Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-23 ta’ Novembru 2012 dwar in-noninklużjoni tal-bifentrin għall-prodotti tat-tip 18 fl-Anness I, IA jew IB tad-Direttiva 98/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq tal-prodotti bijoċidali (notifikata bid-dokument numru C(2012) 8442) (Test b’relevanza għaż-ŻEE) (2012/728/UE)
Grade B
mapped from publisher markup. A grade says how a document's structure was obtained, not how reliable the law is.
Address https://gelex.eu/eli/EU/act/2012/728@2012-11-23/mt
Contents
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva 98/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 1998 dwar it-tqegħid fis-suq tal-prodotti bijoċidali, u b’mod partikolari t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 16(2) tagħha,
Billi:
(1) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1451/2007 tal-4 ta’ Diċembru 2007 dwar it-tieni fażi tal-programm ta’ ħidma ta’ 10 snin imsemmi fl-Artikolu 16(2) tad-Direttiva 98/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti bijoċidali jistabbilixxi lista ta’ sustanzi attivi li għandhom jiġu vvalutati, bil-għan li possibbilment jiġu inklużi fl-Anness I, IA jew IB tad-Direttiva 98/8/KE. Dik il-lista tinkludi l-bifentrin.
(2) Skont ir-Regolament (KE) Nru 1451/2007, il-bifentrin ġie evalwat skont l-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 98/8/KE għall-użu fi prodotti tat-tip 18, insettiċidi, akariċidi u prodotti għall-kontroll ta’ artropodi oħra, kif iddefiniti fl-Anness V għal dik id-Direttiva.
(3) Franza nħatret bħala l-Istat Membru Rapporteur u ressqet ir-rapport tal-awtorità kompetenti, flimkien ma’ rakkomandazzjoni, quddiem il-Kummissjoni fit-2 ta’ Novembru 2009 skont l-Artikolu 14(4) u (6) tar-Regolament (KE) Nru 1451/2007.
(4) Ir-rapport tal-awtorità kompetenti ġie analizzat mill-Istati Membri u mill-Kummissjoni. Skont l-Artikolu 15(4) tar-Regolament (KE) Nru 1451/2007, is-sejbiet mill-analiżi ġew inkorporati, fi ħdan il-Kumitat Permanenti dwar il-Prodotti Bijoċidali fil-25 ta’ Mejju 2012, f’rapport ta’ valutazzjoni.
(5) Il-valutazzjoni wriet li l-prodotti bijoċidali użati bħala insettiċidi, akariċidi u prodotti għall-kontroll ta’ artropodi oħra u li fihom il-bifentrin ma jistgħux jiġu preżunti li jissodisfaw ir-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 98/8/KE. Ix-xenarji evalwati fil-valutazzjoni tar-riskji ambjentali wrew riskju inaċċettabbli għall-kompartiment akkwatiku. Għalhekk, mhuwiex xieraq li l-bifentrin jiddaħħal għall-użu fil-prodotti tat-tip 18 fl-Annessi I, IA jew IB tad-Direttiva 98/8/KE.
(6) Fl-interess taċ-ċertezza legali, għandha tiġi speċifikata d-data li minnha l-prodotti bijoċidali tal-prodotti tat-tip 18 li fihom il-bifentrin ma għandhomx jibqgħu jitqiegħdu fis-suq, filwaqt li jitqiesu kemm l-effetti inaċċettabbli ta’ dawk il-prodotti kif ukoll l-aspettattivi leġittimi tal-manifatturi ta’ dawk il-prodotti.
(7) Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Prodotti Bijoċidali,
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1 Il-bifentrin (Nru tal-CAS 82657-04-3) ma għandux jiġi inkluż fl-Annessi I, IA jew IB tad-Direttiva 98/8/KE għall-prodotti tat-tip 18.
Artikolu 2 Għall-finijiet tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament (KE) Nru 1451/2007, prodotti bijoċidali tal-prodotti tat-tip 18 li fihom il-bifentrin (Nru tal-CAS 82657-04-3) ma għandhomx jibqgħu jitqiegħdu fis-suq b’effett mill-1 ta’ Mejju 2013.
Artikolu 3 Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmul fi Brussell, it-23 ta’ Novembru 2012. Għall-Kummissjoni Janez Potočnik Membru tal-Kummissjoni