Gelex

Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 583/2012 tat-2 ta' Lulju 2012 li jemenda l-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-użu tal-Polsorbati (E 432–436) fil-ħalib tal-ġewż tal-Indi (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

In forceVersion 2012-07-02from 2012-07-23
Grade B

mapped from publisher markup. A grade says how a document's structure was obtained, not how reliable the law is.

Ask Gelex about this law

Address https://gelex.eu/eli/EU/act/2012/583@2012-07-02/mt

Contents
  1. Preamble
  2. ANNEX

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar l-addittivi tal-ikel, u b’mod partikolari l-Artikolu 10(3), u l-Artikolu 30(5) tiegħu,

Billi:

(1) L-Anness II għar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 jistipula lista tal-Unjoni ta' addittivi tal-ikel approvati għall-użu fl-ikel u l-kondizzjonijiet tal-użu tagħhom.

(2) Din il-lista tista' tiġi emendata skont il-proċedura msemmija fir-Regolament (KE) Nru 1331/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 li jistabbilixxi proċedura ta’ awtorizzazzjoni komuni għall-addittivi tal-ikel, l-enżimi tal-ikel u l-aromatizzanti tal-ikel.

(3) Skont l-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE) Nru 1331/2008, il-lista' ta' addittivi tal-ikel tal-Unjoni tista' tiġi aġġornata jew fuq inizjattiva tal-Kummissjoni jew wara li ssir applikazzjoni.

(4) Tressqet applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni għall-użu tal-monoleat tal-Poliossietilene sorbitan (Polisorbat 80, E 433) bħala emulsjonant fil-ħalib tal-ġewż tal-Indi, li saret disponibbli għall-Istati Membri.

(5) Il-ħalib tal-ġewż tal-Indi, li huwa preparazzjoni tal-frott magħmul mis-saff ta' ġewwa taħt il-qoxra tal-ġewża tal-Indi flimkien mal-ilma permezz tal-omoġenizzazzjoni, ma jistax jibqa' fil-forma ta' emulsjoni mingħajr l-użu ta' emulsjonant. Il-monoleat tal-Poliossietilene sorbitan (Polisorbat 80, E 433) u l-Polisorbati (E 432–436) b'mod ġenerali ġew approvati bħala l-aktar emulsjonanti effettivi użati għal dan l-għan fil-pajjiżi terzi.

(6) Il-Kumitat Xjentifiku tal-Ikel alloka valur tad-doża aċċettabbli ta' kuljum (Acceptable Daily Intake (ADI)) f'livell ta' 10 mg/kg bw/jum lill-grupp ta' Polisorbati (E 432–436) fl-opinjoni tiegħu tat-8 ta' Lulju 1983. Ir-Rapport mill-Kummissjoni dwar il-Konsum fid-Dieta tal-Addittivi fl-Ikel fl-Unjoni Ewropea kkonkluda li l-Polisorbati (E 432–436) jistgħu jeħtieġu valutazzjoni tal-konsum aktar realistika msejsa fuq livell tal-użu attwali tal-addittivi tal-ikel. L-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (l-Awtorità) hija mistennija twettaq din il-valutazzjoni tal-konsum matul il-valutazzjoni mill-ġdid tal-Polisorbati (E 432–436) sal-aħħar tal-2016 kif previst mir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 257/2010. Sa dakinhar, il-kontributuri insinifikanti biss għall-konsum totali ta' dawk is-sustanzi għandhom jiġu eżaminati għal estensjoni potenzjali tal-użu. Il-konsum mistenni ta' Polisorbati (E 432–436) permezz tal-użu tiegħu fil-ħalib tal-ġewż tal-Indi skont kif valutat fuq il-bażi tad-dejta tad-distribuzzjoni totali tas-suq tal-ħalib tal-ġewż tal-Indi pprovduta mill-applikant jibqa' ħafna aktar baxx mill-ADI u għalhekk ma jwassalx għal espożizzjoni addizzjonali sinifikanti. Il-ħalib tal-ġewż tal-Indi huwa prodott b'konsum limitat, l-aktar użat għall-preparazzjoni tal-ikel u d-deżerti Ażjatiċi. Il-konsum valutat huwa negliġibbli u ħafna inqas minn 1 % ta' ADI, li ma jitqiesx bħala kontributur sinifikanti. Għalhekk, dik l-estensjoni partikolari tal-użu mhix qed titqies bħala waħda ta' tħassib għas-sigurtà.

(7) Skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament (KE) Nru 1331/2008, il-Kummissjoni għandha titlob l-opinjoni tal-Awtorità Ewropea biex taġġorna l-lista tal-Unjoni tal-addittivi tal-ikel stipulata fl-Anness II għar-Regolament (KE) Nru 1333/2008, għajr meta l-aġġornament inkwistjoni ma jkunx responsabbli li jħalli effett fuq is-saħħa tal-bniedem. Billi l-awtorizzazzjoni tal-użu tal-Polisorbati (E 432–436) bħala emulsjonanti fil-ħalib tal-ġewż tal-Indi tikkostitwixxi aġġornament ta’ dik il-lista li x'aktarx ma tħallix effett fuq is-saħħa tal-bniedem, mhux meħtieġ li titfittex l-opinjoni tal-Awtorità.

(8) Fl-Anness II għar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 il-Polisorbati (E 432–436) huma awtorizzati bħala grupp, billi dawn jappartjenu lill-istess grupp kimiku ta' sustanzi definiti bħala taħlitiet tal-esteri parzjali tas-sorbitol u l-mono-u dianidridi tiegħu mal-aċidi xaħmin. Huwa għalhekk xieraq li l-użu tal-Polisorbati (E 432–436) kollha jkun permess fil-ħalib tal-ġewż tal-Indi u mhux biss l-użu tal-addittiv tal-ikel il-monoleat tal-Poliossietilene sorbitan (Polysorbate 80, E 433).

(9) Skont id-dispożizzjonijiet tranżitorji tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1129/2011 tal-11 ta’ Novembru 2011 li jemendaw l-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill bl-istabbiliment ta’ lista tal-Unjoni għall-addittivi tal-ikel, l-Anness II li jistabbilixxi l-lista tal-Unjoni ta’ addittivi tal-ikel approvata għall-użu fl-ikel u l-kundizzjonijiet tal-użu, japplika mill-1 ta’ Ġunju 2013. Biex jiġi permess l-użu tal-Polisorbati (E 432–436) fil-ħalib tal-ġewż tal-Indi qabel dik id-data, huwa meħtieġ li tiġi speċifikata data tal-applikazzjoni aktar bikrija fir-rigward ta' dak l-addittiv tal-ikel.

(10) Għaldaqstant, l-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 għandu jiġi emendat skont dan.

(11) Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali u la l-Parlament Ewropew u lanqas il-Kunsill ma opponewhom,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1 L-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 huwa emendat skont l-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2 Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha. Magħmul fi Brussell, it-2 ta’ Lulju 2012. Għall-Kummissjoni Il-President José Manuel Barroso

ANNEX

ANNESS

Fil-Parti E tal-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008, l-annotazzjoni li ġejja qed tiddaħħal fil-kategorija tal-ikel 04.2.4.1 Preparazzjonijiet ta' frott u ħaxix eżkluż il-frott misjur fix-xropp (compote) wara l-annotazzjoni għal E 405: E 432–436 Polisorbati 500 (1) ħalib tal-ġewż tal-Indi biss Perjodu ta' applikazzjoni: Mit-23 ta' Lulju 2012

Versions

  1. 2012-07-02