Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 696/2012 tal-25 ta’ Lulju 2012 dwar il-klassifikazzjoni ta' ċerti oġġetti fin-Nomenklatura Magħquda
Grade B
mapped from publisher markup. A grade says how a document's structure was obtained, not how reliable the law is.
Address https://gelex.eu/eli/EU/act/2012/696@2012-07-25/mt
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta' Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta' Dwana, u b’mod partikolari l-Artikolu 9(1)(a) tiegħu,
Billi:
(1) Sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tan-Nomenklatura Magħquda annessa mar-Regolament (KEE) Nru 2658/87, huwa neċessarju li jiġu adottati miżuri li jikkonċernaw il-klassifikazzjoni tal-oġġetti msemmija fl-Anness ta' dan ir-Regolament.
(2) Ir-Regolament (KEE) Nru 2658/87 stabbilixxa r-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda. Dawn ir-regoli japplikaw ukoll għal kwalunkwe nomenklatura oħra li hija totalment jew parzjalment ibbażata fuqha jew li żżid xi suddiviżjoni addizzjonali magħha u li hija stabbilita minn dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Unjoni, bil-għan li jkun hemm l-applikazzjoni ta' tariffi u miżuri oħra relatati mal-kummerċ tal-oġġetti.
(3) Skont dawn ir-regoli ġenerali, il-prodotti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella mniżżla fl-Anness għandhom jiġu kklassifikati taħt il-kodiċi NM indikat fil-kolonna (2), minħabba r-raġunijiet stabbiliti fil-kolonna (3) ta' dik it-tabella.
(4) Huwa xieraq li jkun stipulat li informazzjoni tariffarja li torbot u li nħarġet mill-awtoritajiet tad-dwana tal-Istati Membri rigward il-klassifikazzjoni ta' oġġetti fin-Nomenklatura Magħquda, iżda li mhijiex skont dan ir-Regolament, tkun tista', għal perjodu ta' tliet xhur, tibqa’ tkun invokata mid-detentur, skont l-Artikolu 12(6) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta' Ottubru 1992 li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità.
(5) Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament tfasslu b’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali,
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1 L-oġġetti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella mniżżla fl-Anness għandhom ikunu kklassifikati fi ħdan in-Nomenklatura Magħquda taħt il-kodiċi NM indikat fil-kolonna (2) ta' din it-tabella.
Artikolu 2 Tagħrif tariffarju li jorbot maħruġ mill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri, li mhuwiex skont dan ir-Regolament, jista' jkompli jkun invokat għal perjodu ta' tliet xhur skont l-Artikolu 12(6) tar-Regolament (KEE) Nru 2913/92.
Artikolu 3 Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin ġurnata wara dik tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha. Magħmul fi Brussell, il-25 ta’ Lulju 2012. Għall-Kummissjoni, F’isem il-President, Algirdas Šemeta Membru tal-Kummissjoni
ANNEX
ANNESS
Deskrizzjoni tal-oġġetti Klassifikazzjoni (Kodiċi tan-NM) Raġunijiet (1) (2) (3) Suletti li jikkonsistu f’sezzjoni flessibbli ta' molla furketta magħmula mill-azzar u wiċċ artab interkambjabbli magħmul minn diversi materjali. Is-suletti huma adattati għall-forma tas-sieq u l-piż tal-ġisem tal-klijent. Is-suletti huma mfassla biex jitnaqqas il-piż fuq is-saqajn u l-ġisem kollu kemm hu. Is-sistema ta' appoġġ ta' tliet punti tas-suletta hija mfassla biex tappoġġja, iċċaqlaq u ssaħħaħ il-ligamenti, l-għeruq u l-muskoli. Hija tipprovdi assorbiment tax-xokkijiet, tiddistribwixxi l-piż tal-ġisem kollu indaqs fuq is-sieq kollha u tista' tikkumpensa għall-effetti negattivi ta' saqajn ċatti eżistenti. Il-wiċċ artab jimmassaġġja s-sieq. Ara l-istampa. 64069050 Il-klassifikazzjoni hija ddeterminata mir-Regoli Ġenerali 1 u 6 għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda u tal-kliem użat fil-kodiċijiet tan-NM 6406, 640690 u 64069050. Is-suletti mhumiex maħsubin biex jikkoreġu kundizzjonijiet ortopediċi għaliex mhumiex adattati speċjalment għal kwalunkwe żvantaġġi li huma intenzjonati li jikkoreġu, iżda huma mfassla biex itejbu l-kumdità tas-sieq u tal-ġisem u sabiex jikkumpensaw l-effetti ħżiena tal-problemi eżistenti (ara n-Nota 6 mal-Kapitolu 90). Il-klassifikazzjoni taħt it-titlu 9021 bħala apparat ortopediku hija għalhekk eskluża. Is-suletti għandhom għalhekk jiġu kklassifikati taħt il-kodiċi NM 64069050 bħala suletti li jistgħu jinbidlu.