KE. Dik il-lista tinkludi l-bendiocarb.
(2) Skont ir-Regolament (KE) Nru 1451/2007, il-bendiocarb ġie evalwat skont l-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 98/8/KE għall-użu fi prodotti tat-tip 18, insettiċidi, akariċidi u prodotti għall-kontroll ta' artropodi oħra, kif iddefiniti fl-Anness V għal dik id-Direttiva.
(3) Ir-Renju Unit ġie maħtur bħala Stat Membru Rapporteur, u fl-1 ta' April 2008 ppreżenta lill-Kummissjoni r-rapport tal-awtorità kompetenti, flimkien ma' rakkomandazzjoni, skont l-Artikolu 14(4) u (6) tar-Regolament (KE) Nru 1451/2007.
(4) Ir-rapport tal-awtorità kompetenti ġie analizzat mill-Istati Membri u mill-Kummissjoni. Skont l-Artikolu 15(4) tar-Regolament (KE) Nru 1451/2007, ir-riżultati tal-analiżi ġew inkorporati, fi ħdan il-Kumitat Permanenti dwar il-Prodotti Bijoċidali fit-22 ta' Settembru 2011, f’rapport ta’ valutazzjoni.
(5) Mill-evalwazzjonijiet li saru, jidher li l-prodotti bijoċidali użati bħala insettiċidi, akariċidi u prodotti għall-kontroll ta' artropodi oħra u li fihom il-bendiocarb jistgħu jiġu preżunti li jissodisfaw ir-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 98/8/KE. Għaldaqstant huwa xieraq li l-bendiocarb jiddaħħal fl-Anness I għal dik id-Direttiva.
(6) Il-valutazzjoni fil-livell tal-Unjoni ma saritx fuq l-użi potenzjali kollha. Pereżempju, il-valutazzjoni tikkunsidra biss l-użu professjonali u ma tkoprix l-applikazzjoni diretta tas-sustanza fuq il-ħamrija jew fuq l-ikel jew l-għalf jew fuq superfiċji li se jiġu f'kuntatt dirett mal-ikel jew mal-għalf. Għaldaqstant huwa xieraq li l-Istati Membri jivvalutaw dawk ix-xenarji ta' użu jew ta' esponiment u dawk ir-riskji għall-kompartimenti ambjentali u għall-popolazzjonijiet li ma ġewx indirizzati b’mod rappreżentattiv fil-valutazzjoni tar-riskju fil-livell tal-Unjoni u li, meta jkunu qed jagħtu l-awtorizzazzjonijiet tal-prodotti, jiżguraw li jittieħdu miżuri xierqa jew li jiġu imposti kundizzjonijiet speċifiċi sabiex ir-riskji identifikati jitnaqqsu għal livelli aċċettabbli.
(7) Fid-dawl tar-riskji identifikati għall-ambjent akkwatiku minħabba tindif bl-ilma ta' superfiċji ttrattati, li jirriżulta f'emissjonijiet ta' ċertu skala f'ilmijiet superfiċji, huwa xieraq li jkun hemm l-esiġenza li l-prodotti ma jkunux awtorizzati għal użu fuq superfiċji li x'aktarx jitnaddfu frekwenti bl-ilma, ħlief trattamenti ta' xquq u fissuri jew trattamenti fil-post, sakemm ma tkunx tressqet dejta li turi li l-prodott se jissodisfa r-rekwiżiti kemm tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 98/8/KE kif ukoll tal-Anness VI għaliha, jekk ikun hemm bżonn permezz tal-applikazzjoni ta' miżuri xierqa ta' mitigazzjoni tar-riskji.
(8) Fid-dawl tar-riskji identifikati għas-saħħa tal-bniedem, huwa xieraq li jkun hemm l-esiġenza li l-prodotti awtorizzati għall-użu industrijali jew professjonali għandhom jintużaw b'tagħmir personali protettiv adegwat, sakemm fl-applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni tal-prodott ma jkunx jista' jintwera li r-riskji għall-utenti industrijali jew professjonali jistgħu jitnaqqsu għal livell aċċettabbli b'mezzi oħrajn.
(9) Minħabba r-riskju potenzjali għan-naħal li jagħmlu l-għasel, meta rilevanti, huwa xieraq li jkun hemm l-esiġenza li tittieħed azzjoni biex in-naħal li jkunu qed ifittxu l-ikel ma jitħallewx jidħlu fil-bejtiet ittrattati, billi jitneħħew ix-xehdiet jew billi jiġi mblokkat id-dħul għall-bejtiet.
(10) Id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva għandhom ikunu applikati fl-istess ħin fl-Istati Membri kollha sabiex ikun żgurat trattament ugwali fis-suq tal-Unjoni tal-prodotti bijoċidali li fihom is-sustanza attiva bendiocarb u wkoll biex jiffaċilitaw l-operat kif suppost tas-suq tal-prodotti bijoċidali inġenerali.
(11) Għandu jitħalla jgħaddi perjodu raġonevoli qabel ma sustanza attiva tiddaħħal fl-Anness I għad-Direttiva 98/8/KE, sabiex l-Istati Membri u l-partijiet interessati jkunu jistgħu jitħejjew biex jissodisfaw ir-rekwiżiti l-ġodda involuti u biex ikun żgurat li l-applikanti li ppreparaw id-dokumentazzjoni jistgħu jibbenefikaw bis-sħiħ mill-perjodu ta’ għaxar (10) snin ta’ protezzjoni tad-dejta, li skont l-Artikolu 12(1)(c)(ii) tad-Direttiva 98/8/KE, jibda mid-data tal-inklużjoni.
(12) Wara l-inklużjoni, l-Istati Membri għandhom jingħataw perjodu raġonevoli biex jimplimentaw l-Artikolu 16(3) tad-Direttiva 98/8/KE.
(13) Għaldaqstant, id-Direttiva 98/8/KE għandha tiġi emendata skont dan.
(14) Il-miżuri stipulati f’din id-Direttiva huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Prodotti Bijoċidali,
ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:
Artikolu 1 L-Anness I għad-Direttiva 98/8/KE huwa emendat skont l-Anness għal din id-Direttiva.
Artikolu 2
1. L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex ikunu konformi ma' din id-Direttiva, sa mhux aktar tard mill-31 ta' Jannar 2013. Huma għandhom japplikaw dawn id-dispożizzjonijiet mill-1 ta' Frar 2014. Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati mit-tali referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu kif għandha ssir din ir-referenza.
2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert b’din id-Direttiva.
Artikolu 3 Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Artikolu 4 Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmul fi Brussell, id-9 ta’ Frar 2012. Għall-Kummissjoni Il-President José Manuel Barroso
ANNEX
ANNESS
Fl-Anness I għad-Direttiva 98/8/KE għandha tiżdied l-entrata li ġejja: Nru Isem Komuni Isem tal-IUPAC Numri ta’ Identifikazzjoni Purezza minima tas-sustanza attiva fil-prodott bijoċidali kif jitqiegħed fis-suq Data tal-inklużjoni Skadenza sa meta għandu jkun hemm konformità mal-Artikolu 16(3) (ħlief għall-prodotti li jkun fihom aktar minn sustanza attiva waħda, li għalihom l-iskadenza sa meta għandhom jikkonformaw mal-Artikolu 16(3) għandha tkun dik stipulata fl-aħħar deċiżjoni minn dawk dwar l-inklużjoni marbuta mas-sustanzi attivi tagħhom) Data ta’ skadenza tal-inklużjoni Tip tal-prodott Dispożizzjonijiet speċifiċi 53 bendiocarb 2,2-dimetil-1,3-benżodiossol-4-yl metilkarbamat Nru CAS: 22781-23-3 Nru tal-KE: 245-216-8 970 g/kg l-1 ta' Frar 2014 il-31 ta’ Jannar 2016 il-31 Jannar 2024 18 Il-valutazzjoni tar-riskju fil-livell tal-Unjoni ma indirizzatx l-użi potenzjali kollha, iżda kienet tikkonċerna pereżempju, l-applikazzjonijiet minn professjonnisti biss, u kienet teskludi il-kuntatt mal-għalf jew mal-ikel u l-applikazzjoni diretta fil-ħamrija. Meta l-applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni ta' prodott tkun qed tiġi vvalutata, skont l-Artikolu 5 u l-Anness VI, l-Istati Membri għandhom jivvalutaw, fejn rilevanti għall-prodott partikolari, dawk ix-xenarji ta’ użu jew ta' esponiment u dawk ir-riskji għall-kompartimenti ambjentali u għall-popolazzjonijiet li ma ġewx indirizzati b’mod rappreżentattiv fil-valutazzjoni tar-riskju fil-livell tal-Unjoni. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtorizzazzjonijiet ikunu soġġetti għall-kundizzjonijiet li ġejjin:
Il-prodotti ma għandhomx jintużaw għat-trattament ta' superfiċji li x'aktarx jitnaddfu frekwenti bl-ilma, għajr trattamenti ta' xquq u fissuri jew trattamenti fil-post, sakemm ma tinbagħatx dejta li turi li l-prodott jissodifa ir-rekwiżiti tal-Artikolu 5 u l-Anness VI, jekk meħtieġ bl-applikazzjoni ta' miżuri adattati għall-mitigazzjoni tar-riskji.
Il-prodotti awtorizzati għall-użu industrijali jew professjonali għandhom jintużaw b'tagħmir personali protettiv adegwat, sakemm fl-applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni tal-prodott ma jkunx jista' jintwera li r-riskji għall-utenti industrijali jew professjonali jistgħu jitnaqqsu għal livell aċċettabbli b'mezzi oħrajn.
Meta rilevanti għandhom jittieħdu miżuri biex in-naħal li jkunu qed ifittxu l-ikel ma jitħallewx jidħlu fil-bejtiet ittrattati, billi jitneħħew ix-xehdiet jew billi jiġi mblokkat id-dħul għall-bejtiet.